Meta l-lingwa ma tkunx tiegħek

Nhar l-Erbgħa 29 ta’ April 2026, bħala Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta ċċelebrajna l-ħidma tal-Prof. Manwel Mifsud li rtira mix-xogħol fl-aħħar ta’ Settembru 2025. Dan kien l-intervent tiegħi. Ritratti ta’ Elisa von Brockdorff għad-Dipartiment tal-Malti.

Ninsabu hawn illum biex niċċelebraw nofs seklu ta’ ħidma ta’ kollega fid-Dipartiment tal-Malti u lil hinn; il-ħidma ta’ mgħallem kbir tal-kelma; ta’ edukatur li dejjem ħaddem l-għarfien tiegħu biex ikabbar l-għarfien fost il-kollegi u l-istudenti tiegħu; li s-sodisfazzjon sabu mhux biss fl-avventura tar-riċerka u tal-iskoperta, imma fit-tagħlim, fil-kisbiet tal-istudenti tiegħu, fit-tixrid ta’ dak l-għarfien li qanqal lilu. L-għalliem li baqa’ jitgħallem, li baqa’ dejjem jisma’ l-kliem, u l-espressjonijiet, u l-aneddoti; l-għaref li baqa’ dejjem jissaħħar quddiem l-għerf ta’ ħaddieħor.

Sabiħa l-kelma “tagħlim.” Għandha sinifikat speċjali llejla. Għax filwaqt li qed niċċelebraw l-istorja ta’ bniedem uniku, li rabat ismu mal-aqwa tip ta’ għarfien fl-ogħla istituzzjoni edukattiva tal-pajjiż, qed niċċelebraw ukoll it-tagħlim. Għalija din il-kelma tirreferi kemm għal meta tgħallem u kemm għal meta titgħallem. Fi lsienna, il-kelma “tagħlim” iġġib flimkien dawk iż-żewġ proċessi li f’lingwi oħra aktarx għandhom ismijiet separati imma fil-fatt għandhom l-istess kilba, l-istess mutur. Id-dizzjunarju ta’ Aquilina li tant ħadem fuqu l-bniedem li qed niċċelebraw, jgħidu f’żewġ kelmiet b’lasta imxengla bejniethom: tagħlim, jikteb Aquilina huwa teaching/learning; nom verbali minn “għallem”: “għallem, tgħallem;” kulm’hemm te fin-nofs. Mingħajr ħalib u mingħajr zokkor. L-istess te. Tista’ tixorbu minn żewġ naħat differenti imma l-istess te. Il-kollega tagħna fil-klassi, quddiem konferenza nies f’xi università barra minn Malta, quddiem il-mikrofonu ta’ Radju Malta, dejjem għallem bil-passjoni tal-istudent miklub għat-tagħlim. L-avventurier quddiem avventuri ġodda f’kull epoka tal-istorja.

Manwel Mifsud

Biex tara l-vokazzjoni tal-edukaturi trid tfittex il-leqqa tas-sodisfazzjon f’għajnejn dawk li jkunu għaddew minn taħt idejhom, dawk li jkunu nxtegħlu bil-kelma mdawla. Il-lingwa ta’ dak li llum inġbarna biex niċċelebraw mhix il-lingwa tal-jien imma l-lingwa tal-aħna; mhix id-diskors tal-interessi personali imma tal-ġid komuni; mhix il-lingwa tal-bieraħ imma l-lingwa tal-lum u ta’ għada li ssellem b’rispett u apprezzament lejn l-għarfien miksub ilbieraħ u tlebbet ’il quddiem biex tikxef għarfien ġdid; lingwa li mhix rasha mgħaddsa ’l isfel, mhix waħedha, imma timxi għalenija ma’ dawk ta’ madwarha. Il-lingwa ta’ dak li llum qed niċċelebraw hija ċelebrazzjoni ta’ ġrajja qadima li kontinwament toħloq esperjenzi ġodda.  

Waħda mill-ikbar tagħlimiet li tgħallimt mingħandu, fuq medda ta’ erbgħin sena, mill-ewwel sena tan-New Lyceum qabel l-istrajk tal-għalliema sa din il-lejla f’Sala Pietru Pawl Saydon, hija li l-lingwa tagħna mhix tagħna. Hija l-lingwa li jgħaddulna, li nirtu, il-lingwa li nisirqu mill-ilħna ta’ madwarna, saħansitra minn mindu nkunu għall-irdoss fil-ġuf. Aħna ħallelin tal-kliem u l-espressjonijiet u l-istrutturi inviżibbli li xi mkien fil-moħħ jikkmandaw mhux biss il-mod kif nitkellmu imma qabelxejn il-mod kif naħsbu, il-mod kif insawru l-ħajja ta’ kuljum u d-dinja, u l-intervent kontinwu tagħna fiha. 

Carmelina u Manwel Mifsud

Il-lingwa meravilja: nassorbuha u tassorbina mingħajr ma nagħtu permess lil xulxin, mingħajr ma niffirmaw il-kunsens tagħna fil-formola tal-Etika. Il-lingwa taħkimna. Issawwar dak li naħsbu u l-mod kif naħsbu. Issawwar id-dinja. U għalhekk issawwar ir-relazzjoni tagħna mad-dinja. Il-bnazzi u l-maltemp. Ir-riħ isfel u ċ-ċlampu. Ir-riħ fuq u x-xita tal-ħamrija. 

Il-lingwa tagħna mhix tagħna. Imma fl-istess ħin, tista’ targumenta wkoll li l-lingwa tagħna hija tagħna biss, tagħna individwalment, irrid ngħid. U hekk ngħidu. Il-lingwa ta’ Adrian. Il-lingwa ta’ Kirsty. Il-lingwa ta’ Manwel. Aħna, kull wieħed u waħda minna, naqbdu dan il-patrimonju tal-għaġeb, dan il-wirt kollettiv, dawn l-elf sena ta’ Malti f’evoluzzjoni kontinwa, u nsawruh mill-ġdid, skont il-gost u l-pjaċir tagħna, skont iċ-ċlampu u s-silġ u x-xemx taqla’ l-ankri tagħna. Elf sena ta’ esperjenzi ta’ komunità fuq din il-gżira mwarrba maqbudin fil-kuxjenza individwali tagħna b’mod li l-wirt ta’ kulħadd isir l-espressjoni speċjali ta’ persuna waħda, l-interpretazzjoni unika ta’ dinja sħiħa. 

Kelma tal-aħħar: kemm ili kap tad-Dipartiment tal-Malti, apprezzajt mitt darba iktar ix-xogħol li għamlu l-kapijiet ta’ qabli, speċjalment meta ma kellhomx il-mezzi u r-riżorsi li għandna llum. Id-Dipartiment tal-Malti kif nafuh illum jaf ħafna mill-iżvilupp tiegħu lil Manwel Mifsud. Il-viżjoni. L-organizzazzjoni. Id-determinazzjoni. Il-ftuħ.

___________

Leave a comment