Il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu 2013, Xarabank fit-Tanżanija, TVM
Ilbieraħ filgħaxija, kont qrib biżżejjed tas-sett tat-televixin biex nisma’, sakemm qalbulu, parti mill-edizzjoni ta’ Xarabank fuq missjoni fit-Tanżanija. Naħseb li programm bħal dak ma kien jixxandar fuq ebda stazzjon nazzjonali ieħor li għandu l-iċken rispett lejn il-persuni li jitkellem fuqhom u lejh innifsu.
Jekk il-“ġurnalisti” ta’ Xarabank, għax Xarabank jippreżenta ruħu bħala programm li jinvestiga, li jgħarrex taħt il-wiċċ, iriduna nqisuhom bħala ġurnalisti, iridu jikkonsultaw il-kodiċi tal-etika ta’ organizzazzjonijiet bħas-Soċjetà tal-Ġurnalisti Professjonali (www.spj.org). Il-kodiċi jitkellem ċar fuq għadd ta’ aspetti tax-xogħol tal-ġurnalisti: “Tell the story of the diversity and magnitude of the human experience boldly,” jgħid il-kodiċi. Imma l-programm Xarabank tal-bieraħ daqq qanpiena waħda biss, forsi għax iktar kellu l-iskop li jinkoraġġixxi lin-nies jgħinu finanzjarjament (għan nobbli fih innifsu) milli li jagħti informazzjoni (għan nobbli fih innifsu wkoll). Iż-żewġ affarijiet m’għandux ikun hemm konfużjoni bejniethom: “Distinguish between advocacy and news reporting. Analysis and commentary should be labeled and not misrepresent fact or context.”
Il-punt dwar l-isterjotipi, dwar it-tip ta’ titli u tikketti li nagħtu lil ġnus u kulturi oħrajn inħoss li hu partikolarment rilevanti għal din l-edizzjoni ta’ Xarabank u programmi oħrajn fuq l-istazzjonijiet Maltin. “Avoid stereotyping by race, gender, age, religion, ethnicity, geography, sexual orientation, disability, physical appearance or social status.” Mhux faċli, għax aħna bnedmin. Imma min se jagħmel programm li jaraw eluf kbar ta’ nies fuq l-istazzjon nazzjonali għandu obbligu speċjali.
L-Awtorità Li Jagħtuk Ftit Jiem
Ħadd, lanqas it-tim “imdawwal” ta’ Xarabank, m’għandu d-dritt imur f’pajjiż ieħor, jagħmel erbat ijiem hemmhekk, u mbagħad jipproduċi programm li fih jitkellem “b’awtorità” fuq sitwazzjoni li ma jkun għamel ebda sforz serju biex jifhem il-kumplessitajiet kbar tagħha, la qabel, la waqt u lanqas wara ż-żjara.
Min-nofs siegħa mill-programm li smajt jien tkellmu l-Maltin biss. Nies li rawh kollu kkonfermawli li l-programm kollu kien hekk. Minn dawk li suppost kienu l-protagonisti taż-żjara, in-nies tal-post, ma smajt lil ħadd jitkellem. Ma smajt lil ħadd jipprova jispjega r-raġunijiet għas-sitwazzjoni mwiegħra li bdew jiddeskrivu b’vuċijiet imqanqlin il-membri tat-tim ta’ Xarabank li milli jidher kienu qegħdin iġarrbu esperjenza ta’ faqar kbir għall-ewwel darba.
Ma smajt lil ħadd jesplora x’sehem jista’ jkun li għandhom il-pajjiżi sinjuri, avvanzati, demokratiċi, imdawlin fil-qagħda mwiegħra, drammatika ta’ komunitajiet bħal dik
Il-kodiċi jeżiġi dan mill-ġurnalisti, li jeżaminaw il-valuri kulturali tagħhom u ma jimponuhomx fuq il-valuri ta’ ħaddieħor: “Examine their own cultural values and avoid imposing those values on others.” Fit-tip ta’ narrattiva li smajt fil-programm ħassejt li n-nies li tkellmu sabuha diffiċli li jimmaġinaw realtajiet differenti minn tagħhom, li jwarrbu l-idea li l-mudell tagħhom huwa l-ideali u l-oħrajn iridu jaraw x’se jagħmlu biex ilaħħqu miegħu.
Imma l-iktar ħaġa li rrabjatni kienet li n-nies tal-komunità tal-post ma smajthom jitkellmu xejn. Il-programm suppost kien fuqhom imma leħenhom ma nstema’ xejn.
Forsi wara l-kwarta riklami dwar l-investimenti, it-telefonati, l-appliances, il-linef, il-makeovers, u l-bqija tar-rimiżolji li jiffinanzjaw programmi karitatevoli bħal dawn, kien hemm taqliba ta’ taħt fuq, u jien inzertajt biss il-purgatorju qabel il-ġenna, il-bikja ta’ diqa qabel il-bikja ħelliesa tal-ferħ, il-kobba mħabbla qabel bdew iħolluha… Imma ma tantx għandi tama li ġara hekk. Sadattant qalbulu u bdew jaraw film differenti – jew kważi. Għax ta’ Xarabank kien film ukoll.
Wieħed mill-ħbieb tiegħi li ra ħafna mill-programm qalli li kien hemm waqtiet li fihom ssemmew fuq fuq il-kawżi ta’ ftit mill-problemi kbar li jiffaċċaw in-nies tat-Tanżanija, imma dan ma kienx biżżejjed. “Kien hemm wisq ‘imsieken’ u ‘jaħasra.’”
L-Istazzjon Nazzjonali u s-Servizz Pubbliku
Inkunu qed nippretendu wisq jekk nippretendu li programm li jirrakkonta realtajiet umani bħal dawn fuq l-istazzjon nazzjonali, stazzjon li għandu l-obbligu li joffri servizz pubbliku, jinforma ruħu dwar kif tirrakkonta l-istorja ta’ ħaddieħor? Inkunu qed nistennew wisq jekk nistennew li programm bħal dan ma jirrepretix l-isterjotipi li tant jirrabjaw lil dawk li jispiċċaw protagonisti ta’ dawn ir-rakkonti?
Mhux qed nitkellem dwar il-missjunarji, u mhux qed niddubita li l-intenzjoni kienet karitatevoli. Imma l-intenzjoni tajba biżżejjed meta tkun qed tirrakkonta l-ħajja, anki privata, ta’ nies li bilkemm tafhom? Xi ħadd ieħor li rah qalli li “l-programm kellu biss l-iskop li jmiss il-qlub;” sempliċiment “xeni ta’ miżerja mingħajr kuntest.”
Ħabiba tiegħi qalet li għalkemm żaret it-Tanzanija għal vaganza u għalhekk ma ratx faqar esaġerat, xorta rat affarijiet koroh. Imma “apprezzajt wisq iktar dak li jgħaddu minnu dawn in-nies meta kellimthom u spjegawli l-politika f’pajjiżhom, il-korruzzjoni sfrenata!” Qaltli li meta rat il-programm, il-“miskin/a” u “jaħasra” darrsuha.” Jekk “tqarras wiċċek quddiemhom” mhux se “tqawwilhomx qalbhom!”
Kemm se ndumu nirrakkontaw l-istorja tal-Afrika jew tal-“missjoni” biss bid-diskors tal-“imsieken”? Għandna ħafna nies li għexuhom dawn is-sitwazzjonijiet, li ppruvaw jirrakkontawhom b’rispett u sensittività, li studjawhom fit-tul. Ma setgħux jiġu kkonsultati? It-tim ta’ Xarabank kellu jitħejja ħafna aħjar għar-responsabbiltajiet tiegħu hu u jirrakkonta l-istorja ta’ ħaddieħor, għall-kwistjonijiet etiċi li programm bħal dan iqanqal. Anki n-“nies tal-missjoni,” fqar kemm huma fqar, għandhom id-dinjità tagħhom u jistħoqqilhom rispett sħiħ.
Kif implikat il-ħabiba tiegħi, il-programm seta’ wassal rakkont min-naħa tan-nies stess, u aħna nisimgħu, mhux nitkellmu. Nisimgħu, u nippruvaw nifhmu r-realtajiet u l-kuntest minn fomm min jgħixhom. Mill-kuntest jirnexxilna nifhmu iżjed dak li jirakkontawlna.
In-Nies Li Jilqgħuk f’Darhom
Ħabiba oħra tiegħi, ġurnalista, innutat li l-promo tal-programm kien diġà qed jinsinwa li “dawn l-imsieken poġġewhomlna fuq l-iskrin għax ilbierah kien id-Duluri…” U persuna oħra qaltli li rat biċċa sew mill-programm u dehrilha li meta waħda mill-membri tat-tim ta’ Xarabank “bdiet tieħu t-trabi f’idejha, l-omm ta’ kull tarbija kella diqa (jew rabja kbira). Ċerta li bdew iħossuhom umiljati.” Qaltli li l-iskop kien li jiġbru l-flus għall-missjoni fil-programm li jmiss, tal-Ġimgħa l-Kbira u li, “Kien kif kien, jalla jiġbru.”
Skont il-ġurnalista “l-għan kien li jġibuna konxji ta’ dan il-faqar għax hawn min ma jafx li jeżisti, ħalli meta jerġgħu jagħmlu programm biex jiġbru, in-nies ikollha doża doppja ta’ ‘msieken.’ Però ejja ngħiduha kif inhi… x’tistenna minn Xarabank? Meta qatt għamlu programm profond u mhux preżentat b’mod superfiċjali?” Ħabib ieħor, involut ħafna fil-qasam soċjali, qalli li qaliblu fuq stazzjon ieħor: “il-faqar, il-ġlied żergħuh l-istess pajjiżi sinjuri… għalkemm naqbel ma’ għajnuna u proġetti sostenibbli mis-soċjetà ċivili.”
Naħseb li kulħadd jaqbel ma’ proġetti ta’ koperazzjoni internazzjonali bi sħab man-nies tal-post li jassistu lil dawk li huma fil-bżonn u jittrattawhom b’dinjità u rispett. Min jista’ ma jaqbilx. Il-problema hi li programmi bħal dawn jagħtu biss il-messaġġ li dawn in-nies huma fqar u mhux kapaċi jgħinu lilhom infushom, li qatt ma jitgħallmu, li ngħinuhom kemm ngħinuhom dejjem jibqgħu l-istess. U għalhekk huma inferjuri għalina, għax aħna rnexxejna. Forsi inkonxjament, programmi magħmulin b’dan il-mod jagħmlu ġudizzju fuq bnedmin u fuq sitwazzjonijiet ii ma jafuhomx wisq. (Dan ma jgħoddx għall-missjunarji nfushom li jgħixu hemm.) U mbagħad in-nies lanqas nisimgħu leħenhom, il-fehma tagħhom. Huma ‘m’għandhomx vuċi’ u aħna, suppost biex ngħinuhom, inkomplu neħduhielhom.
Il-kodiċi tas-Soċjetà tal-Ġurnalisti Professjonali jitkellem ċar: “Give voice to the voiceless; official and unofficial sources of information can be equally valid.” F’dan il-każ, min-naħa tal-komunità la smajna vuċijiet uffiċjali u lanqas mhux uffiċjali. Smajna biss lill-Maltin.
Ħafna snin ilu mort l-Uganda biex nagħmel xogħol volontarju f’dar li kienet tilqa’ persuni “normali” u persuni b’diżabilità mentali (u f’ċerti każijiet anki fiżika). Din il-komunità tagħmel parti minn komunità internazzjonali li jisimha L’Arche. Kienet esperjenza straordinarja għalija. Kont nagħmel sigħat nitkellmu man-nies u l-hena tiegħi nistaqsi u jispjegawli. Tgħallimt affarjiet mingħand nies bħal Emanuel Unenboth li baqgħu ttimbrati f’moħħi sal-lum, speċjalment meta kien jispjegali dwar l-istorja mqallba tal-Uganda minn naħa u dwar il-metodi ta’ ħolqien ta’ elettriku permezz tal-biomass, il-ħmieġ tal-baqar u l-ħaxix ħażin min-naħa l-oħra.
Però l-iktar ħaġa li kienet impressjonatni kienet id-dinjità tagħhom. Dinjità kbira. U anki jekk it-toroq kienu tat-trab, u kien hemm ħafna armi fl-idejn (minħabba snin ta’ gwerra ċivili), u anki jekk l-iġjene ma kinitx dejjem kif xtaqtha tkun jien (bl-etnoċentriżmu tiegħi), tlaqt minn hemm b’rispett KBIR lejn dawn il-persuni, lejn l-istejjer individwali tagħhom, lejn il-mod kif laqgħuni. U ktibt għadd ta’ poeżiji u artikli għax ħassejt li kien dmir tiegħi nwassal il-vuċi ta’ dawn il-ħbieb ġodda li laqgħuni f’arthom, fi djarhom, f’ħajjithom.
Stampa Negattiva
Kodiċi ieħor imfassal bis-sehem ta’ għaqdiet Maltin huwa l-“Kodiċi ta’ Mġiba dwar l-Użu ta’ Xbihat u Messaġġi” tal-2006 għall-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fl-oqsma tal-emerġenza, tal-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, u tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp. Dawn l-għaqdiet iridu jsegwu dan il-kodiċi fil-komunikazzjoni tagħhom mal-mezzi tax-xandir dwar ix-xogħol li jagħmlu. Huwa fatt, jgħid id-dokument,
li ħafna mix-xbihat dwar il-faqar estrem u t-tbatija umanitarja huma negattivi u dan ħadd ma jista’ jagħżel li jinjorah. Jekk ninjorawhom immorru kontra l-ispirtu ta’ dan il-Kodiċi li jisħaq li l-komunikazzjoni għandha twassal ir-realtà tal-ħajja tan-nies b’mod sensittiv u b’rispett lejn id-dinjità sħiħa tagħhom.
Ix-xbihat u l-messaġġi għandhom jagħtu stampa sħiħa, kemm tal-għajnuna interna kif ukoll ta’ dik esterna u tas-sħubija li ħafna drabi tikber bejn l-għaqdiet mhux governattivi lokali u dawk internazzjonali.
Dawk kollha li jitkellmu dwar sitwazzjonijiet ta’ faqar jistgħu jagħmlu xogħol aħjar u iktar rispettuż jekk jimxu ma’ dan il-kodiċi. L-għażla tax-xbihat u tal-messaġġi, jgħid id-dokument, għandha ssir fid-dawl ta’ tliet prinċipji ewlenin: il-ħarsien tad-dinjità tan-nies ikkonċernati; it-twemmin fl-ugwaljanza bejn il-persuni; u t-twettiq u l-promozzjoni ta’ mġiba ġusta u solidali.
B’dan il-mod jista’ jkollna programmi bħal ta’ Xarabank li waqt li jħeġġu lill-pubbliku Malti biex jgħin finanzjarjament lill-foqra barra minn Maltin (u f’Malta) joffri wkoll informazzjoni tajba li teduka u tqanqal rispett lejn id-dinjità u l-ħiliet ta’ kull persuna.
Adrian Grima
23 ta’ Marzu 2013