Fi żmien meta ħafna minn dak li qed jiġri madwarna jnikkitna u jimmutana, sirt napprezza u nfittex dejjem iżjed il-mumenti li joffri festival indipendenti bħall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed.
Dan is-sabi ta’ festival issa ilu 21 sena jlaqqa’ lill-awturi Maltin ma’ awturi minn madwar il-Mediterran u lil hinn. 21 sena ta’ xogħol volontarju li jibqa’ għaddej matul is-sena kollha. 21 ta’ sena ta’ xogħol li ma jidhirx imma li r-riżultat tiegħu jidher sew matul mill-inqas ġimgħa ta’ attivitajiet li jfittxuhom mijiet ta’ nies.
Għax dan il-Festival umli u kburi fl-istess ħin ilaqqa’ flimkien lingwi u lingwaġġi differenti f’atmosfera ta’ ħbiberija, ta’ kompliċità u kwiet. Il-privileġġ tal-kwiet f’dinja ta’ vuċijiet bla ħsieb u ħsibijiet tqal mingħajr vuċijiet. Għalhekk il-letteratura tilqagħha u tismagħha fil-kwiet.
Dan festival intens jaqdef kontra l-loġika tal-istorbju kontinwu u d-diskors bla kont. Il-kittieba jafu li jridu jagħtu kont ta’ kull kelma li jgħidu. Għax, kif qal Stjanu Debono, hemm udjenza tisma’ b’attenzjoni kbira u tiżen kull kelma li tgħid, kull kisra tal-vuċi u l-ħsieb.
F’waħda mill-ħafna attivitajiet tal-festival li saret f’Vincent’s Eco Farm, l-awtriċi Claire Lajus qalet li festival bħal dan huwa att ta’ “reżistenza”, att ta’ umanità u fiduċja fl-umanità. Reżistenza kontra l-kultura tal-gwerra, il-loġika tal-ġenoċidju qisu-qatt-ma-ġara-xejn, il-passività u l-indifferenza. Att żgħir ta’ reżistenza li quddiem ġenoċidju ddikjarat u ddokumentat jidher kważi banali, imma lilna li ħadna sehem fih sqiena ftit umanità. Ftit fiduċja fil-bnedmin u fil-ħajja.
U ħelisna, għal ftit sigħat, mil-loġika tal-iscreen iż-żgħir u l-algoritmi.
Festival indipendenti, veru, imma li ma jistax isir mingħajr il-fondi pubbliċi amministrati mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż, mingħajr l-investiment tal-komunità nazzjonali fiċ-ċittadini u r-riżorsi tagħha stess. Ma nistgħux ninsew dan is-sehem tal-istat, mingħajr ma jindaħal fl-għażliet artistiċi, f’festival bħal dan. Dan appoġġ kruċjali. Għax bħas-saħħa, il-wens u l-edukazzjoni, il-kultura trid il-finanzjament tal-komunità.
Lanqas ma nistgħu ninsew il-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet, għaqdiet u individwi li jsaħħu din il-kompliċità, li jagħtuha r-riżorsi u l-isfumaturi tagħhom. Ilbieraħ, ngħidu aħna, erġajt apprezzajt il-ġmiel bla qies tal-MICAS. Kien hemm nies li żaruh għall-ewwel darba minħabba l-festival. Għax il-FMLM mhuwiex biss esperjenza ta’ letteratura, kotba, ħbiberija, u nbid. Huwa esperjenza artistika iktar sħiħa minn hekk.
Mill-1998 sal-2018 kelli x-xorti nkun involut b’ruħi u ġismi, ma’ ħafna oħrajn, f’Inizjamed u f’dan il-festival. Għalhekk nista’ napprezza dik in-naqra iżjed il-maġija ta’ din ir-reżistenza u ta’ din il-kompliċità. U l-kollaborazzjonijiet li jinbtu minn festival bħal dan.
Imbagħad wara tibqa’ l-maġija tal-kliem, tal-istejjer u l-poeżiji li jibqgħu jżuruna, qishom reels, qishom algoritmi, qishom il-melodiji ta’ Troffa Ħamra, ferm wara li niġbru s-siġġijiet fl-aħħar tal-aħħar lejla, u nippruvaw immorru norqdu għal sena sakemm jasal festival ieħor.
FIR-RITRATTI
jidhru l-awturi Hamed Aboud u Keith Borg, u l-kantanti u mużiċisti Troffa Ħamra u Mark iz-Zizza li kienu ħadu sehem l-ewwel darba fil-festival bħala Zizza Ensemble f’Couvre Porte, il-Birgu, fl-2007.


