Waqt li kont l-Università ta’ Graz fl-Awstrija għal żjara ta’ riċerka u kollaborazzjoni ta’ ġimgħa fit-tielet ġimgħa ta’ April 2026, il-Kap tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni, Dr Theresa Zammit Lupi, stednitni biex inżur il-librerija u d-dipartiment tagħha u wrietni l-papiru mis-sena 260 QEK fl-arkivju tal-Università li juri li l-istorja tal-ktieb (jew il-verżjoni bikrija tiegħu, il-codex) hija bejn 300 u 400 sena iktar qadima milli konna naħsbu. Din l-istorja tal-għaġeb li xxandret fl-2023 u tat prominenza kbira lill-kollega tagħna u x-xogħol li jagħmlu hi u sħabha, hija rrakkontata fost l-oħrajn hawnhekk, imma llum kelli x-xorti nara b’għajnejja dan il-framment u nisma’ mingħand Dr Zammit Lupi l-istorja ta’ kif għamlet l-iskoperta tagħha.
Il-konverżazzjoni bdiet f’ristorant qrib il-librerija fejn taħdem. Meta morna quddiem il-bank biex nordnaw, Theresa kellmet ill-bniedem li kien se jaqdina bil-Ġermaniż. Imma sakemm daħħal id-dettalji tal-ordni, jien u hi għedna xi ħaġa lil xulxin bil-Malti u f’salt wieħed ħares lejna: “Intom Maltin?” Introduċejna ruħna lil xulxin u Erin qalilna iktar minn darba, u bi tbissima kbira fuq wiċċu, li din kienet l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Maltin fi Graz. Mingħajr ma nesaġera, nista’ ngħid li kien ferħan se jtir, u beda jgħid lill-kollegi tiegħu wara l-bank u jintroduċina magħhom.
Il-lingwa għandha l-ħila tqanqal sentimenti li huma ferm iktar importanti minn dak li tagħmel is-sempliċi trażmissjoni ta’ informazzjoni. Il-lingwa ma tikkomunikax biss kliem. Il-lingwa mhux sempliċiment “tgħid” imma “tfisser,” fis-sensi kollha tal-kelma. Għallhekk lingwa ma tistax taqbad u ddaħħal lingwa oħra minflokha. Kull persuna tibni r-relazzjoni speċjali tagħha mal-lingwa. Speċjalment mal-lingwa tagħha. Għal Erin, li kien għadu qatt ma sema’ l-Malti fi Graz, dawk il-ftit kelmiet bil-lingwa tiegħu fetħu dinja mentali u emozzjonali oħra, dinja iktar qrib tiegħu, iktar magħrufa, iktar intima.
Jien u Theresa tkellimna wkoll dwar il-lingwa, dwar il-lingwi, aħna u nieklu. Bħalma tkellimna fuq il-lingwa jien u Dr Caroline Gatt fis-sagħtejn li qattajna flimkien wara t-taħdita tiegħi l-Ħamis 23 ta’ April fuq l-esej ta’ Omar N’Shea, Es Sidr, li fih, it-tema tal-lingwa hija prominenti. Għax meta “ngħixu” f’lingwa oħra, fil-Ġermaniż, fil-Portugiż, fl-Ingliż, tkun xi tkun, insiru ferm iktar konxji tar-relazzjoni tagħna mal-lingwa jew lingwi tagħna, mal-għażla tal-kliem, mal-kelmiet minn lingwa oħra li jaqbżu fin-nofs meta ma nkunux qed nitħaddtu biha. U bil-lingwi għandna aktar għodda f’idejna, għandna aċċess għal modi differenti kif ninterpretaw il-ħajja u d-dinja li ngħixu fiha. Jgħinuna biex naraw realtajiet oħra.
Malta Theresa kienet ħadet ħsieb il-konservazzjoni tal-Kantilena ta’ Pietru Caxaro tas-seklu ħmistax u tar-reġistru nutarili li tinsab fih. Għalhekk ix-xogħol tad-Dipartiment ta’ Malti fuq l-istorja ta’ lsienna tafu sew Theresa, u aġġornajtha fuq id-dizzjunarju storiku li qed naħdmu fuqu taħt it-tmexxija ta’ Dr Olvin Vella, fuq il-proġetti ta’ riċerka tal-kollegi u tal-istudenti, u fuq kif nistgħu nikkollaboraw ma’ Dr Zammit Lupi u d-Dipartiment tal-Konservazzjoni li tmexxi fl-Università ta’ Graz.


F’dan il-kuntest irrakkontajtilha l-istorja tal-manuskritti tal-1919 u l-1922 – ferm iktar riċenti imma importanti xorta waħda – tar-rumanzi ta’ Concetta Brincat. Għandi kurżità x’tgħidli fuq il-pitazzi tagħha, proprjetà tal-familja tal-awtriċi, kieku kellha tarahom. Kellmitni minnufih fuq il-ħtieġa li jiġu ppreservati għax huma parti mill-patrimonju nazzjonali.
Ix-xjenza tal-konservazzjoni hija xjenza teknika, fina, li titlob għarfien tal-kompożizzjoni kimika tal-materjal li teżamina u tal-materjal li tuża biex tipproteġih. Imma titlob ukoll ħiliet minn dixxiplini oħrajn biex issir, ngħidu aħna, il-kuntestwalizzazzjoni storika tal-ktieb jew tal-karta li l-konservaturi jkollhom f’idejhom. Waqt li nispeċjalizzaw fl-oqsma ta’ riċerka speċifiċi tagħna, irridu nkunu kapaċi nużaw l-għarfien li jagħtuna dixxiplini oħra, imqar biex naraw dak li għandna quddiemna minn angoli ġodda, u b’hekk nifhmuhom aħjar, b’mod iktar komprensiv.

Għandhom binjiet sbieħ id-dipartimenti u l-fakultajiet differenti tal-Università ta’ Graz. Binja isbaħ mill-oħra. Kultant qodma, kultant ġodda, kultant żwieġ armonjuż bejn it-tnejn, bħal fil-każ tal-librerija stupenda fejn taħdem Theresa. Librerija mimlija dawl, f’kull sens tal-kelma. Fid-Dipartiment tal-Malti kontinwament nippruvaw nixħtu dawl fuq il-qadim u fuq il-ġdid, u fuq ir-relazzjoni kumplessa, kreattiva, bejniethom. Il-kollaborazzjoni ma’ riċerkatriċi u konservatriċi bħal Theresa kapaċi tagħtini perspettivi ġodda fuq it-testi li jkollna f’idejna.


