Pubblikazzjoni: Koperattiva Kulturali Universitarja, 1998. Editur: Adrian Grima
Disinn tal-Qoxra: Paula Callus. Produzzjoni: Norbert Bugeja, Owen Bonnici
Daħla ta’ Adrian Grima
Werrej tal-Poeżija u l-Proża f’din il-ġabra:
- Coleiro Doreen, In-Nanna
- Cassar Mario, Talba ta’ Tifel Li Kiber
- Bonnici Owen, Il-Vleġġa tat-Tfajjel Kontra r-Rota tal-ħin
- Holland Henry, Il-Ġnien
- Scerri Daniela, Il-Mera
- Fava Audrey Ann, Mal-Mixja tax-Xemx
- Micallef Bernard, Ferita fir-Raħal
- Sammut Patrick, Rassenjazzjoni ta’ Kuraġġ
- Busuttil Kenneth, Monument
- Gatt Albert, Is-silenzju wkoll
- Vella Karen, Kalendarju
- Schembri Karl, Lejn ix-Xefaq
- Saliba Joe, Kull Darba
- Grima Adrian, Bżieżaq taż-Żmien
- Bugeja Norbert, Tbandil fis-Sakra
- Mifsud Immanuel, Inqum Biex Ngħodd il-Ġranet Li Fadalli
- Buttigieg John, L-Aħħar Stiva
- Vassallo Leslie, Ħabib Antik
Adrian Grima
Daħla: Noti fuq il-Pjanta tal-Proġett
F’pajjiż li fih “proġett” sikwit ifisser il-bini ta’ blokki bla ruħ li fihom il-ġenerazzjonijiet futuri għad iridu jfittxu “r-ruħ” tagħna, lejla letterarja dwar Proġett Bla Millennju hija wkoll awgurju għal millennju bla proġetti. Ilu ħafna li spiċċa ż-żmien, jekk qatt kien jeżisti, li nifirdu l-kreattività ta’ l-arti mill-kreattività tan-natura. Iżda dan il-punt jinħass ħafna iktar fit-titlu milli fit-tmintax-il xogħol li hawn miġburin f’dan il-ktejjeb.
Fi żmien meta l-letteratura Maltija qiegħda terġa’ turi li tinsab fil-qalba tar-ruħ ta’ pajjiżna billi tfittex forom ġodda ta’ ħsieb u espressjoni, dan il-Proġett Bla Millennju jikkonferma l-universalità ta’ kitbiet li filwaqt li jitilqu minn kuntest ta’ żmien u spazju definit ma jibqgħux ikkakkmati miegħu. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinqraw minn nies li mhumiex Maltin u jinftiehmu kemm bħala xogħlijiet li jixħtu dawl fuq min huma l-Maltin illum kif ukoll, u forsi aktar, bħala xogħlijiet li jistħarrġu l-esperjenzi li aktarx jgħaddu minnhom il-bnedmin ta’ kull post u ta’ kull żmien.
Michel Siffre
Fl-1962 l-ispeleologu Franċiż Michel Siffre ddeċieda li jqatta’ ftit ġimgħat ġo għar taħt l-art mingħajr ebda strument jew mezz ieħor kif jista’ jkejjel iż-żmien. Meta ħareġ minn ġo l-għar xahrejn wara ntebaħ li kien għadda ħafna iktar żmien milli kien ħaseb. L-arloġġ ġewwieni tiegħu kien qiegħed ikejjel il-passaġġ taż-żmien b’mod differenti ħafna mill-arloġġ mekkaniku konvenzjonali, għax l-inkonxju tal-bnedmin għandu kunċett differenti taż-żmien: dan jidher fil-ħolm u f’mumenti oħra li fihom l-inkonxju jieħu r-riegni f’idejh.
Bil-letteratura u bl-arti in ġenerali l-bnedmin sikwit iwettqu l-ħolma tagħhom li jinħallu mill-istraight jacket tal-ħin u ż-żmien konvenzjonali. Fil-ktieb tiegħu Man and Time (Londra: Bloomsbury, 1964), J. B. Priestley isostni li permezz tat-teknika tan-nixxiegħa tal-kuxjenza r-rumanziera tas-seklu għoxrin daħħlu lill-qarrejja fi żmien differenti li jimxi bil-mod ħafna, żmien li jiffoka fuq l-affarijiet ċkejknin, żmien privat imbiegħed sew mill-ġrajjiet pubbliċi u mill-istorja.
This slow-motion and intensely private time can be used to create a certain strange beauty, as in some of Virginia Woolf’s novels, or a memorable comic realism, as in Joyce’s Ulysses. And one reason why [this slow-motion and intensely private time] seems to represent our age is that it is a revolt against the tyranny of passing time.
Skond Priestley il-bnedmin jafu li biex ikunu kuntenti u jirnexxu fil-ħajja jridu jkunu kapaċi ma jagħtux kas tal-ħin u ż-żmien.
Il-Ħin u ż-Żmien
Fil-Malti teżisti distinzjoni interessanti bejn “il-ħin” u “ż-żmien”. Aktarx li l-ħin huwa iktar marbut mal-preżent, ma’ l-issa, mat-temporanju, waqt li ż-żmien għandu firxa iktar wiesgħa u jagħti aktar sens ta’ tul jew anki ta’ profondità. Erin Serracino Inglott jiddefinixxi l-ħin fost l-oħrajn bħala “kejl taż-żmien fil-qosor” u bħala “kalkolu bl-arloġġ tal-mument fil-jum, se binhar u sew billejl”. Iż-żmien, fost l-oħrajn, huwa “fehma fondamentali tan-natura li biha jingħaraf u jingħażel dak li għadda, dak li qegħdin fih u dak li ġej (bħala wara jew qabel xulxin)”; iż-żmien huwa wkoll “dak li għandu bidu u tmiem bħala kontrast mad-dwiem jew eternità, jew sehem minnu li m’hux mill-bidu sat-tmiem.” Interessanti li fil-lingwa ta’ kuljum f’ċerti sitwazzjonijiet il-Maltin jistgħu jużaw kemm ħin u kemm żmien, bħal fl-espressjonijiet, “ma fadallix ħin/żmien” jew “titlifx ħin/żmien”. Stħarriġ ta’ dawn il-varjanti jista’ jixħet ftit dawl fuq kif il-Maltin jikkonċepixxu l-ħin u ż-żmien.
Minħabba l-wirt storiku fl-identità kulturali tiegħu, il-poplu Malti ma jistax ma jkollux sens qawwi ta’ żmien; ma jistax ma jagħrafx il-qawwiet kbar mistura u misterjużi taż-żmien. It-tempji neolitiċi jfakkruna kontinwament li jeżistu żminijiet li jaħfnuna iżda ma jistgħux jinħafnu, lanqas mill-idejn sodi u kunfidenti tat-teknoloġija li ħolqu l-bnedmin bl-idejn fraġli tagħhom. U fiż-żmien li hemm bejn il-Maltin tal-lum u l-abitanti tal-Gżejjer preistoriċi Maltin hemm baħar ta’ ġrajjiet u tibdil li mingħajrhom iż-żmien ma jkunx żmien. Mingħajr tibdil ma jistax ikun hemm iż-żmien. Min-naħa l-oħra, biex ikun hemm it-tibdil irid ikun hemm dak li ma jinbidilx. Waħda mid-definizzjonijiet taż-żmien hija appuntu “dewmien ta’ għemil”, “tul li tieħu biex issir xi ħaġa”.
Millennji
Sa ċertu punt, it-tqassim taż-żmien, li minnu nnifsu diġà mhuwiex assolut, f’sekli u f’millennji huwa “vojt” u irrilevanti. It-tifsiriet jagħtuhom il-bnedmin, bit-tradizzjonijiet u t-twemmin tagħhom; il-bnedmin joħolqu l-millennji għalihom infushom biex imbagħad jogħxew bihom. Il-millennji ma jeżistux minnhom infushom. Kull persuna ġo fiha għandha l-esperjenza tagħha tal-passaġġ taż-żmien, esperjenza magħmula minn ġrajjiet, emozzjonijiet u ħsibijiet li ħallew il-bookmarks tagħhom maħruġin ‘il barra biex ma jinqabżux. Il-millennji jagħmluhom il-bnedmin.
Dan il-Proġett
L-għażla ta’ dawn it-tmintax-il xogħol aktar tirrifletti lil min għamilha minn kull ħaġa oħra. L-idea oriġinali kienet li dawn il-kitbiet jirriflettu dak li qiegħed jinkiteb mill-awturi mhux daqstant stabbiliti f’Malta fi tmiem is-seklu għoxrin; f’dan is-sens, l-inklużjoni ta’ kittieba bħal Immanuel Mifsud u Bernard Micallef, biex insemmu tnejn, hija dibattibbli, għaliex il-pubblikazzjonijiet tagħhom diġa’ ġibdu l-attenzjoni ta’ għadd ta’ qarrejja Maltin.
L-awturi rappreżentati hawnhekk jinkludu żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u t-tmintax-il sena (Owen Bonnici, Norbert Bugeja, Audrey Ann Fava u Daniela Scerri), oħrajn taħt il-ħamsa u għoxrin sena (Kenneth Busuttil, Albert Gatt, Karl Schembri u Karen Vella), u oħrajn fuq il-ħamsa u għoxrin sena (John Buttigieg, Mario Cassar, Doreen Coleiro, Adrian Grima, Henry Holland, Bernard Micallef, Immanuel Mifsud, Joe Saliba, Patrick Sammut u Leslie Vassallo). Uħud minn dawn l-awturi ppubblikaw il-kitbiet tagħhom waħedhom jew f’antoloġiji; l-oħrajn ippubblikaw biss waħdiet f’gazzetti jew f’rivisti.
Dan il-proġett bla millennju qed isir fi żmien meta l-attività letterarja fil-Gżejjer Maltin ħadet ħajja ġdida. Ħafna mill-awturi miġburin hawnhekk, flimkien ma’ oħrajn li xandru kitbiethom bnadi oħra, ħadu sehem f’għadd kbir ta’ rappreżentazzjonijiet letterarji li wħud minnhom kienu konvenzjonali u oħrajn fittxew forom ġodda ta’ espressjoni. Dan il-Proġett huwa tentattiv biex nagħtu ħjiel ta’ dak li qiegħed jinkiteb f’Malta llum mill-kittieba l-ġodda.
Moviment Ġdid?
Jekk norbtu t-tiġdid tal-letteratura Maltija mat-twelid ta’ għaqda jew moviment letterarju “ġdid” inkunu qegħdin ninqdew bl-imgħoddi, fil-każ ta’ Malta bis-snin sittin tas-seklu għoxrin, biex nifhmu s-snin disgħin. Akrobaziji bħal dawn mhux dejjem jagħmlu sens, anki jekk forsi jidhru sbieħ u saħansitra neċessarji. Hemm min jgħid li f’dinja postmodernista fejn l-impenn ta’ l-individwu ħa post il-militanza fi grupp, tajjeb jew ħażin m’għadux żmien il-movimenti. Forsi għalhekk illum il-proġetti bla ruħ li bihom jogħxew il-politiċi u l-ġurnalisti Maltin ma jsibux l-oppożizzjoni awtentika li jixirqilhom. Forsi għalhekk hemm bżonn ta’ millennju bla proġetti.
Iż-żmien jagħtini parir.
Ġunju 1998
Adrian Grima, Bżieżaq taż-Żmien
Fejn bnadi oħra ż-żmien kien qed jistenna bil-ħerqa kollha lit-tielet millennju ġej, fil-barracks li saru djar tan-nies it-tielet millennju kien ilu li għadda żmien. U bħalu kienu għaddew it-tieni, ir-raba’, u l-millennji kollha li wieħed jista’ jimmaġina. Fil-kwartier, fil-fatt, kulħadd kien waqaf jimmaġina: min għax għeja; min għax kien imħabbat wisq; min għax kien konvint li l-immaġinazzjoni, bħad-droga, iġġib lill-bnedmin f’sensihom; min għax ħadd ma kien qallu kif; min għax ma kienx jaf li suppost kellu jixtieq jimmaġina; u min bi sfida.
Twanny kien qed isegwi, nifs nifs, il-ġrajjiet imqanqla ta’ erba’ min-nies iduru fl-istess erba’ postijiet, jgħidu l-istess affarijiet, u jipproġettaw l-istess espressjonijiet. It-televixin kien qed iħalli effett ħafna ikbar miż-żmien u s-soap opera “Qrejjen” kienet ikkapparat hi l-ħila ta’ Twanny li jimmaġina. Twanny kien qed jgħix għall-“Qrejjen” u l-qrejjen beda jarahom anki fejn ma kinux qegħdin. Imma din ma kinitx immaġinazzjoni.
Hu u għaddej minn qalb il-bini li darba kien tas-suldati, it-tielet millennju ma ħalla ebda traċċa tal-preżenza tiegħu, aktarx għax tfaċċa fil-ħin tal-“Qrejjen” meta kulħadd (ħlief forsi Frans) kien imħabbat jitfa’ waħda mill-erba’ stejjer fuq xulxin, taħt xulxin jew maġenb xulxin. L-istess seta’ ġralhom tant millennji oħra.
U allura waqt li fi bnadi oħra kien hemm attività sħiħa għaddejja, fil-barracks ma kien qiegħed jiġri xejn speċjali. Fi nħawi oħra, kienu qegħdin iġonġu l-festuni tagħhom biex joħolqu minnhom sriep twal li jifilħu għall-miġja tal-ġgant li ħadd qatt ma kien ra bħalu; kienu qegħdin jiktbu stejjer bħal din biex jiċċelebraw il-kisbiet il-kbar taż-żewġ millennji ta’ qabel u jantiċipaw il-kisbiet bla preċedenti li kienu diġà qegħdin jinħmew fl-imħuħ kbar u miftuħin tal-ġenerazzjoni tat-tielet millennju; kienu qegħdin jippreparaw ikliet b’elfejn kors u bid-deserta fl-aħħar, simbolu tal-ħlewwa l-ġdida; kienu qegħdin jimlew il-ħofor fl-edukazzjoni u fil-mezzi ta’ komunikazzjoni biex kollox jibqa’ għaddej lixx. Kien hemm attività li ħadd ma seta’ jiftakar li qatt ra bħalha. U fil-barracks tas-suldati kienu qegħdin jitilfu dan kollu: meta r-residenti tal-post kienu joħorġu minn ġol-kwartier biex imorru jixtru, jew biex imorru jġelldu l-klieb ta’ l-aħħar tal-millennju l-antik, kulħadd kien ikellimhom dwar il-ġrajja l-kbira, dwar il-miraklu taż-żmien, dwar il-kalendarju tax-xewqat tiegħu. Imma għalxejn.
Għal min kien ħalla t-tielet millennju għaddej mingħajr ma ntebaħ bih, dan id-diskors kollu, bħall-immaġinazzjoni, ma kienx jeżisti, u kien jisma’ affarijiet kompletament differenti minn dak li kienu jisimgħu n-nies ta’ bnadi oħra. Dan, sa ċertu punt, kien vantaġġ għax ma kellhomx il-biża’ li jinqabdu fid-diskors il-ġdid u jibqgħu mwaħħlin fih. Minħabba l-insistenza fuq il-passaġġ taż-żmien minn millennju għall-ieħor, kien hemm il-biża’ li min ma jlaħħaqx ma’ dak id-diskors jinqabad fl-ewwel biċċa u jibqa’ għal dejjem imwaħħal f’millennju antik, sorpassat, barrani. Barra minn hekk, ir-residenti tal-barracks kienu ħelsu wkoll mill-problema ta’ l-awguri; din ta’ l-awguri kienet xi ħaġa antipatika ħafna għax min jawgura kien qiegħed jissogra li jeħel hu jew iħalli lil ħaddieħor imwaħħal fil-millennju l-qadim. U għalhekk, mingħajr ftehim ta’ xejn, ħafna min-nies tal-kwartier bdew jevitaw l-espressjoni perikoluża “Il-millennju t-tajjeb”, jew “ħapi millennjum”, u jaqgħu għal varjanti iktar laxki li ma kinux marbutin bilfors mal-ġrajja l-kbira bħal “Awguri”, “Oldibest”, “Is-sena t-tajba”, “ħapinjujer”, u saħansitra “ċirs” u anki “Il-festi t-tajba”, bl-iskuża li kien hemm il-Milied, il-vaganzi u x-xattdawn fil-viċin. Perikoluża wkoll kienet l-espressjoni stupida “Il-Kumplament”, u dawk li ma qagħdux attenti malajr saru jafu għaliex. Każ minnhom kien dak ta’ tifel imfissed li qala’ rigal ta’ elf lira mingħand nanntu ta’ mitt sena u bit-tbissima weġibha bl-espressjoni “Il-Kumplament”, li tant kienet laxka f’moħħu li meta sabet ruħha fuq fommu aktarx instemgħet qisha, “U l-Kumplament?” Fortunatament, għal ħafna min-nies ta’ barra l-kwartier fil-mument kruċjali taċ-ċelebrazzjoni kienu se jgħoddu s-sekondi flimkien u mbagħad ikantaw “Oldlangsajn”, kanzunetta stramba li ħadd qatt ma tgħallimha, imma kanzunetta li kienet ideali għax kienet titkanta darba biss fl-aħħar tas-sena, meta jinġemgħu l-għeja u x-xorb ta’ sena sħiħa.
U allura, waqt li fi bnadi oħra, jiġifieri fil-bqija tad-dinja magħrufa mid-dinja tal-mezzi tal-komunikazzjoni, kienu qegħdin jgħabbu l-ajruplani tat-tagħbija bil-bżieżaq biex imbagħad jitilquhom fuq it-tielet millennju; waqt li n-nisa kienu qegħdin jimbuttaw u jitqanżħu kemm jifilħu biex iwelldu t-tielet millennju tagħhom u b’hekk isiru famużi mad-dinja kważi kollha; waqt li l-mistednin kienu qegħdin jaslu kullimkien biex jiċċelebraw b’ferħ kbir dak li fil-barracks kien għadda u ħadd ma induna bih; waqt li fil-metropoli kienu qegħdin joħorġu l-ikbar kejk tad-dinja biex jaqsmuh, kif qalu, waqt li ż-żmien kien qed jinqasam bejn it-tieni u t-tielet millennju; waqt li kienu qegħdin jinxtraw, f’ferneżija ta’ għerf u bejgħ ta’ għerf, kotba mimlijin kliem, u stampi, u kalkoli li jippruvaw, mingħajr ebda dubju, li dak il-mument tant mistenni kien ġie kkalkulat ħażin, u għalhekk jew kien diġà għadda jew kellu jiġi iktar tard; waqt li l-filosfi, il-poeti, is-sħaħar, u l-istrambi l-oħra kollha kienu qegħdin isostni, b’għajnejhom imsammrin fuq l-arloġġ, li dak il-waqt tant mistenni kien se jgħaddi mingħajr ħadd ma jkun jista’ jwaqqfu biex igawdih; waqt li ħadd ma beda jieħu dawn l-oġġezzjonijiet bis-serjetà, imma kulħadd kien konvint li kienu sinjal tal-kisbiet il-kbar li kellhom jiddistingwu lill-millennju l-ġdid minn ta’ qablu; waqt li kien qed iseħħ dan kollu, u aktar, fil-barracks kien hemm atmosfera ta’ kwiet mhux tas-soltu li ħadd ma induna biha, ħlief Frans. Twanny kien qiegħed isegwi verżjoni kkupjata ta’ “Qrejjen” mibluh, għal darb’oħra, bil-fatt li meta kien ra dawn il-puntati l-ewwel darba kienu qabżulu ħafna kelmiet li tant kien fihom x’tifhem li lanqas kienu jifilħu lilhom infushom.
Wara li kienu tilfu għal kollox il-ħila li jimmaġinaw affarijiet li ma kinux jeżistu fir-realtà, ir-residenti tal-barracks kienu waqgħu f’realiżmu kbir, u fil-kelmiet ta’ “Qrejjen” kienu qegħdin isibu affarijiet li fil-bżieżaq tat-tielet millennju ma setgħu jeżistu qatt. Kien għalhekk, aktarx, li minflok kiteb storja dwar il-bżieżaq taż-żmien, Frans kiteb din l-istorja dwar il-kliem.
Adrian Grima (Proġett Bla Millennju, KKU, 1998)