In-Nisa Maltin Jafu Kif, Teatru Manoel, 22-24 ta’ Marzu 2013
Id-dramm il-ġdid ta’ Clare Azzopardi huwa irreverenti, imma ċertament mhux frivolu, jew sensazzjonalista.
Irid, u nħoss li jirnexxilu, jipprovoka perspettivi oħrajn, jew aħjar iġegħelna nirrikonoxxu li jeżistu perspettivi oħrajn, esperjenzi differenti marbutin ma’ realtajiet importanti f’ħajjitna bħalma huma r-relazzjonijiet bejn is-sessi u bejn il-ġeneri, ir-rwoli tagħna fil-familja, ir-reliġjon, is-sesswalità nfisha… Huwa dramm li jimxi kontinwament fuq il-ħabel stirat bejn il-komiċità u d-drammatiċità, bejn l-ironija li ddaħħqek u l-ironija li tqattgħek minn ġewwa, bejn il-grottesk u t-traġiku, bejn is-surreali u r-reali. Marcelle Teuma, id-direttriċi, ma tagħmilx għażliet faċli. Ma tfittixx dak li huwa diġà magħruf.Hemm xeni li naf fiċ-ċert li se jibqgħu mwaħħlin ġo moħħi – u ġo qalbi, bħal dik tan-nisa li jsiru suldati Rumani, parodija tal-maskulinità; jew ix-xena stupenda, memorabbli, li biha jagħlaq id-dramm, xena li għalija tirrappreżenta l-quċċata tat-teatralità f’dan ix-xogħol, u li ma rridx nikteb fuqha għax min għadu ma rahiex kapaċi nħassarhielu…
Id-dramm jimxi b’mod lineari, mument wara l-ieħor, ġrajja wara l-oħra – ħaġa li ma tantx tistennieha minn kittieba bħal Clare Azzopardi li tħobb tant tqanqal perspettivi u emozzjonijiet ġodda permezz tat-taqlib tal-kronoloġija tal-ġrajjiet, l-anakronija.
Imma hemm teatralità u emozzjonijiet li jikkumpensaw tajjeb għal din il-linearità narrattiva, u t-tmiem iġiegħlek tqis id-dramm kollu mill-ġdid, terġa’ tarah, xena wara l-oħra ġo moħħok. Fortunatament tista’ tagħmel dan kollu waħdek, skont kif għextu int. Meta rajt id-dramm jien, is-Sibt filgħaxija, ħassejt li l-biċċa l-kbira tal-udjenza ħassitha involuta sew fl-istejjer verament serji li jirrakkontaw in-nisa. Imma dan mhuwiex dramm tan-nisa jew għan-nisa. Dan huwa dramm, kif qalli ħabib u kollega, dwar il-bnedmin, dwar l-umanità tagħna, midfuna ġo fina, li tirreaġixxi meta tara l-vjolenza, l-impożizzjoni, it-turmenti tal-memorja, il-kummiedja tan-natura umana, l-inġustizzja, l-ipokrizija. Jien m’iniex kritiku tat-teatru. Lanqas m’jiena midħla wisq tat-teatru. nista’ nikteb biss dwar dak li rajt u ħassejt jien.
U għalija dan huwa teatru dwar it-teatru tal-ħajja tagħna, teatru li jirrifjuta li jinjora dak li ngħixu ta’ kuljum, fis-skiet itturmentat ta’ ġo fina u fir-relazzjonijiet itturmentati tagħna ma’ ta’ madwarna, ma’ dawk li nħobbu, ma’ dawk li joħonquna, ma’ dawk li jfissduna meta nkunu rridu ntemmu kollox f’daqqa.Dan mhuwiex dramm faċli. Jekk tgħaddi siegħa żmien, tmurx tarah, għax mhux se jħallik bi kwietek. Jekk trid tmur tarah biss biex tikkonferma l-perspettivi tiegħek, tmurx lanqas. Dan huwa dramm irreverenti li jipprova jisma’ l-vuċijiet oskuri tagħna u tan-nies ta’ madwarna.
Jekk ma tridx tisma’ dawn il-vuċijiet l-oħra, dawn l-istejjer tal-oħrajn, dawn it-tqanqiliet oskuri, mur xi mkien ieħor. Għandek kull dritt.Imma tkun qed titlef xi ħaġa.http://www.facebook.com/events/554112431266167/
Adrian Grima