Adrian Grima | 9.10.12
Naf li dawn il-ftit osservazzjonijiet jesprimu dak li jħossu għadd ta’ lecturers u studenti Universitarji imma naf ukoll li se jdarrsu lil oħrajn li jħossu li m’iniex napprezza l-isforz kbir tal-organizzaturi jew li qed nagħmel għaġeb fuq xejn. Għaldaqstant nixtieq nibda billi ngħid li napprezza x-xogħol kbir li jsir mill-KSU u lamministrazzjoni tal-Università biex issir ġimgħa ta’ attivitajiet li jilqgħu lill-istudenti l-ġodda u nittama li dan li se jgħid joffri spunti għal evalwazzjoni mill- ġdid tal-istruttura ta’ din il-ġimgħa introduttiva.
Invażjoni tal-Ispazju Pubbliku u Privat
Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru 2012, l-Għaqda tal-Malti (Università) stednitni għal intervista, immexxija mill-president tagħha Emanuel Psaila, fl-aħħar jum talFreshers’ Week li fiha tkellimt ftit propju dwar din il-ġimgħa ta’ merħba. Ħaġa li laqtitni iżjed mis-soltu din is-sena kienet il-preżenza ta’ għadd kbir ta’ għaqdiet tal-istudenti, kemm dawk marbutin mas-suġġett li jistudjaw, bħall-għaqda talistudenti tas-Soċjoloġija, kif ukoll dawk li għandhom missjoni iktar wiesgħa, bħallgħaqda ambjentali Greenhouse. Dawn l-għaqdiet huma l-qalb u l-mutur tal-korp studentesk għax fihom hemm enerġija umana u intellettwali li waqt li tħabrek biex ittejjeb l-istrutturi preżenti fi ħdan l-Università u ’l barra minnha, tħares ukoll lil hinn minnhom lejn Università aħjar, lejn pajjiż u lejn dinja aħjar, iżżarma listrutturi mentali dominanti u tfassal oħrajn ġodda.
Dawn l-għaqdiet, fosthom l-Għaqda tal-Malti, bl-enerġija l-ġdida li ngħatalha permezz tal-kumitat transitorju li għandha, kienu skjerati taħt tinda fil-parkeġġ ta’ fejn Dar l-Istudenti, waqt li l-ispazju ewlieni ta’ quddiem il-canteen kien iddominat mill-kumpaniji privati li għandhom interess ekonomiku fil-korp studentesk, millARRIVA sa GO u Deloitte, u minn tined kbar tal-partiti politiċi ewlenin filParlament Ewropew u l-Parlament Malti, dawk, biex niftiehmu, li ssibhom kull fejn iddawwar wiċċek u tismagħhom kull darba li tiftaħ widnejk.
Biex tgħaddi minn dan l-iktar spazju passaġġ fuq il-kampus ridt bilfors tgħaddi minn ġod-dominju ta’ dawn il-kumpaniji privati u l-prodotti eċitanti tagħhom u tisma’, trid u ma tridx, il-mużika u d-diskors tal-istazzjon radjofoniku. Xi ħadd qalli kemm iddejqu l-impożizzjoni fiżika ta’ dawn il-prodotti fuqu dan l-ispazju pubbliku u fuqna li bilfors irridu ngħaddu minnu. L-invażjoni mhix biss permezz tal-ħoss u l- viżta: hija wkoll invażjoni fiżika tal-ispazju pubbliku tagħna u l-ispazju individwali u personali tagħna.
Studenti Konsumaturi
Minkejja l-ispazju dinamiku merfugħ għall-promozzjoni tal-għaqdiet tal-istudenti fil-ġenb, l-atriju prinċipali kien armat b’tali mod li jagħti l-impressjoni li l-istudenti huma sempliċiment konsumaturi li s-suq irid jara kif jattirahom lejh biex idaħħlu idejhom fil-but u jixtru jew jikkommettu ruħhom lejn prodott jew servizz. LUniversità hija prinċipalement spazju għall-intellett imma l-ewwel impressjoni li jingħataw l-istudenti fl-ispazju maħsub biex jilqagħhom hija li deħlin f’Suq talProdotti, u mhux f’suq tal-ideat, u li jridu jibdew jistabbilixxu l-affiljazzjonijiet kummerċjali tagħhom li jimmarkaw l-identità personali/pubblika tagħhom. Is-sit tal-KSU jispjega dan il-punt hekk:
KSU just kicked off its 2012 edition of Freshers’ Week, a week which always promises fun for all University students, regardless whether they are first years or not! Throughout the week the University Quadrangle is jam-packed with students, stands, and company representatives.
Is-sentenza tintemm bil-bejjiegħa, u mhux faċli tifhem għaliex lista li tibda bi “students” trid tagħlaqha b’“company representatives.” Nifhem li importanti li jkun hemm element ta’ diveriment, ta’ gost, meta tilqa’ dawn il-persuni l-ġodda, imma ma nifhimx għaliex l-Università għandha tikkonferma l-idea li “fun” u “students” jeħtieġu l-konsum biex jilħqu l-milja tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan id-diskors u tas-sensazzjoni qawwija li l-ispazju ewlieni ta’ skambju uman fl-Università huwa fil-fatt suq tal-prodotti u l-istudenti huma, lewwel u qabel kollox konsumaturi, klijenti, il-kliem tal-President tal-KSU, is-Sur Mario Cachia, lill-istudenti fi ftuħ is-sena akkademika jikseb konnotazzjonijiet partikulari. L-Università se tagħti lil kull wieħed u waħda mill-istudenti “opportunitajiet kbar,” iċ-ċans li “jeċċellaw” f’dak kollu li jagħmlu, li jkunu “attivi u mhux passivi,” li “jimmaturaw,” li “jikbru f’dak li għad ikunu”… Il-president jiddeskrivi l-Università bħala l-post li “jagħġnek, iġibek persuna aħjar minn dak li kont, persuna li kapaċi tagħraf dak li hu ta’ ġid għaliha u għas-soċjetà ta’ madwarha. L-Università għandha responsabbiltà kbira li tisfida d-difetti u linġustizzji strutturali fis-soċjetà u mhux tipperpetwahom u “tinnormalizzahom,” u b’hekk tiġġustifikahom. Id-diskors tal-President tal-KSU jissuġġerixxi li l-Freshers’ Week għandha ssir mod ieħor.
Għal Jean Baudrillard il-konsum mhuwiex xi ħaġa li “jagħmlu” l-individwi, li jagħtihom gost, jissodisfahom u jgħinhom biex jilħqu l-milja tagħhom. Il-konsum mhuwiex xi ħaġa li tinsab fl-individwi imma xi ħaġa ’l barra minnhom li tagħfas fuqhom, li timponi fuqhom. Fis-soċjetà konsumista moderna, nikkunsmaw mhux biss l-oġġetti imma anki s-servizzi umani u għalhekk ir-relazzjonijiet umani. Flaħħar mill-aħħar, skont Baudrillard, dak li nikkunsmaw fis-soċjetà konsumista huwa l-konsumiżmu nnifsu. Hu jemmen li kollox jista’ jsir oġġett ta’ konsum u għalhekk, “il-konsum qed jaħtaf taħt idejh il-ħajja kollha kemm hi.”
Il-Qalb u l-Mutur
Kontra l-kurrent ta’ dan ir-renju tal-konsumiżmu li jinħass ukoll f’kull Freshers’ Week fl-istituzzjonijiet edukattivi għolja Maltin, uħud mill-għaqdiet studenteski jipproponu modi oħrajn ta’ għajxien u ta’ interazzjoni mas-soċjetà u mal-ħolqien, esperjenzi li ma jistriħux fuq il-bejgħ u x-xiri, fuq il-fabbrikazzjoni ta’ “bżonnijiet” mhux bżonjużi, fuq il-valorizzazzjoni tal-persuna skont dak li kapaċi tixtri, jew fuq reklamar li ma joffrix informazzjoni. Uħud mill-għaqdiet ħeġġu lill-istudenti sħabhom biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi konkreti li jippromwovu l-ġid komuni u li sikwit imorru kontra l-kurrent tal-“kultura” konsumista dominanti. L-Għaqda tal-Malti, filwaqt li għamlet mezz li tiltaqa’ ma’ ħafna studenti ġodda (li minnhom għadd kbir daħlu membri tal-Għaqda), organizzat ukoll sensiela ta’ laqgħat ma’ kittieba Maltin li l-istudenti qajla jkollhom ċans jiltaqgħu u jiddiskutu magħhom. Bdiet ukoll diskussjoni dwar ir-rwol il-ġdid tagħha bħala għaqda antika b’enerġija ġdida fi ħdan l-Università u l-kwadru nazzjonali.
F’dan il-kuntest u fil-kuntest inġenerali ta’ merħba lill-istudenti fl-Università diffiċli tifhem l-iskop li l-ispazju pubbliku ewlieni fuq il-kampus fejn jiltaqgħu l-istudenti u l-membri tal-korp akkademiku, amministrattiv u tas-servizzi marbutin magħhom ikun imtarrax bil-mużika kummerċjali, ir-reklami u l-kummenti frivoli ta’ stazzjon radjofoniku bħal Bay Radio. L-Università għandha l-istazzjon tar-radju tagħha: kien jagħmel sens kieku tħejjew programmi apposta fuq dan l-istazzjon għal din il- ġimgħa introduttiva. U mbagħad fil-karozza jew fil-kamra tas-sodda tagħhom listudenti jistgħu jisimgħu Bay Radio kemm iridu.
More of the Same
L-istudenti jaspiraw li jidħlu l-Università biex jieħdu dak li ma jistgħux jieħdu minn bnadi oħra, mhux “more of the same.” Xogħol l-Università huwa li tistimula lmoħħ, tipprovokah biex japprofondixxi l-għarfien tiegħu, biex jaħseb mod ieħor, jesplora angoli oħrajn, ifassal perspettivi ġodda. Iktar kont nimmaġina tined differenti li fihom l-istudenti setgħu jorganizzaw taħditiet u diskussjonijiet, anki mqanqlin, fuq temi li jmissuhom mill-qrib kemm bħala studenti u kemm bħala ċittadini ta’ pajjiż, reġjun u dinja dejjem iktar sempliċi u fl-istess ħin dejjem aktar kumplessa.
Ara l-kummenti interessanti ta’ bosta nies fuq http://www.facebook.com/notes/adrian-grima/adrian-grima-studenti-konsumaturi/10151085321477233