Bħal Paragrafu fi Storja

Daħla ta’ Adrian Grima bl-isem ta’ “Bħal Paragrafu fi Storja” għall-ġabra ta’ poeżiji ta’ Claudia Gauci, Sekonda Qabel Tqum, u diskors bl-isem ta’ “Il-Mumenti Sovversivi tal-Poeżija” waqt it-tnedija tal-ktieb.

Image

Nhar l-Erbgħa, is-17 ta’ Ottubru, fis-19:30 f’Palazzo de Piro, l-Imdina, Claudia Gauci, bis-sehem tat-trumbettista Effie Azzopardi u l-kitarrist Eric Santucci, ippreżentat l-ewwel ktieb ta’ poeżiji tagħha bl-isem ta’ Sekonda Qabel Tqum. Il-ktieb, ippubblikat minn Edizzjoni Skarta, fih il-poeżiji oriġinali miktubin bil-Malti u traduzzjonijiet għall-Ingliż ta’ Mark Anthony Fenech, Albert Gatt, Maria Grech Ganado, Claudia Gauci, u Antoine Cassar.


Bħal Paragrafu fi Storja

ADRIAN GRIMA

Il-poeżija intima u metaforika ta’ Claudia Gauci tinnegozja kontinwament mal-memorja: mhux biss terfa’ x-xeni mit-tfulija tagħha biex tippreserva u tikkultiva l-mumenti ma’ missierha iżda anki tqanqal jew toħloq konxjament memorji inqas feliċi biex bħallikieku tissaffa minn esperjenzi li weġġgħuha profondament. Il-memorja individwali u kollettiva, kif jgħid Umberto Eco, għandha l-funzjoni li tippreserva ċerta informazzjoni imma fl-istess ħin twarrab dik l-informazzjoni li ma neħtiġux u li kapaċi xxekklilna moħħna. Claudia Gauci ma tużax il-memorja, il-poeżija, biex tikkanċella dak li ma jogħġobhiex: tużaha biex tiffaċċja l-istorja li tiffurmaha, biex tibni fuqha.

Il-Poeżija Bħala Memorja

Għax il-poeżija nfisha tista’ titqies bħala att ta’ memorja għax filwaqt li xogħol intens bħal “Noxxilla storduta” huwa ritratt ta’ mument fil-preżent u mhux tifkira tal-imgħoddi jew riflessjoni fuqu, l-att innifsu tal-pubblikazzjoni tax-xogħol jistabbilixxi l-memorja kif tridha tkun il-poetessa. Din il-pubblikazzjoni hija att pubbliku u fl-istess ħin intimu, għax poetiku, li jsaffi lill-persuna mill-“Ħarifa Xi Mkien Ieħor,” mill-ġranet opaki ta’ “Noxxilla Storduta” u l-moffa dejjem tielgħa ta’ “Kjaroskur.” Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb, bil-mumenti mċajpra li jirrakkonta, mhijiex il-“katarsi fjakka” ta’ “L-Art tal-Għeden” għax il-vuċi poetika ta’ Claudia Gauci ma tirrepetix frażijiet lesti imma tqanqal l-ilma sikwit qiegħed tal-lingwa letterarja stabbilita daqskemm tqanqal l-ilmijiet qiegħda tal-memorja komda, minkejja li l-ħama li jitqanqal mill-qiegħ jista’ jsodd il-pajpijiet.

Dawn mhumiex il-poeżiji tal-fossila li tixtieq issir il-poetessa biex ma jħarrikha ħadd (“L-Art tal-Għeden”) imma l-magma tbaqbaq taħt l-art li taħmi kontinwament blat ġdid, formazzjonijiet ġodda, fi proċess kontinwu li ktieb stampat jagħtik l-impressjoni li huwa mitmum imma li jaqbad ritmu kważi frenetiku meta jaqbduh f’idejhom il-qarrejja. Maż-żmien, kull ktieb jittrasforma ruħu permezz tal-interpretazzjonijiet kollha li jsiru tiegħu. Meta fil-poeżija ma tagħmel xejn ħlief tapplika sett ta’ regoli jew tirriproduċi damma ta’ frażijiet “poetiċi,” l-elementi tas-sorpriża, tal-ġenju u tal-ispirazzjoni li Jean-Claude Carrière jassoċja mal-letteratura jisfumaw fix-xejn. Imma dan mhux il-każ ta’ Claudia Gauci.

Il-memorja ta’ ċerti esperjenzi li nkunu għaddejna minnhom matul ħajjitna qatt ma tmut. Minkejja li kultant hija qarrieqa, din hija memorja prezzjuża ta’ sentimenti u emozzjonijiet, il-memorja emozzjonali tagħna li jsemmi Carrière. Il-poetessa tagħlaq il-poeżija “MSN” b’ritorn lejn il-vers “Għamlet ix-xita f’beltek illum” u mbagħad tinsisti fuq l-istat tagħha maħkum mill-istennija, waħda mit-temi ewlenin ta’ għadd ta’ poeżiji indirizzati lil sieħeb mhux imsemmi. L-anafora tal-aħħar tinsisti fuq dan l-istat prekarju ta’ swied il-qalb li fih l-istennija nfisha tinqabad mill-“memorja goffa tiegħek” li qed taħkimha bħall-“abjad sfiq” li joħnoqha.

Iżda l-memorja maħluqa mill-att tal-kitba tal-poeżija, waqt li ġġedded (jew aħjar tikkostruwixxi) l-emozzjonijiet u s-sensazzjonijiet negattivi ta’ relazzjoni fgata, tifdi lill-poetessa minn dawn l-esperjenzi iebsa għax toħloq distanza bejn dan l-imgħoddi mġedded u l-preżent riflessiv. F’dan is-sens hija memorja liberatorja, poeżija li teħles lill-poetessa minn din it-toqla. Fil-poeżija li tibda bil-vers “Dnubi kien li nżajt għarwiena” titkellem b’mod elokwenti u emozzjonalment intens fuq kif “iddewwidt nistenniek,” iżda l-kitba tal-poeżija u d-distanza li toħloq minn dak il-mument twil u kważi deġenerattiv ta’ stennija jistabbilixxi li issa dak il-mument għadda, spiċċa, inħelset minnu, u l-poetessa li qed tippubblika din il-poeżija qed tissaffa mill-memorja morra tal-mumenti li tirrakkonta. Il-persuna li qed ixxandar poeżiji bħal “Dal-Blat Qalil” għadha mmarkata minn dawn il-memorji:

il-lejl li daħal fina dakinhar,

artab, bħal sigriet sħun li tgeddsu miegħek

sakemm jibred, jegħjik u tinsieh

Dan il-lejl jibqa’ parti minnha, għax il-memorja tagħġinna, imma mhux bilfors taħkimna. Il-preżent mhuwiex għalkollox maħkum mill-memorja tal-imgħoddi, imma dik il-memorja li nsawru timmarkana, inevitabbilment tittimbrana. Wara kollox ħajjitna mhix għalkollox f’idejna: anzi, l-impressjoni li jagħtuk dawn il-poeżiji ta’ Claudia Gauci hi li “kollox jista’ jiġri sekonda qabel tqum,” għax “dak li tibża’ minnu jisplodi f’moħħok / bħal frotta msewsa li minnha / jaħarbu tigri feroċi.” Din il-poeżija tissuġġerixxi fil-fatt li ftit li xejn għandna ħakma fuq ħajjitna imma l-att tal-poeżija jisfida d-dgħufija mitwielda fina, affermazzjoni ta’ individwalità, ta’ azzjoni.

L-Att Liberatorju tal-Poeżija

Dan il-fil tematiku tal-fortuna, jew tal-fraġilità u l-prekarjetà, jinħass sew f’“Aleamantes,” xogħol li jispikka f’dan il-ktieb importanti ta’ poeżija kontemporanja u li jiġbor fih ħafna mill-karatteristiċi stilistiċi u tematiċi ewlenin tal-ġabra kollha. Hemm il-firxa lessikali rikka tipika ta’ Claudia Gauci; l-intensità emozzjonali fis-sintassi u fil-metafora; l-intelliġenza u l-varjetà stilistika; ir-rakkont minn perspettiva għalkollox personali imma anki r-ritratt ta’ spazji metropolitani b’nisa u rġiel li qishom “manikini serji;” l-isfond kulturali għani; it-tlaqqigħ ta’ vuċijiet u burdati differenti; ix-xbihat ewlenin tagħha tal-għajnejn u l-paġni, tax-xufftejn u d-dadi (li jissemmew ħames darbiet bi prominenza f’dan il-ktieb); id-dell qalil tal-istennija u l-ħakma bla ħniena tal-lejl…

Il-persona tistaqsi “X’saħħa għandu paragrafu fi storja twila?” u l-mistoqsija tinħass retorika, imma mhix ir-retorika ta’ tweġiba ovvja: jekk xejn hija r-retorika tat-tweġiba li taħarbilna kontinwament minn idejna. X’sehem għandu mument wieħed f’ħajjitna? Biex tkun għextu tassew trid tirrakkontah? Ħajjitna hija storja? Min għandu l-poter li jirrakkontaha? Aħna għandna sehem fil-kompożizzjoni ta’ din l-istorja? “Aleamantes” tistqarr li l-paragrafi huma “mriegħda u s-sentenzi mċajprin”: dan ifisser li il-paragrafu huwa essenzjalment inċident tad-dadi? “Id-dadi” jinsabu “f’idejja,” tistqarr, “u l-logħba tidher bla tmiem.”

Il-poetessa tfassal sensiela ma taqta’ xejn ta’ mistoqsijiet, kultant libsin ta’ affermazzjonijiet, bħal meta “Aleamantes” titkellem dwar “Il-mument għadu hawn sabiħ bħal qabel / dgħajjef bħal dejjem.” jew meta tistqarr li

Il-bidu ntesa malajr u t-tmiem ma jafu ħadd.

Jifdal biss mument wieħed li nista’ narmi jew naħbih.

Jekk hemm punt fiss huwa dak tal-att innifsu tal-poeżija, għax il-poeżija hija verb mhux nom, proċess kontinwu mhux prodott finali. Għalhekk din id-daħla mhix għajr bidu, kumment fuq l-għatba, dħul. Mhux għax tinsab fil-bidu, qabel il-poeżija, imma għax hija konverżazzjoni magħha, kultant anki taqbida mas-saffi ta’ ħsibijiet u xbihat u man-nisġa ta’ emozzjonijiet li jitqanqlu fija bħala qarrej, bħala bniedem b’esperjenzi differenti u inevitabbilment simili.

Meta Claudia Gauci tikteb dwar mument wieħed li tista’ tarmih jew taħbih l-iktar ħaġa li tolqotni hija l-fatt li tiffoka appuntu fuq waqt wieħed li huwa determinanti imma donnu huwa wkoll tkomplija tal-bqija, numru wieħed wiċċu ’l fuq bħal pazjent fuq dada, mument għażiż, mument ta’ disprament, mument ta’ mħabba, memorja li tqabbdek il-bard.

Inħoss li almenu parti mis-suċċess ta’ “Aleamantes,” li nqrat bosta drabi fil-pubbliku, ġej mill-fatt li tqanqal emozzjonijiet sinċiera mingħajr mhi maħkuma minnhom, mingħajr mhi melodrammatika jew sentimentalista. It-teknika hija fina u ladarba ma tagħtix fil-għajn tinħass naturali. Il-lingwa timxi minn ħoss sabiħ għal ieħor, minn sorpriża figurattiva għal oħra. “Minn ħalqi ħareġ biss fwar delikat bħall-bizzilla, / minn qaddi qabadni d-driegħ kiesaħ tal-lejl.” L-att liberatorju tal-arti jinsab fl-għażla li “l-vojt” jimtela “b’kitba indelibbli,” minkejja li l-poetessa hija konxja tan-natura effimera tal-att poetiku, jew aħjar li l-kitba letterarja hija taqbida man-natura effimera, donnha inċidentali, tal-esperjenza umana.

Minkejja l-ħajta malinkonika minħabba l-firda li timponi l-mewt, il-poeżija ta’ Claudia Gauci toħloq u tqanqal il-memorja ħajja u sabiħa ta’ missierha trażmessa sikwit permezz tas-sensi, l-aktar il-mess. F’wieħed mill-aktar versi għalija memorabbli ta’ din il-ġabra, il-poetessa tinqeda bil-poeproża “Univers Parallel” biex tirrakkonta kif “Ħassejt subgħajn missieri ġo xagħri għadhom sħan u jfuħu bl-istorja li qrali.” Hawnhekk is-senswalità tinqeda bis-sinestesija biex tivvjaġġa f’dimensjonijiet differenti u tiċċelebra konnessjonijiet u sensazzjonijiet ta’ ġentilezza li tibża’ tmissha b’idejk għax ittappanha. Il-poeżija tirkupra r-ritratt intimu tas-swaba’ deħlin fix-xagħar mill-monopolju tan-narrattiva amoruża u tagħtih lura l-ħlewwa, id-dinjità u l-qawwa emozzjonali tiegħu bħala ġest delikat ta’ mħabba ta’ missier lejn bint.

Is-sintonija bejn il-bint u l-missier tinħass sew fis-sekwenza alliterattiva tas-“s” fl-ewwel tliet kelmiet ta’ din is-sentenza (“Ħassejt subgħajn missieri”). Il-vers jibda bil-verb “ħassejt” li jesprimi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-tifla (illum mara-tifla) fil-ġest tal-missier. Il-fatt li s-sentenza tibda bis-sensazzjoni tal-bint u mhux bil-moviment ta’ missierha juri li l-esperjenza li tirrakkonta-tiftakar hija l-ewwel u qabel kollox tagħha: il-ħsus tagħha jiġbru fihom il-karezzi tiegħu. Il-bqija tas-sentenza tikkonferma din l-impressjoni, għax il-verb “ħassejt” tal-bidu jorbot, f’temini ta’ sens u ta’ ħoss, mal-aġġettiv “sħan” u anki mal-verb b’funzjoni aġġettivali “jfuħu” u n-nom “storja.” Is-sintonija fil-ħoss tivvjaġġa mit-tlaqqigħ tal-“ħ” mas-“s” u t-“t” f’“ħassejt” għas-sekwenza “sħ” ta’ “sħan,” imbagħad għall-“ħ” ta’ jfuħu” u s-sekwenza “st” ta’ “storja,” l-esperjenza li tiġbor taħt il-kappa tagħha l-bqija tas-sentenza.

L-id sħuna li tilqa’ lill-bint tmellisha bħalma tmellisha l-istorja li jaqralha: it-tnejn huma atti ta’ mħabba paterna bħalma hija att ta’ mħabba l-għażla tal-bint li tiftakar lil missierha b’dan il-mod. L-armonija bejn il-kelmiet fis-sentenza  “Ħassejt subgħajn missieri ġo xagħri għadhom sħan u jfuħu bl-istorja li qrali” tesprimi u tirriproduċi l-armonija bejn il-bint u missierha, bejn idu u l-istorja melliesa tiegħu u x-xagħar u s-sensibbiltà tagħha. L-armonija jikkonfermaha t-trasferiment tas-sens tax-xamm (idejh ifuħu) għad-dimensjoni tal-ħsus: il-bint tħoss subgħajn missierha sħan u jfuħu minħabba l-istorja li qralha, jiġifieri xi ħaġa li seħħet permezz tas-sens tas-smigħ. Dawn id-dimensjonijiet differenti jintisġu flimkien mingħajr ma jħallu traċċi tal-konfini ta’ bejniethom: esperjenza waħda li f’waqt wieħed twaħħad persuni u l-esperjenzi apparentement differenti tagħhom.

Nisġa ta’ Sensi

Dan huwa l-metodu li bih taħdem ħafna mill-iktar poeżija evokattiva u mqanqla ta’ Claudia Gauci u ħafna mill-poeżija inġenerali. L-istess xbieha delikata l-poetessa tużaha f’“Darba kienet li x-xemx” ambjentata fl-Isptar Paul Boffa, fejn kellu jieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, xena li tidher ukoll f’“Bejn ġirja u mixja,” fejn “Naħseb f’missieri jistenna ħdejn l-aħħar tieqa tiegħu.” F’“Darba kienet li x-xemx”   

tistħajjel li missierha marid isir “żiffa ħelwa tilgħab ma’ xagħri” (is-sens tal-mess) u “riħa ta’ larinġ dieħla mill-bitħa” (is-sens tax-xamm). F’dawn il-versi it-twaħħid tant hu sħiħ li l-poetessa lanqas tħoss il-ħtieġa li tirrikorri għas-sens tal-ħars jew tirreferi għall-għajnejn kif tagħmel f’għadd ta’ xogħlijiet. Band’oħra f’din il-poeżija tinqeda bis-sens tal-ħars biex tiddeskrivi xena u xenarju, imma meta tiġi għar-rapport ma’ missierha ma teħtiġux. Dawn il-versi jisfruttaw mhux biss il-ġenju imma anki l-ġenjalità tal-metafora, il-ħeffa trasformattiva tagħha, il-ħila tagħha li tirrakkonta esperjenza permezz ta’ esperjenza oħra u ġġeddidhom it-tnejn.

Dawn il-poeżiji jżuru għadd ta’ waqtiet u mkejjen. Wara kollox il-waqtiet huma mkejjen u l-imkejjen waqtiet. Kultant jiddeċiedu, konxjament u espliċitament, li din se tkun l-aħħar żjara, li hemm postijiet oħrajn li jridu jżuru jew li l-memorja kienet kiefra wisq u issa jeħtieġ titwarrab. “L’hemmhekk ma nersaqx aktar” tistqarr “Did-Dar (li issa waqgħet)”: id-dar tat-tfulija u l-missier issa ġġarrfu u għajnejn il-poetessa “mtlew bit-trab” tat-tiġrif u ma jistgħux jaraw ċar hemmhekk. Hemm post f’ruħha li ġġarrfet ukoll u ħalliet ħerba warajha, għax kultant il-ġrajjiet iħarbtuk, ifixkluk (“Ritratt”), iżda l-ħajja tkompli għaddejja u trid timxi magħha.

Teknika bħas-sinestesija turi li l-poeżija ta’ Claudia Gauci hija dikjarazzjoni lirika qawwija favur l-individwalità, l-istorja personali fi ħdan storja b’xi mod kollettiva, anki meta tistqarr f’“Aleamantes” li l-anonimità tal-belt tordomha:

Jien u negħreq taħt il-belt mar-rassa

inxomm il-kobob mgħaqqda ta’ kulħadd

u nħoss il-ħanqa muta ta’ min qed jifga.

Il-ħitan inkallati miksija xewqat iwaħħlu,

graffiti memorji koroh u xquq feriti jweġġgħu.

Il-poetessa xxomm il-kobob, tħoss ħanqa muta u tinnota ħitan miksija b’xewqat li jwaħħlu, “graffiti memorji koroh” u “xquq feriti.” Il-qabżiet minn sens għal ieħor joħloq intensità poetika u emozzjonali u jistabbilixxi li l-poetessa għandha l-libertà u ħakma soda fuq ħajjitha u fuq il-memorja. Hemm ukoll il-memorji sbieħ, bħall-“art sħuna banju” li naraha tevoka l-imħabba bejn ommha u missierha li jtiha li togħdos fiha, torqod fiha, “imxaħxħa” f’ġest li jrid ikompli jħobb u jgħaqqad. 

Kull paragrafu huwa sfida kbira imma din it-taqbida tikkonferma li l-istorja hija tagħha. Għax minkejja l-kostruzzjoni metikoluża, dawn il-poeżiji jinħassu naturali, mingħajr l-iskossi li jfixklu jew imorru kontra n-natura tagħhom, jew jiġbdu wisq attenzjoni lejhom infushom.  

Fraġilità Mingħajr Punti ta’ Riferiment

Il-poeżija ta’ dan il-ktieb mhix il-logħob relattiv u t-tgħawwiġ konvenjenti, il-“jongleries relatives et contorsions contingents” li jikkundanna l-filosfu Fabrice Midal bħala negazzjoni tal-poeżija. Mhix “xi tip ta’ divertiment pretensjuż għal ftit ipprivileġġati,” “logħob letterarju” minflok l-impenn u l-involviment sħiħ fil-ħajja, l-“engagement de la vie tout entière.” Bħal Rainer Maria Rilke, Midal jara l-poeżija mhux bħala monopolju tal-ispeċjalisti imma, kif tidher fix-xogħol ta’ Claudia Gauci, bħala “r-relazzjoni l-aktar ħielsa mar-reali.”

Dawn il-poeżiji ma jistriħux fuq il-forom tematiċi u stilistiċi tal-poeżija stabbilita għax jimpenjaw ruħhom biex jirrakkontaw storja personali li meta tirrakkontaha b’mod ħieles bilfors tkun kumplessa u mqanqla. Lanqas ma jistrieħu fuq iċ-ċertezzi psikoloġiċi u morali tal-letteratura Maltija tal-imgħoddi jew tat-twemmin reliġjuż. Iżda l-argument mhuwiex biss “Malti.” It-tbegħid mill-punti ta’ riferiment stabbiliti jgħodd iktar u iktar fis-seklu 21 wara t-tiġrif taċ-ċertezzi li setgħu taw xi tip ta’ direzzjoni lill-poeti tas-seklu 20. Wara l-atroċitajiet li wettaqna bħala bnedmin fis-seklu 20, “Nous n’avons plus de repères,” jiddikjara Fabrice Midal, m’għadx għandna punti ta’ riferiment. Aħna ma nistgħux nikkunslaw u hekk irridu nibqgħu: anzi, id-dmir tagħna huwa li nibqgħu hekk, mingħajr konsolazzjoni. “Din hija l-unika etika possibbli fi żmienna.”

F’dan ix-xenarju li Midal iqisu bħala ġdid għall-bnedmin, il-poeti għandhom ir-rwol fundamentali li jinnegozjaw mar-realtà inkonsolabbli l-ġdida, mal-għarfien tad-dgħufijiet u l-fallimenti profondi tagħna mingħajr ma jippruvaw joffru spjegazzjonijiet definittivi jew soluzzjonijiet, mingħajr ma jħossu l-ħtieġa li joħolqu ċertezzi jew punti ta’ riferiment ġodda biex iserrħulna rasna jew iqawwulna qalbna. Il-poeżija tista’ toffri l-libertà l-ġdida tal-iskoperta skomda, tal-inċertezza, tal-kontradizzjoni mentali u emozzjonali. Li nissugraw li nkunu liberi mhix għażla fost għadd ta’ possibbiltajiet, proposta biex inħossuna daqsxejn aħjar u biex nistrieħu: hija l-unika triq li għandna. Il-poeżija ta’ Claudia Gauci tesplora din il-pożizzjoni ġdida, inevitabbli, tal-poeżija: l-ispazju prekarju tal-fraġilità, tas-sensibbiltà u l-vulnerabbiltà, tal-mortalità mdendla fuq rasna, tan-nuqqas ta’ punti ta’ riferiment stabbiliti minn ħaddieħor, mit-tradizzjoni. Hija l-poeżija tal-mument, tal-paragrafu jfittex post ġdid fi storja, tar-rotot improbabbli.  

Tkun taf li missejt mal-poeżija meta dak li taqra tant ikessaħlek ġismek li ebda nar ma jkun kapaċi jsaħħnu. Fabrice Midal jemmen li din l-interpretazzjoni ta’ Emily Dickinson tal-poeżija tirrappreżenta l-ogħla dimensjoni tal-libertà. Għax illum il-libertà ma tfissirx biss li tinħeles b’kuraġġ mill-għeluq imma li tabbanduna ruħek għall-innoċenza tal-eżistenza, l-unika ħaġa li permezz tagħha tista’ tħobb verament.

Skont Fabrice Midal, il-verità hi li aħna nibżgħu mill-biża’ tagħna. Il-biża’ mhuwiex l-ostaklu veru tagħna: l-ostaklu huwa l-biża’ mill-biża’, id-deċiżjoni stinata tagħna li nevitaw il-biża’, li ninjorawh. Minħabba l-isforzi tagħna biex naħbu l-fraġilità ta’ qalbna u ma nħallux ir-realtà tiddiżappuntana, nagħlqu lilna nfusna f’ħabs. Kif turi l-poeżija intima u intensa ta’ Claudia Gauci li żżur id-dgħufijiet profondi u l-memorji mxajtna tagħha b’qalb imriegħda imma b’kelma soda, l-arti li nkunu umani tgħallimna ma nibżgħux mill-fraġilità tagħna, ma nostakolawhiex, inħalluha tiftħilna qalbna. Din is-sensibbiltà mhux talli ma xxekkilniex talli tgħinna nistabbilixxu komunjoni mad-dinja. Il-fraġilità li tmiss magħha kontinwament din il-poeżija tant personali ta’ Claudia Gauci tiftħilha qalbha għal dak li hemm madwarna, tgħinha toħloq relazzjoni mal-oħrajn u mad-dinja.

Referenzi

  • Umberto Eco and Jean-Claude Carrière, This is Not the End of the Book: A conversation curated by Jean-Philippe de Tonnac. Trans. Polly McLean. London: Vintage, 2012.
  • Fabrice Midal, Risquer la liberté. Paris: Seuil, 2009.

Il-Mumenti Sovversivi tal-Poeżija

Diskors ta’ Adrian Grima waqt it-tnedija ta’ Sekonda Qabel Tqum ta’ Claudia Gauci (Edizzjoni Skarta, 2012)

Fi ktieb ippubblikat din is-sena, Umberto Eco jargumenta li ebda pajjiż żgħir (u f’moħħu ma kellux it-tip ta’ ċokon verament ċkejken ta’ Malta) ma jista’ qatt ikollu poeta kbir: Għax anki jekk dan il-poeta jkun eżisti, il-lingwa tiegħu ma tkunx magħrufa biżżejjed biex il-ġnus l-oħrajn tad-dinja jiltaqgħu max-xogħol tiegħu. Jista’ fil-fatt ikollok poeta kbir f’pajjiż żgħir, imma jekk “kbir” tfisser li jkun magħruf, allura jaf ikun poeta tajjeb ħafna imma mhux famuż.

Eco jirrakkonta li meta żar il-Ġorġja qalulu li l-poeżija nazzjonali tagħhom, Il-Kavallier fil-Ġilda tal-Pantera ta’ Shota Rustaveli huwa xogħol kbir, u Eco qabel magħhom. Imma dan ix-xogħol żgur li ma ħalliex l-effett li ħalla bix-xogħol tiegħu xi ħadd bħal Shakespeare (Eco u Carrière 155).

Eco jsostni wkoll – u dan naħseb li huwa aktar kontroversjali u diskutibbli – li pajjiż irid ikun ġarrab l-avvenimenti l-kbar tal-istorja biex jipproduċi moħħ li kapaċi jaħseb b’mod universali.

A country must have endured the great events of history if it is to produce a mind capable of thinking in a universal way” (156-7).

Għandi ħafna dubji dwar din l-istqarrija: naħseb li hi marbuta ħafna aktar milli jidher mal-kwistjoni fundamentali ta’ min fil-fatt għandu l-poter li jiddeċiedu x’inhuma “l-ġrajjiet il-kbar tal-istorja,” x’inhu “mod ta’ ħsieb universali,” jekk fil-fatt hux possibbli li taħseb jew taġixxi, letterarjament, b’mod universali. Għandi dubji serji, għax xogħol dejjem jeħtieġ kuntestwalizzazzjoni, u tnaqqis tar-rabta mal-kuntest jista’ jkun li jnaqqas il-ħila tax-xogħol li jgħarrex fin-natura u l-istorja umana, mhux iżidha.

Se nissospendi l-oġġezzjonijiet tiegħi għan-nozzjoni tal-ġrajjiet il-kbar tal-istorja u tal-universalità biex insegwi fil mill-argumentazzjoni tagħhom li jista’ jkun utli għalina fil-periferija tal-periferija. Jean-Claude Carrière jkompli l-argument ta’ Eco billi jistaqsi b’mod retoriku kemm twieldu Hemingways fil-Paragwaj. Jista’ jkun li kien hemm individwi li meta twieldu kellhom il-potenzjal jipproduċu xogħol ta’ oriġinalità u qawwa kbira, imma ma pproduċewhx, għax ma setgħux: Jew għax ma kinux jafu jiktbu, jew għax ma kienx hemm edituri biex jieħdu ħsieb ix-xogħol tagħhom, jew għax lanqas kienu jafu li jistgħu jiktbu, li jistgħu jsiru “awturi.”

F’Il-Poetika Aristotli jsemmi mill-inqas għoxrin dramm li m’għadhomx jeżistu. Għaliex lilna waslulna biss ix-xogħlijiet ta’ Sofokli u Ewripidi? Għax tagħhom kienu l-aqwa xogħlijiet, l-iktar li kien jistħoqqilhom jibqgħu jissemmew? Jew għax dawn l-awturi kienu dawk li rnexxielhom jindehsu biżżejjed man-nies influwenti ta’ żmienhom u b’hekk iwarrbu lill-oħrajn, il-kompetituri tagħhom, dawk li jsemmi Aristotli għax deherlu li kienu l-iktar awturi li ta’ min jibqgħu jissemmew? (Eco and Carrière 156). F’Malta dan żgur li seħħ fil-każ ta’ Juann Mamo, l-awtur li twarrab mix-xena letterarja kolta minn awturi li aktarx kellhom inqas talent letterarju minnu imma kellhom f’idejhom id-dritt li jiddeċiedu min jaqra xiex. L-istess jiġri fuq livell ikbar meta ċ-ċentri tal-poter fid-dinja tal-pubblikazzjoni anglofona, frankofona, ispanika u Għarbija, ngħidu aħna, jiddeċiedu x’inhu traduċibbli u pubblikabbli mix-xogħlijiet ta’ ġnus u lingwi oħrajn.

Ma naħsibx li Eco u Carrière qed jagħmlu argument favur iċ-ċentru u kontra l-periferija: naħseb li qed jippruvaw jagħmlu analiżi pragmatika li fil-fatt tixħet dawl fuq min għandu aċċess għall-poter, kultant arbitrarju jew inċidentali, fid-dinja letterarja u tal-pubblikazzjoni u fuq kif id-dinja mhux bilfors tirrikonoxxi l-merti letterarji tal-awturi kollha. It-talent naturali mhux biżżejjed; jekk l-awturi jridu jaslu fil-quċċata tas-suċċess iridu jiffurmaw parti minn kultura letterarja u lingwistika b’saħħitha li kapaċi tqiegħed ix-xogħol tagħhom fuq l-ixkafef tal-iktar ħwienet tal-kotba jew siti li jbigħu. Fl-istess ħin, Eco qed jargumenta wkoll li ma jistax ikollok viżjoni universali, li kapaċi tesplora n-natura tal-bniedem u l-essenza tal-ħajja umana u tmiss lill-bnedmin kollha, huma min huma, jekk ma tkunx qed tgħix fil-qalba tal-avvenimenti ewlenin. Huwa minnu li tista’ tgħix fl-Istati Uniti tal-Amerka u tkun iktar “insulari” u provinċjali mill-Maltin, imma Eco jargumenta li jekk tgħix fl-Istati Uniti iktar hemm ċans li tifhem il-ġrajjiet il-kbar tal-istorja u tagħmel ħoss b’dak li tikteb.

Minkejja li Eco u Carrière ma jirrikonoxxux dan il-fatt fl-argumentazzjoni tagħhom, l-internet joffri opportunitajiet ġodda biex awturi mill-periferija ġeografika u lingwistika jitfaċċaw ukoll fiċ-ċentru u aħna l-Maltin xhieda ta’ dan l-aċċess ġdid, fosthom Claudia Gauci li m’ilux qrat xogħol tagħha f’Berlin li jinsab ukoll fuq is-sit prestiġjuż lyrikline.org.

Eco jżid element ieħor fl-argument tiegħu dwar il-kobor ta’ xogħol letterarju u min kapaċi jipproduċih: Maż-żmien, kull ktieb jikseb u jassorbi l-interpretazzjonijiet kollha li jsiru tiegħu. Aħna ma naqrawx l-istess Shakespeare li kiteb Shakepeare. Ix-Shakespeare tagħna huwa ħafna iktar rikk mix-Shakespeare li kienu jaqraw fi żmienu. Kapulavur ma jsirx kapulavur qabel ma jsir magħruf sew u assorba l-interpretazzjonijiet kollha li qanqal, li min-naħa tagħhom jagħtuh il-karattru tiegħu, jagħmluh dak li hu. Iktar ma xogħol letterarju jaqrawh u jiddiskutuh nies iktar jistagħna. Iktar ma jidħol fil-kuxjenza ta’ qarrejja bi stejjer u sfondi differenti, iktar jikseb assoċjazzjonijiet verbali u viżivi, mentali u emozzjonali. “An unknown masterpiece,” jgħid Eco, “hasn’t had enough readers, or readings, or interpretations.” Jean-Claude Carrière jżid li kull qari li jsir lill-ktieb jarrikkih, bl-istess mod li l-ġrajjiet li ngħaddu minnhom jaffettwawna. Ktieb kbir huwa dejjem ħaj, “it grows and ages alongside us, without ever dying.” Iż-żmien jarrikkih u jbiddlu.” Dak li nkiteb fl-imgħoddi naqrawh b’mod differenti minn kif qrawh meta nkiteb: l-għadd infinit ta’ qari li jkun sar ta’ xogħol letterarju kbir jidħol fit-test oriġinali u jagħmlu ħafna iktar għani. L-interpretazzjoni ta’ Kurosawa tax-xogħol ta’ Shakespeare awtomatikament jagħmlu ferm iktar għani u kumpless, iżidlu l-profondità u l-firxa assoċjattiva. Il-letteratura Maltija qajla tista’ tgawdi minn dan il-patrimonju dejjem ħaj. Meta jinħoloq xogħol tal-arti ma jkunx kapulavur: kapulavur isir. Barra minn hekk, il-kotba l-kbar għandhom effett reċiproku fuq xulxin permezz tal-qarrejja tagħhom (Eco and Carrière 157-9). Il-letteratura Maltija teħtieġ qari infurmat, sensittiv u perċettiv biex tistagħna, teħtieġ infrastruttura serja ta’ pubblikazzjoni serja, edituri letterarji, rivisti letterarji, riċensjonjiet intelliġenti, qari fil-pubbliku, analiżi kritika dixxiplinata imma anki kreattiva. Jeħtieġ li tidħol fil-kuxjenza attiva tal-qarrejja Maltin u barranin u toħroġ minnha mibdula. Iktar ma x-xogħol letterarju Malti, bħal dan ta’ Claudia Gauci, ikun innovattiv u testwalment għani, iktar għandu l-potenzjal li jistagħna fi proċess kontinwu ta’ żvilupp u arrikkiment li fih il-qarrejja u l-udjenza għandhom rwol deċiżiv.

Wara kollox, kif insistew Barthes, Genette u oħrajn ħafna snin ilu, l-iskop tax-xogħol letterarju (tal-letteratura bħala xogħol) huwa li jġiegħel lill-qarrejja jsiru ħallieqa (producer) huma stess tat-test, u mhux aktar konsumaturi. Meta jiltaqgħu mal-mumenti estetikament sovversivi tat-test, ir-rwol tal-qarrejja mhuwiex sempliċiment dak ta’ osservaturi u analisti. Hawnhekk il-qarrejja jemmnu li qed jieħdu sehem żgħir imma deċiżiv fil-kreazzjoni għax jixħtu dawl fuq elementi maħluqa mix-xogħol innifsu, imma li l-awtur jew l-awtriċi mhumiex konxji minnhom (Genette 266).

Stennija I
ix-xemx ħarqitu l-lejl tan-noti bojod
baqgħet tqattarhom f’għajnejh
kull kulur.

Stennija II
Id-dinja faqqgħet bħal ħġieġa u tkeffnet fid-dlam.
Fit-toqba ta’ ġufha rabbiet kristall aħdar -
fih waddbet żewġ xewqat oranġjo
li taru lejn ix-xefaq.

Fil-poeżija ta’ Claudia Gauci hemm ħafna mumenti estetikament sovversivi. Fil-fatt is-sovverżjoni estetika hija l-metodu ewlieni li tuża fl-aħjar mumenti tal-kitba tagħha. Fiż-żewġ poeżiji tagħha bl-isem ta’ “Stennija” li kienu parti minn esibizzjoni tal-ħġieġ ta’ Walter Vella, Claudia Gauci, bħall-artist li huwa wkoll mużiċist u bil-maqlub, taqleb bejn dimensjonijiet semantiċi u oħrajn, bejn sens u ieħor, bħall-artist, il-vetrar, li jinqeda bil-mużika, il-mużiċist li jinqeda bl-arti viżiva, bħall-poetessa, l-artista tal-ħoss, li tinqeda bis-sens tal-ħars fil-ħġieg artistiku. “Ix-xemx ħarqitu l-lejl tan-noti bojod,” tikteb fi “Stennija – I,” “baqgħet tqattarhom f’għajnejh kull kulur.” Hawnhekk tinqeda bis-sens tal-mess, tas-smigħ, tal-ħars; hemm donnha implikazzjoni taż-żewġ sensi l-oħrajn fir-riħa li tissuġġerixxi “ħarqitu” u fit-togħma li tagħti ħjiel tagħha “tqattarhom”… jew forsi qed nara wisq iżjed milli qed jissuġġerixxu l-versi. Jibqa’ l-fatt li hija poeżija li tiftaħ il-bibien tal-esperjenza artistika beraħ, li tixgħel kuluri u xbihat, li tissuġġerixxi mużika, poeżija li tisfida l-perċezzjoni normali tagħna tal-affarijiet, li tagħti ħjiel tal-fond il-fond fl-għajnejn mixgħula.

Fi “Stennija I” hemm l-intensità emottiva tipika ta’ ħafna mill-poeżija ta’ Claudia Gauci, intensità li toħroġ kemm mill-mumenti ta’ kunflitt u ansjetà li tirrakkonta kif ukoll mill-estetika sovverżiva tax-xbihat qawwijin li tqiegħed ġo xulxin. Hemm ukoll l-intensità tipika tal-kulur u tal-għajnejn, tax-xemx u l-lejl u l-kunflitt ta’ bejniethom, l-intensità tat-taqtir mimli tensjoni. L-emozzjonijiet qawwijin jiddominaw ukoll “Stennija II,” bil-konsonanti li kontinwament jippretendu attenzjoni speċjali, bl-intensità tal-ħġieġ mifqugħ bl-ilwien tal-artist li jonfoħ fih emozzjonijiet u x-xewqat l-aktar ġewwiena u trasgressivi tiegħu. Għal darb’ oħra, fit-tgħawwiġ saħħari tal-ħġieġ f’idejn l-artist, Claudia Gauci, ferm lil hinn mill-artefatt innifsu, tilmaħ din id-darba l-enerġija tad-dinja materjali, il-kulur imqanqal tax-xewqat, is-sospensjoni ta’ kollox, l-istennija ħafifa u fl-istess ħin tqila, il-ġuf ħallieq viċin u x-xefaq ħalliem imbiegħed.

Il-poeżija ta’ Claudia Gauci tħallem lill-qarrejja tagħha, tixgħelilhom għajnejhom bil-kulur u l-intensità emozzjonali tagħha, imma tankrahom ukoll mal-art iebsa, sikwit solitarja tat-tiġrib uman bl-istess intensità estetika, bis-sensi u bil-metafora, u speċjalment bis-sinestesija, iż-żwieġ dinamiku, skontruż ta’ bejniethom. Hija wkoll il-poeżija tal-ħoss mhux anonimu, tal-konsonanti li jridu jinstemgħu bis-saħħa, li ma jridux jinbelgħu minn forom jew ritmi prevedibbli jew magħrufa, ħsejjes konsonantali li jridu jaffermaw l-identità u s-sehem tagħhom, bħalma tagħmel il-poetessa li b’dawn il-poeżija sikwit tqal u malinkoniċi, kultant anki profondament imnikkta, tistqarr il-libertà l-ġdida tagħha bħala kreatriċi tas-sabiħ.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s