L-Avventura tal-Kelma

Dan l-aħħar kelli l-opportunità niltaqa’ mal-istudenti tar-raba’ klassi tal-Kulleġġ San Alwiġi u s-sitt klassi tal-primarja tal-iskola tal-Qrendi f’żewġ okkażjonijiet differenti ħafna minn xulxin li fihom tkellimna dwar il-letteratura u x’tista’ tagħmel biha.

Image

Il-Ħamis 18 ta’ April, mal-istudenti ta’ San Alwiġi li qegħdin jistudjaw il-ktieb Bejn Ħalltejn bħala punt mill-istudju tagħhom tal-letteratura bil-Malti, rajna l-ewwel sekwenzi, drammatiċi, minn Slumdog Millionaire ta’ Danny Boyle u kif strateġiji narrattivi bħall-anakronija, it-ton, il-punt di vista, ix-xbihat, u r-ritmu jintużaw biex jesploraw kontenut tematiku kumpless f’rakkont verament imprevedibbli.

Din is-sekwenza bikrija tal-film serviet bħala punt tat-tluq għal riflessjonijiet dwar dawn l-istrateġiji li jitħaddmu fil-lingwaġġ differenti, imma f’ċertu sens simili, tal-letteratura, fil-kitbiet li hemm miġburin f’Bejn Ħalltejn, min-novelli ta’ Clare Azzopardi, Vincent Vella u Pierre J. Mejlak, sal-poeżiji ta’ Mario Azzopardi u Immanuel Mifsud.

Image

Wara din il-laqgħa interattiva mal-istudenti, tkellimt mal-għalliema tal-Malti fil-Kulleġġ li qegħdin iħejju lil dan l-ewwel grupp ta’ studenti għas-sillabu l-ġdid tal-Malti għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (il-livell Ordinarju) dwar l-isfida li l-istudenti jħarsu lejn il-mod kif taħdem il-letteratura iktar milli jiffokaw biss fuq it-tematika tagħha, dak li tgħid. Issa importanti li l-MATSEC jimxi mal-karta mudell li fassal hu stess meta jsir l-ewwel eżami f’April/Mejju tal-2014. L-għalliema u l-istudenti qed jitħejjew għalih, għal esperjenza awtentika ta’ letteratura, għal perspettiva profondament differenti tad-dinamika u l-istudju tagħha.

Imbagħad il-Ħamis 25 ta’ April 2013 kont wieħed mill-awturi mistednin mill-iskola primarja tal-Qrendi, fuq inizjattiva tal-assistent kap tal-iskola Sergio Grech, f’ġimgħa mimlija attivitajiet biex jitfakkar il-Jum Dinji tal-Ktieb fit-23 ta’ April. Iltqajna l-Knisja ta’ San Mattew tal-Maqluba u minbarra li qrajt xi poeżiji minn Vleġġa Kkargata, fosthom “Li Rrid,” “Min Jaf?” u “Minuta Nifs,” ktibna flimkien limerikki dwar il-Maqluba, imnebbħa minn dan il-limerikk ta’ Anton Buttigieg:

ANTON BUTTIGIEG

Kien hemm darba xiħ il-Maqluba

miskin kellu żaqq daqs katuba;

għattieha bil-landa,

u ħareġ mal-banda

iħabbat minflok il-katuba.

Ma kinux limerikki perfetti dawk li kitbu, fi ftit minuti, l-istudenti, u forsi lanqas limerikki, imma kienu kitbiet li t-tfal kitbuhom b’entużjażmu kbir li ħalla lill-kelma tagħmel dak li kapaċi tagħmel: issaħħar lil min jużaha b’mod miftuħ, b’mod kreattiv. Kienet siegħa ta’ avventura bil-kelma.

Nixtieq nirringrazzja lill-għalliema u lis-Surmast u l-assistent tiegħu. Hija skola li temmen ħafna li l-istudenti jieħdu gost jitgħallmu permezz ta’ attivitajiet differenti, li sikwit joħorġuhom minn ġol-bini tal-iskola.

Dawn il-mumenti jfakkruni x’kapaċi tagħmel il-letteratura ma’ kull min jinfetaħ għaliha, ikunu xi jkunu l-età u l-ħiliet akkademiċi tiegħu.

Dan kien wieħed mil-limerikki li ktibt jien:

Il-MAQLUBA – I

Jien darba mort knisja l-Maqluba

xtaqt nikteb ftit versi magħluba.

Ġie kollox bil-fard

għax bdiet nieżla l-art

flok għanja ġie l-bumm tal-katuba.

Image

Imbagħad, bl-għajnuna tal-kliem li jirrima li tawni l-istudenti, ktibt dan:

Il-MAQLUBA – II

Filgħodu mat-tfal il-Maqluba,

Fejn darba kien hemm il-ħarruba.

Ħadt ħafna pjaċir,

‘żda l-ħin beda jtir,

U tlaqt qisni tigra maħruba.

Ili ngħid li rrid intiha għal-limerikki. Forsi għad nisimgħu bil-limerikk anki mingħand l-istudenti li esperimentaw bih fil-knisja tal-Maqluba.

 Adrian Grima, il-Maqluba, 25 ta’ April 2013

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s