L-awtur (1998) Lm2 pp75
Adrian Grima | Riċensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 4, Ġunju, 1998
Bil-pubblikazzjoni ta’ L-Artist tat-Trapiż ta’ Henry Holland (1996) u issa b’din l-ewwel ġabra ta’ Immanuel Mifsud, Fid-Dar ta’ Clara (1998), il-poeżija Maltija jidher li qiegħda tfittex toroq ġodda. Iż-żmien biss jista’ jikkonferma din l-impressjoni, iżda jidher li l-poeti “l-ġodda” qegħdin jimirħu f’oqsma li ma jaqgħux taħt l-influwenza diretta tal-kittieba tal-ġenerazzjoni tas-Sittinijiet. Mit-tip ta’ attività letterarja li kien hawn fil-pajjiż dan l-aħħar jidher ukoll li dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet mhumiex fenomenu iżolat.
Is-46 poeżija ta’ Immanuel Mifsud li hemm f’dan il-ktieb, miktubin fuq medda ta’ ħdax-il sena, jiffurmaw korp wieħed sħiħ. Mhux biss għaliex ix-xbihat, il-ħsejjes, il-postijiet u l-protagonisti huma ħafna drabi l-istess, jew varjanti ta’ xulxin, iżda anki għaliex ilkoll kemm huma, jew kważi, isibu rwieħhom fid-dar ta’ Clara. Forsi iktar mid-dar ta’ Clara hija d-dar tal-poeta li minnha Clara ma toħroġx, jew ma tistax tinħareġ. Din hi dar ta’ vera u metafora fl-istess ħin, bħal Praga u x-xmara Vltava; bħall-baħar u l-qamar; bħall-għajnejn u l-ħarsa tagħhom; bħall-aħmar u l-iswed (anki fil-qoxra); bħall-vjaġġ u l-vjolini; bħad-dgħajjes tal-karti, ir-riħ u l-gawwi (li jfakkruna f’Marjanu Vella), bħall-ward u l-weraq; u bħall-mara-tfajla u t-tfal.
Il-qari ta’ dan id-dokument personali ta’ Mifsud huwa esperjenza intensa fiha nfisha. Il-qarrejja jħossu li qegħdin jgħumu mal-poeta f'”qiegħ il-baħar,” iżda jħossu wkoll li hemm daħliet fil-blat li jibqgħu mistura għax il-poeta jagħżel li ma jikxifhomx. Madankollu, minkejja li dawn il-poeżiji sikwit jieħdu l-forma ta’ rakkont ġewwieni li biex tifhmu jrid ikollok il-privileġġ li tkun fuq ġewwa u ta’ ġewwa, xorta għandhom l-universalità li teħodhom lil hinn minn sempliċi djarju ta’ ħsus u ġrajjiet.
Aktarx is-sigriet ta’ Mifsud jinsab fil-fatt li hu jirnexxilu jippreżenta dokument personali awtentiku u fl-istess ħin iqajjem fil-qarrejja tiegħu sentimenti u esperjenzi simili. Dan iseħħ l-aktar meta l-qarrejja jsibu ruħhom deħlin fir-ruħ sikwit mqallba ta’ min qed jikteb biex jifhmuha, iżda qabelxejn, biex isiru jafuha. Barra minn hekk, Mifsud joħloq il-lingwa letterarja tiegħu b’sengħa kbira u din l-arti, minnha nfisha, diġà “tuniversalizza” l-poeżiji tiegħu.
L-intimità tinħass fil-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet għax mhijiex burdata li tgħaddi iżda mod kif il-poeta jġarrab il-ħajja. Praga u x-xmara Vltava jsiru uċuħ differenti li jippreżentaw l-istess ruħ mġarrba. Immanuel Mifsud jara kollox minn lenti personali u spiritwali. Min-naħa l-oħra, il-poeta u l-“int” li jindirizza (bħallikieku fi djalogu li baqa’ ma rnexxiex) fil-maġġoranza tal-poeżiji jisfumaw, jew idubu, fl-elementi li jsibu madwarhom: “Imn’alla dobt fid-dlam” (“Messaġġ Mingħand Xi Ħadd Li Ma Twelidx”, v. 1); “Xufftejha biesu r-riħ u nħallu miegħu” (“Ritratt ta’ Jeanne Marie Meħud Venezja”, v. 4); “u ndubu ġo dad-dlam li tant inħobbu” (“Żewġ Werqiet Ħżiena”, v. 5). Sikwit Praga donnha ssir il-mara-tfajla tal-poeta u l-mara-tfajla ssir Praga. Minkejja dan id-dewbien, però, hemm mumenti u postijiet partikolari li jibqgħu ffriżati, maqbudin għal dejjem mill-kamera ta’ ruħ il-poeta.
Il-vers l-aktar użat huwa l-endekasillabu, vers serju u twil biżżejjed biex jilqa’ ġo fih il-kurrent dejjem ġej ta’ ħsibijiet, xbihat u metafori li bihom jinqeda Mifsud. Kultant ir-ritmu huwa effettiv ħafna, bħal f'”Telefonata” u “Siġar,” waqt li drabi oħra, bħal fit-tieni parti ta’ “Żewġ Poeżiji tas-Slaw lill-Anġlu” u fit-tieni strofa ta’ “Żewġ Werqiet Ħżiena” jinħass inqas effettiv.
Is-siltiet żgħar ta’ proża, anki meta huma soċjali jew politiċi, aktarx jibqgħu essenzjament intimi (“Ftit Weraq Minn Praga”). Iżda fil-proża hemm ukoll laqta ironika: anki fil-belt tal-eroj li ħaraq lilu nnifsu għal-libertà, hemm “Ronald MacDonald, il-buffu li tana l-libertà, li mingħajr żiemel u mingħajr tankijiet daħal fi Praga, fil-pjazza tal-glorji, u ntefa’ hemm, ibigħ il-baqar imwielda għall-mewt, u l-patata moqlija bl-irħis. Din hi r-rebbiegħa tal-ħolm, il-ħolm isir veru.”
Dawn il-versi li ġejjin minn “Poeżija lil Clara” jirrappreżentaw tajjeb id-dinja poetika ta’ Immanuel Mifsud f’din il-ġabra: “Ridt ngħidlek, int u taqfel il-bagalja / mimlija nofs xewqat u ħolm immermer, / l’għalik għad għandi għanja mhux kantata, / xi mkien għad għandi ħarsa ftit mistħija, / għad għandi l-aħħar qatra demm tistenna.” Il-poeta jħoss li Clara se tibqa’ dejjem miegħu, u l-qarrejja tiegħu se jħossu li dawn il-poeżiji se jibqgħu dejjem magħhom.
Adrian Grima (23.5.98)