Aleks Farrugia, It-Torċa
Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru, f’Sala Francis Ebejer (LT2) tal-Università ta’ Malta (wara l-Librerija), Dr Adrian Grima se jagħmel taħdita pubblika miftuħa għal kulħadd dwar Dun Karm bl-isem ta’ “‘Minn kull xorta ta’ qżież.’ Il-konfini tal-identità u l-mument tal-metafora f’poeżija ta’ Dun Karm.” It-taħdita tibda fis-7.00pm, organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u mill-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar. Wara jkun hemm diskussjoni miftuħa għall-pubbliku preżenti.
Fis-sala se jkun hemm ukoll kotba, dokumentarji u materjal ieħor dwar Dun Karm li ħareġ din is-sena fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt tiegħu.
Adrian Grima se jitkellem dwar poeżija mhux tas-soltu ta’ Dun Karm, “Lil Malta. tal-Lum u ta’ Għada,” li fiha l-poeta jesprimi l-għadab tiegħu għal soċjetà Maltija li għalih kienet qiegħda tittradixxi l-kultura u l-identità tagħha.
Għall-analiżi ta’ din il-poeżija u poeżiji simili ta’ Dun Karm, Adrian Grima se jinqeda b’artikli u b’poeżiji minn gazzetti Maltin tas-snin tletin, bħal Il Cotra, Il Ħmara u Malta Taghna; b’ritratti u stampi oħrajn u se jirreferi għal għadd ta’ testi u riżorsi li għall-ewwel jidhru mbegħdin ħafna minn xulxin, fosthom it-testi kritiċi fundamentali ta’ Oliver Friggieri dwar Dun Karm; il-kritika ħarxa kontra Manwel Dimech tal-Kan. Pawlu P. Galea fil-ktieb tiegħu tal-1912, Il Kerk ta’ d-Demoniu micxuf f’Malta; ix-xogħol klassiku tal-antropologa Mary Douglas fuq Purity and Danger; kitbiet kanoniċi u testi psikanalitiċi dwar il-virginità u l-kastità, bħal The Banquet of the Ten Virgins, or Concerning Chastity tal-qaddis San Metodju tas-seklu 3; xogħlijiet akkademiċi fuq il-metafora ta’ Ricoeur, Cohen, Eco, Lakoff u Ning Yu; u l-kitbiet ta’ intellettwali Faxxisti ewlenin, Luigi M. Ugolini u Francesco Ercole, li kitbu dwar Malta fis-snin tletin tas-seklu għoxrin.
Adrian, inti poeta kontemporanju li spiss fil-poeżija tiegħek timrah fil-mergħat ta’ dinja globalizzata u kosmopolitana. Kif iltqajt ma’ Dun Karm?
Iltqajt l-aktar mal-umanità tiegħu, fil-fraġilità u l-prekarjetà kollha tagħha, fid-dubji u l-qtigħ il-qalb tagħha. Id-Dun Karm li jogħġobni l-aktar huwa dak li jabbanduna ċ-ċertezzi tiegħu u jistqarr il-biżgħat u d-dgħufijiet l-aktar profondi tiegħu, bħal fil-poeżija “Il-Ġerrejja u Jien” jew f'”Wied Qirda.” Dawn għalija huma poeżiji dwar iċ-ċokon tagħna l-bnedmin, il-fraġilità tagħna. Iżda miktubin b’ħeffa u poetiċità li minkejja li għaddew għexieren ta’ snin minn fuqhom jibqgħu jemozzjonawni.
Lingwistikament, Dun Karm huwa purista u ideoloġikament huwa konservattiv ħafna, imma xorta jirnexxilu juża l-lingwa b’mod memorabbli fl-aħjar xogħlijiet tiegħu, bħal “Lil Malta. Tal-Lum u ta’ Għada” li se nitkellem dwarha fit-taħdita li se nagħmel l-Università.
Qegħdin infakkru l-ħamsin sena minn mewtu. Il-bniedem miet, imma l-poeżija ta’ Dun Karm għadha ħajja?
M’hemmx dubju. Imma wisq nibża’ li l-poeżija tiegħu ma nafuhiex wisq. Huwa poeta iktar kumpess, iktar imqalleb minn ġewwa milli kultant nippreżentawh. Fuq kollox huwa mgħallem kbir tal-kbir, tar-ritmu, tal-ħoss, tax-xbieha…
Jekk irridu li l-poeżija tiegħu tibqa’ ħajja rridu nibqgħu naqrawha u nispiraw ruħna minnha, bħalma għamlu t-tfal li attendew workshop tal-kitba tal-poeżija organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Clare Azzopardi talbithom jitnebbħu mill-poeżija ta’ Dun Karm, “Xi Nħobb… Ma Nħobbx il-Gwerra”. Meta qraw il-poeżiji tagħhom fil-pubbliku dwar dak li jħobbu – u ma jħobbux, verament emozzjonawna. Meta l-poeżija ta’ Dun Karm tnebbaħna tikseb ħajja ġdida lil hinn mill-ħajja li diġà għandna bħala poeżija sabiħa li tqanqlek anki meta ma taqbilx mal-ideoloġija tagħha.
Kif jirrelata ma’ Dun Karm – il-poeta marbut ifittex l-identità ta’ pajjiżu qalb il-konfini taċ-ċokon ta’ din il-gżira – poeta bħalek, li kif diġà għedna, l-ispirazzjoni tiegħek teħodha mill-ftuħ ta’ dinja li titraxxendi l-konfini?
Ħafna Maltin iħossuhom qrib ħafna tal-ideat ta’ Dun Karm dwar Malta, l-hekk imsejħa “identità Maltija,” ir-relazzjoni tagħna mal-barranin, it-tradizzjoni, il-mod kif nirrakkontaw lilna nfusna… F’ċertu sens aħna pajjiż ċkejken bi kwalitajiet sorprendenti bħal stat indipendenti li baqa’ essenzjalment Romantiku.
Għalina diffiċli biex inħossu l-qrubija ta’ ġnus oħrajn li jekk jaqbdu ferrovija b’oħra jispiċċa f’pajjiż ieħor, f’lingwa oħra, qalb drawwiet differenti. Fil-każ ta’ Malta, il-konfini bejn “aħna” u “huma” huma ċari ħafna, iddisinjathom għal dejjem il-ġografija tagħna bħala gżira.
Jien inħossni qrib ħafna ta’ dak li jkun qed iseħħ fi bnadi oħrajn tad-dinja, speċjalment fil-Mediterran (imma mhux biss), imma qalbi marbuta ħafna magħha u mal-lingwa tagħna. Forsi għalhekk f’din it-taħdita se nerġa’ nitkellem fuq l-idea li għandu Dun Karm ta’ Malta: għax tinteressa u tqanqal lili wkoll.
Min-naħa l-oħra, ma nifhimx għaliex Dun Karm jibża’ daqshekk mill-barranin fil-poeżija tiegħu, għaliex jarahom daqshekk bħala korruzzjoni ta’ xi identità Maltija li weħlet fiż-żmien minflok baqgħet dejjem tiżviluppa. Nifhem il-kuntest storiku, il-ħtieġa li jistabbilixxi identità Maltija billi jifridha mill-identitajiet tal-barranin. Minkejja li ż-żmien ta’ biżgħat bħal dawn ilu li spiċċa xorta għadha tara f’pajjiżna ksenofobija li tagħmel ħsara kbira lilna nfusna.
Naqblu żgur li Dun Karm kien mgħallem tal-kelma. Fid-dinja tal-lum, fejn aktarx li l-immaġni ħadet is-supremazija fuq il-kelma, xi rwol għandu Dun Karm f’dan il-qasam?
Veru, l-immaġni importanti ħafna. L-immaġni u s-sound bite. L-erba’ kelmiet memorabbli li suppost jiġbru l-kumplessità kollha fi frażi li tinftiehem faċilment. Xogħol il-letteratura huwa li tiġġieled bla ħniena kontra kultura ta’ banalizzazzjoni u superfiċjalizzazzjoni li timliena b'”veritajiet” foloz u spjegazzjonijiet stupidi li jidhru intelliġenti u veri ħafna.
Il-letteratura trid tiġġieled kontra din is-superfiċjalizzazzjoni bil-qawwa tal-kelma maħsuba, maħduma, elaborata. U din il-kelma, jekk jistednuha fuq programm fejn trid tieqaf fin-nofs, m’għandhiex taċċetta li tmur. Għax għandna biżżejjed nofs diskors u diskors mhux maħsub, diskors li ma fihx imħabba lejn il-lingwa u fuq kollox lejn il-verità kumplessa tal-ħajja. F’dan is-sens, Dun Karm, bil-kontradizzjonijiet umani kollha tiegħu, jgħallimna.
Inkun korrett jekk ngħid li d-dinja ta’ Dun Karm hija essenzjalment mibnija fuq il-fidi, imbagħad in-nazzjon – bħallikieku hemm xi rabta bejn it-tnejn li ma tistax tinħall? U jekk hu hekk, kemm għadha rilevanti din l-idea llum?
Il-poeżija ta’ Dun Karm għandha ħafna wċuħ. Mhux għax tippreżenta wiċċ b’ieħor, imma għax il-bnedmin u r-realtajiet li jgħixu għandhom ħafna wċuħ. L-aħjar poeżiji tiegħu jinqasmu primarjament bejn dawk personali li jitkellmu dwar l-esperjenzi tal-bniedem fil-ħajja u dawk li jitkellmu dwar l-ideali nazzjonalistiċi tiegħu.
Fil-verità hemm affinità kbira bejn dawn iż-żewġ friegħi tal-kitba letterarja tiegħu, għax in-nazzjon ideali tiegħu huwa bbażat fuq familja rurali patrijarkali (fis-sens femminista tal-kelma patrijarkali, fejn l-ordni hija stabbilita mill-missier, mill-Missier), Kattolika tradizzjonali, bl-omm id-dar tieħu ħsieb l-ulied imdawrin magħha u ‘l bogħod mill-ħajja pubblika. Il-poeżija personali tiegħu, dik li fiha jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu bħala bniedem u mhux bilfors bħala Malti, tixtieq terġa’ lura sikwit lejn din il-familja ideali li għandu fl-immaġinazzjoni tiegħu.
Anki fil-fidi Kattolika tiegħu kif tidher fil-poeżija ssib rikostruzzjoni tal-familja idealizzata, b’Alla l-Missier u l-Madonna bħala l-omm verġni ideali. Fil-poeżija tiegħu, Dun Karm jaspira għal purezza kulturali u fuq kollox morali li titlob kuntatt mill-inqas mal-barranin, ma’ dawk li m’għandhomx l-istess ideali tiegħu. Imma l-ħajja tiegħu stess, hu li siefer kemm-il darba u għamilha ma’ ħafna nies, turi li din il-purezza hija ideali, immaġinarja, mhix reali.
Hija wkoll purezza li tirrifletti ideat konservattivi ħafna dwar kif il-bnedmin għandhom iġibu ruħhom fis-soċjetà, fil-politika, fir-reliġjon, fl-influwenzi kulturali li jfittxu… L-għażla li “jċekken lilu nnifsu” u jikteb bil-Malti kienet għażla kuraġġuża mmens, riskjuża ħafna. U kellu jħallas prezz ta’ din l-għażla. Anki l-għażla li jirrispetta u jgħolli ċerti aspetti tal-kultura popolari rurali. Anki hawn ried isaffi l-lingwa u l-kultura Maltija minn dak li kien iqisu bħala ħmieġ, jew “qżież,” jew tniġġis, skont il-fehmiet tiegħu dwar x’inhu safi u x’inhu mniġġes.
Jekk irridu naqraw lil Dun Karm illum, irridu nkunu konxji minn dawn l-għażliet tiegħu.
Inti se tippreżenta taħdita dwar Dun Karm bl-isem “Minn Kull Xorta ta’ Qżież”, liema taħdita se ssir nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru fis-Sala Francis Ebejer fl-Università, l-Imsida u tibda fis-7 ta’ filgħaxija. Xi jrid ifisser dan it-titlu kemxejn stramb?
Il-kliem “Minn Kull Xorta ta’ Qżież” huwa meħud minn vers ta’ poeżija pjuttost eċċezzjonali ta’ Dun Karm, “Lil Malta. Tal-Lum u ta’ Għada” tal-1934, li hija poeżija politika u moralista li tikkummenta ħafna fuq il-Malta verament imqallba tal-bidu tas-snin tletin tas-seklu 20. Dun Karm jindirizza l-poeżija b’ironija kbira lil “Malta Fior del Mondo,” titlu li hu jsejjaħlu “qawl ta’ qabel żmienna.”
Qabel ma bdejt naħdem fuq dan l-istudju kont naħseb, bħal ħafna oħrajn, li dan il-“qawl” twieled f’dawk is-snin imma bl-għajnuna ta’ Olvin Vella u Dr. Albert Ganado skoprejt li fil-fatt huwa qawl antik ħafna li għandu mijiet ta’ snin… Imma m’hemmx dubju li fis-snin tletin kien assoċjat mal-filotaljani Nazzjonalisti…
Dun Karm jixli lil Malta li tilfet ruħha u li l-art-mara li kienet warda safja, kasta, issa saret “mara belha,” mara tat-triq forsi, b’kull xorta ta’ ħmieġ morali dieħel ġewwa fiha. Il-konnotazzjonijiet sesswali ta’ din l-akkuża qawwija u verament rari ta’ Dun Karm huwa ċari ħafna.
Ħamsin sena wara mewtu, għad baqa’ x’niskopru minn kitbiet Dun Karm? Fis-sens, x’rilevanza għad baqagħlu; għadu jitħaddet magħna llum, jew sempliciment sar test mill-imgħoddi li r-rilevanza tiegħu hija marbuta mal-mument li l-Malti beda jieħu xeħta letterarja serja?
Ir-rilevanza tal-poeżija ta’ Dun Karm tiddependi għal kollox mill-mod kif naqrawha aħna llum, b’dak li nagħmlu biha, bl-imħabba li għandna lejha imma bid-distanza li biha niflu l-ideoloġija tagħna. Ili ħafna snin naħdem fuq il-poeżija ta’ Dun Karm u fuq in-narrattiva u l-kitbiet l-oħrajn ta’ Juan Mamo: huwa żewġ kittieba profondament differenti, tista’ tgħid opposti. Imma t-tnejn insibhom interessanti ħafna u kull meta naqrahom insib li qed niskopri affarijiet ġodda dwar Malta, dwar in-natura umana u dwari nnifsi.