Taħdita pubblika ta’ Adrian Grima
Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2011, fis-Sala Francis Ebejer (LT2) tal-Università ta’ Malta (wara l-Librerija), Dr Adrian Grima se jagħmel taħdita pubblika miftuħa għal kulħadd dwar Dun Karm bl-isem ta’ ” ‘Minn kull xorta ta’ qżież’. Il-konfini tal-identità u l-mument tal-metafora f’poeżija ta’ Dun Karm.” It-taħdita tibda fis-7pm u qed tiġi organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u mill-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar. Wara jkun hemm diskussjoni miftuħa għall-pubbliku preżenti.
Fis-sala se jkun hemm ukoll għall-bejgħ kotba, dokumentarji u materjal ieħor dwar Dun Karm li ħareġ din is-sena fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt tiegħu.
Dr. Adrian Grima se jitkellem dwar poeżija mhux tas-soltu ta’ Dun Karm, “Lil Malta. Tal-Lum u ta’ Għada,” li fiha l-poeta jesprimi l-għadab tiegħu għal soċjetà Maltija li għalih kienet qiegħda tittradixxi l-kultura u l-identità tagħha.
Għall-analiżi ta’ din il-poeżija u poeżiji simili ta’ Dun Karm, Adrian Grima se jinqeda b’artikli u b’poeżija minn gazzetti Maltin tas-snin tletin, bħal Il Cotra, Il Ħmara u Malta Taghna; b’ritratti u stampi oħrajn u se jirreferi għal għadd ta’ testi u riżorsi li għall-ewwel jidhru mbegħdin ħafna minn xulxin, fosthom it-testi kritiċi fundamentali ta’ Oliver Friggieri dwar Dun Karm; il-kritika ħarxa kontra Manwel Dimech tal-Kan. Pawlu P. Galea fil-ktieb tiegħu tal-1912, Il Kerk ta‘ d-Demoniu micxuf f‘Malta.

F’dan is-sens jiġi ttrattat ukoll ix-xogħol klassiku tal-antropologa Mary Douglas fuq Purity and Danger; kitbiet kanoniċi u testi psikanalitiċi dwar il-virginità u l-kastità, bħal The Banquet of the Ten Virgins, or Concerning Chastity tal-qaddis San Metodju tas-seklu 3; xogħlijiet akkademiċi fuq il-metafora ta’ Ricoeur, Cohen, Eco, Lakoff u Ning Yu; u l-kitbiet ta’ intellettwali Faxxisti ewlenin, Luigi M. Ugolini u Francesco Ercole, li kitbu dwar Malta fis-snin tletin tas-seklu għoxrin.