
Nhar is-Sibt, 4 ta’ Diċembru, 1999, l-Għaqda Letterarja Maltija, permezz ta’ Sergio Grech, stednitni biex, flimkien ma’ Kilin, naqra l-poeżiji tiegħi fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, il-Mosta, bini (jingħad li kienet stalla) tas-seklu 17.
Meta ktibt lil Sergio l-għada tal-qari, għedtlu kemm ħadt gost li ltqajt ma’ Kilin għall-ewwel darba.
“Irrid nghidlek mill-ewwel li veru ħadt pjaċir ilbieraħ – ħafna. Kont ili ma nieħu pjaċir daqshekk waqt laqgħa letterarja, għax kien hemm atmosfera. Dawn in-nies iħobbu l-poeżija, sinċerament, u m’għandhomx ħafna mill-pretensjonijiet li għandna ħafna minna. […] L-atmosfera, l-attenzjoni, l-apprezzament […]”
Ġimgħa qabel l-attività Sergio Grech kien kitibli, fost l-oħrajn, hekk: “Ser ikun hemm żewġ qarrejja li ser jaqraw xogħlijiet minn tiegħek u ta’ Kilin. Żgur li ser noħroġ ħafna minn xogħlijietkom it-tema ta’ l-ambjent. Mill-innoċenza u s-sempliċità fiżika ta’ Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan għat-tkissir vendikattiv li inti turi fil-poeżija tiegħek. Nemmen li dan l-inkontru ser ikun interessanti.”
Fil-fatt kienu attendew mal-50 ruħ li wħud minnhom, wara l-qari, qraw ix-xogħol tagħhom.