It-Tifel tan-Nanna ta’ Ġorġ Peresso

Dan huwa d-diskors li għamilt fit-tnedija tal-ktieb ta’ Ġorġ Peresso (fir-ritratt),  It-Tifel tan-Nanna. Tifkiriet ta’ Tfuliti... (Horizons, 2010), 216-il paġna, €20, li saret fil-15 ta’ Diċembru, 2009, f’Sala Couvre Porte, il-Birgu.

Ġorġ Peresso jirrakkonta dawn it-tifkiriet ta’ tfulitu bl-entużjażmu ta’ ġuvnott ta’ erbatax imma bil-ħila ta’ kittieb stabbilit ta’ sebgħin. Peresso kapaċi jirrikostruwixxi dak li jiftakar bid-distakk letterarju li jidher fl-ironija, sikwit imqarba u dejjem perċettiva, u l-awto-ironija; is-sentenzi qosra ħafna, ġieli kelma waħda; fl-understatement jew l-użu kontinwu tal-punt tal-esklamazzjoni; fl-identifikazzjoni ta’ konnessjonijiet bejn mumenti u inċidenti differenti tal-istorja.

Minkejja li din hija awtobijografija tat-tfulija, Peresso jagħmel osservazzjonijiet meta-narrattivi li fihom jirrifletti fuq l-att tal-kitba u r-relazzjoni li għandha mar-‘realt’,’ fil-virgoletti doppji. ‘Xejn mhu mistħajjel,’ jgħidilna. ‘Kollox hu minnu. Kważi mistħajjel.’ U donnha l-iktar kelma qawwija, u forsi vera u qarrieqa, hija dik il-kelma ‘Kważi,’ għax kollox hu minnu f’din l-awtobijografija, f’kull awtobijografija, u kollox hu mistħajjel, fis-sens li kollox hu kif jistħajlu, kif jarah (kont se ngħid kif ‘jimmaġinah’) min qed jikteb. Ngħidu aħna, meta jkun qed jitkellem dwar nanntu Mar’, omm ommu, jgħid li ħabbitu ħafna tul ħajtu kollha, imma ‘milli jidher wara mewtha wkoll. Għax in-nanna kienet għalija kbira daqs il-qaddisin tas-sema, u ċertament akbar mill-qaddisin tal-art.’ Għax iż-żmien li qed jirrakkonta fuqu huwa ‘Żmien li donnu mitt sena ilu u donnu lbieraħ;’ u ‘Żmien donnu ħrafa u donnu veru.’

L-ironija ta’ Peresso hija fina u kultant toqros, imma qatt mhi qarsa jew kattiva. Hu u jikteb vers bħal dak dwar il-qaddisin tal-art donnu iktar jinstema’ jidħaq milli jsabbat subgħajh fuq it-tastiera tal-kompjuter biex jivvendika ruħu minnhom. Għax wara kollox dan huwa xogħol ta’ kitba li f’bosta waqtiet jinstema’ letterarju, u ħafna mill-gost, li Peresso jittrasmettih bla sforz ta’ xejn, jinsab proprju fir-rakkont.

Ġorġ Peresso jaf li qed jirrakkonta dak li jiftakar, jew forsi dak li jagħżel li jiftakar – li ovvjament mhuwiex dak kollu li ġara – u li jista’ jħares lejn dawn il-waqtiet u l-ġrajjiet u l-emozzjonijiet ta’ tfuliti minn angoli differenti u bi kliem differenti. Jaf ukoll (u dan nissuspetta li jinfluwenza b’mod definittiv lil dawk li jiddeċiedu li jirrakkontaw lilhom infushom fl-ewwel persuna) li l-istorja tagħna mhi xejn għajr l-istorja tagħna, dak li nirrakkontaw, jew dak li jirrakkontaw fuqna. Sakemm ma nirrakkontawx ċerti mumenti u ċerti sentimenti, dawn ma jistgħux isiru parti minn “ħajjitna.” Il-ħajja hija r-rakkont tagħha. Jekk ħadd ma jitkellem fuqha tkun qisha ma seħħitx, ħaġa tal-biża’ fil-fatt, imma ftit jew wisq hekk hu. Dan f’Malta ftit jafuh iktar minn Ġorġ Peresso li għex ħajtu jirrakkonta bil-kelma miktuba u bil-fomm; ftit huma dawk li jagħrfu aktar minn Ġorġ Peresso l-qawwa tal-kelma maħduma li titwassal għand ħaddieħor. F’dan is-sens Peresso huwa, biex nissellef espressjoni minn Malti kbir ieħor, Ġużè Cassar Pullicino, wieħed mill-“bennejja” tal-letteratura Maltija, mhux biss għax kiteb imma għax ta kontribut bla qies biex dik il-letteratura, u l-letteratura b’mod ġenerali, tinqara, tinstema’, tiġi diskussa, tieħu sehem fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Ikolli nammetti li l-użu kontinwu tal-punt ta’ esklamazzjoni narah żejjed f’dan ir-rakkont memorabbli. U r-raġuni mhix biss li punteġġjatura bħal dik trid tużaha bil-qies biex ma titlifx il-qawwa espressiva u emozzjonali tagħha, imma wkoll għax il-lingwa ta’ Ġorġ Peresso hija fuq ruħha, ħajja, kważi dejjem bi tbissima fuq fommha, anki meta tirrakkonta inċidenti mhux daqstant sbieħ. Il-punt ta’ esklamazzjoni qiegħed fin-natura stess tal-kitba tiegħu. Peresso kapaċi joħloq ton leġġer mingħajr ma jwaqqa’ għaċ-ċajt it-tbatijiet jew juri diżrispett lejn temi serji. Tidher ħaġa faċli u naturali, imma mhix. Hija xhieda tal-kontroll li għandhom fuq il-lingwa tagħhom l-aħjar kittieba li bħal plejer tal-futbol tajjeb jew attriċi brava jagħmlu kollox jidher

Waħda mill-iktar siltiet divertenti fil-ktieb hija s-silta dwar “Minn fejn jiġu l-babies?” L-awtur jagħti lista twila ta’ postijiet u possibilitajiet, persuni u saħansitra purċissjonijiet – naturalment ebda tweġiba ma toqrob imqar ftit lejn il-likk: It-tfal jikbru fl-għelieqi, iġibhom għasfur kbir, jitfaċċaw ħin bla waqt fil-Purċissjoni tal-Madonna ta’ Fatima, jew joħorġu mill-kaxex ta’ fuq il-vapuri, jew saħansitra bil-kupuni. Ġorġ Peresso jammetti li “tassew kont ċe bit-tikka jew inġenwu.”

Peresso jikteb li t-tfulija kienet “żmien l-innoċenza u żmien il-bluha,” u kważi tibda tibża’ li ġej id-diskors tas-soltu, aktarx superfiċjali, dwar l-innoċenza tat-tfal u x’naf jien. Imma fil-lista kważi litanika li tiddomina s-silta “Dak kien żmien!” iqiegħed maġenb xulxin l-ikla tfuħ ta’ nhar ta’ Ħadd, li f’Malta differenti kienet “ħaġa speċjali,” u “Żmien l-iskrupli” bla bżonn li m’għenux il-poplu jikber u jitgħallem.Fl-istess sensiela ta’ ritratti li jimminaw il-ħlewwa apparenti tat-titlu tat-taqsima, jitkellem dwar it-twiebet żgħar bojod li kienu ħaġa ta’ kuljum u l-Limbu, “post mudlam li fi ċkuniti kont nistħajjel trid tinżel għalih minn lembut,” u li sadattant waqaf jeżisti.

Dan il-ktieb jirrakkonta wkoll l-arroganza tal-kolonjaliżmu Ingliż, li għalih il-ħaddiema tal-irmonk kienu għad-dispożizzjoni tiegħu, kif kien jgħid Lorry, missier Ġorġ, “erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, tliet mija u ħamsa u sittin jum fis-sena,” anki dakinhar tat-tieġ. L-Ingliżi kolonjalisti li jirrakkonta Peresso huma dawk li “basta li tidher li tgħaddi tagħhom,” li l-Maltin huma l-qaddejja u huma s-sidien.

Naħseb li l-ikbar kumpliment li tista’ tagħmel lill-kittieba huwa li tgħidilhom li ħadt gost taqra x-xogħol tagħhom. Li ma stajtx tneħħih minn idejk u spiċċajt ħraqt il-basla, jew il-karozza ħallejtha bla petrol u l-mobile bla charge. Dawn it-tifkiriet ħadt gost naqrahom. U nittama li tteħidt imqar ftit mill-ħeġġa għall-ħajja, mill-emozzjonijiet ġenwini għax imġarrba, mil-lingwa dejjem tleqq u kultant naqra mqarba ta’ dan ir-rakkont.

Verżjoni mqassra dehret fl-Illum (14 ta’ Frar 2010)


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s