F’Mejju tal-2013 ħareġ il-ktieb għall-istudenti tar-Raba’ u l-Ħames klassi tas-Sekondarja, 4.mt (Merlin Publishers), xogħol Clare Azzopardi bil-kontribut ta’ għadd ta’ awturi, fosthom tiegħi.
Il-kitbiet tiegħi f’dan il-ktieb jiffukaw fuq il-qari kritiku tal-letteratura u ħadt gost ħafna niktibhom għax ippruvajt nittrażmetti fihom mhux biss metodu kritiku imma anki passjoni għal-letteratura.
Apparti silta mill-ktejjeb tiegħi, Ħożż fl-Ilma. Il-Kotba, il-Qari u l-Baħar, hemm kitba introduttiva tiegħi dwar l-analiżi ta’ test letterarju bl-isem ta’ “Riċetta Perfetta?,” b’osservazzjonijiet bħal din:
“Meta tiġi biex tikteb il-komponent letterarju, agħti importanti kbira lill-introduzzjoni u l-konklużjoni. Anki hawn, m’hemmx riċetti maġiċi. Wara li tkun fassalt kif se tqassam il-paragrafi, b’punt tekniku importanti spjegat f’kull paragrafu, tista’ tiddeċiedi fuq l-introduzzjoni u l-konklużjoni. L-iktar introduzzjoni sempliċi imma fl-istess ħin konkreta tkun lista tal-punti ewlenin li se tiddiskuti f’kull wieħed mill-paragrafi tal-komponiment. Tista’ wkoll tiffoka, minflok, fuq aspett tekniku jew stilistiku li tqisu bħala dominanti jew kruċjali fil-kitba.”
Barra minn hekk, għal 4.mt ktibt ukoll analiżi tal-poeżija “Ġarġir mal-Ħerża” ta’ Marjanu Vella, analiżi tan-novella “Bl-Irħis” ta’ Vincent Vella, u kitba dwar “Id-deskrizzjoni bħala element letterarju importanti.”
4.mt huwa r-raba’ ktieb fis-serje .mt magħmul għall-istudenti tar-raba’ u l-ħames sena fis-sekondarja. Bħall-kotba l-oħra fi ħdan l-istess serje, kull taqsima titlaq minn storja jew silta, minn ġrajja, aħbar, ittra jew argument. Uħud huma miktubin apposta għal dan il-ktieb minn kittieba magħrufa bħal Adrian Grima, Pierre J. Mejlak, Immanuel Mifsud u Trevor Żahra. Kitbiet oħra huma adattati minn kotba differenti. It-temi jvarjaw bħalma jvarjaw il-ġeneri. Marbut ma’ kull silta hemm sett ta’ mistoqsijiet li għandhom iqanqlu diskussjoni u riflessjoni. Kull taqsima għandha tgħin lill-istudenti fil-ħiliet tal-qari (permezz tat-taħriġ il-fehem), it-taħdit (permezz tad-diskussjoni u l-preżentazzjoni fil-klassi), is-smigħ (permezz tal-podcasts) u l-kitba. Apparti hekk, it-taqsimiet għandhom ukoll iqajmu interess għall-għarfien kulturali li jmur lil hinn minn dak ta’ pajjiżna, kif ukoll għall-għarfien grammatikali, sintattiku u ortografiku.