Osservazzjonijiet fuq l-Impatt tat-Traduzzjoni fuq l-Ilsien Malti

Din hija ġabra tal-punti li għamel Adrian Grima, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, fl-interventi tiegħu fit-Translating Europe Workshop dwar Il-Malti u t-Traduzzjoni li saret fl-Aula Magna, Valletta Campus, is-Sibt 9 ta Diċembru 2024. L-interventi saru fid-diskussjoni dwar l-effett tat-traduzzjoni fuq il-Malti li fil-filmat tibda wara 3:37:15.

Il-filmat tal-konferenza kollha

Waħda mill-konsegwenzi mhux mistennija tal-mewġa kbira ta’ traduzzjoni għall-Malti li bdiet minħabba d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, għoxrin sena ilu, kienet li ġabitna aktar konxji ta’ kif jiffunzjona l-ilsien Malti, tal-karatteristiċi uniċi tiegħu. Kull lingwa hija unika. It-traduzzjoni mill-Ingliż u minn lingwi oħrajn ġegħlitna nħarsu iżjed lejn l-aspetti li fihom il-Malti huwa differenti mil-lingwa li minnha nkunu qed nittraduċu. 

Mix-xellug, Adrian Grima, Michela Vella, David Schembri, David Aloisio, u Sergio Portelli.
Ritratt ta Elisa Von Brockdorff għall-Kummissjoni Ewropea

It-Traduzzjoni tgħallimna l-Malti

Meta nkun qed naqleb mill-Ingliż, ngħidu aħna, inħoss li fil-Malti l-verb jaqdini iżjed min-nom. Ħafna drabi l-verb inħossu iktar naturali, iktar mexxej, waqt li n-nom kultant jew ma jkunx jintuża jew jillimita l-mod kif nista’ nibni s-sentenza bil-Malti. Għandi l-istess esperjenza bil-vuċi attiva u passiva: f’ċerti ċirkostanzi inħoss li l-vuċi attiva hija aktar effettiva fil-Malti. Qed nitkellem mhux bħala espert tal-lingwa jew bħala traduttur professjonali, għax m’iniex, imma bħala xi ħadd li kontinwament jittraduċi minn xi lingwa oħra għall-Malti, speċjalment mill-Ingliż, mit-Taljan u mill-Franċiż, l-iktar lingwi li nħossni kunfidenti fihom. 

Adrian Grima
Ritratt ta Elisa Von Brockdorff għall-Kummissjoni Ewropea

Permezz tat-traduzzjoni nħoss li ħafna aktar nies saru japprezzaw il-Malti u l-karatteristiċi tiegħu, għax it-traduzzjoni ġġiegħlek tara x-xebh u d-differenzi. Wieħed mill-aspetti karatteristiċi tal-Malti li jitkellem fuqhom Albert Borg huwa s-sintassi, li ħafna drabi fi lsienna hija flessibbli. Kull varjant, però, joffri possibilitajiet differenti. Ngħidu aħna, is-sentenza “Lill-Gvern, l-Awditur Ġenerali tah ċamata” tista’ tgħidha wkoll, “L-Awditur Ġenerali lill-Gvern tah ċamata,” jew “Tah ċamata lill-Gvern, l-Awditur Ġenerali,” inkella, “Tah ċamata l-Awditur Ġenerali lill-Gvern.” Kollha għandhom it-tifsiriet u l-konnotazzjonijiet tagħhom, u kollha jqanqlu sentimenti xi ftit differenti. Imbagħad hemm it-ton. Is-sentenza tista’ taqraha, ngħidu aħna, b’ton interrogattiv, ironiku, sarkastiku, jew melodrammatiku. Waħda mill-affarijiet li tinnota hija li s-sentenza tirreferi darbtejn għall-Gvern, ħaġa li mhix komuni fi wħud mil-lingwi l-oħrajn li nużaw f’Malta. 

Albert Borg jgħid li meta t-traduzzjoni tkun letterali, jew letterali wisq, aktarx ma tkunx qed tirrispetta l-istruttura nattiva tal-Malti, speċjalment f’dik li hi s-sintassi. Barra minn hekk, hemm it-tendenza esaġerata biex terminu, minflok ma nfittxu, fejn jeżisti, ekwivalenti stabbilit Malti, sempliċement nagħtuh bixra Maltija superfiċjali u ngħinu fid-difna ta’ kliem Malti li prattikament ikun għadu f’ħalq il-poplu, bħal fil-każ ta’ “immaġni” għal “image” meta għandna “xbieha,” u “apparizzjoni” għal “appearance” meta għandna “dehra.”

Konsegwenza importanti oħra li ġabet magħha l-mewġa ta’ traduzzjoni hi li fetħet beraħ id-dinja tal-Malti, jew aħjar tal-istudji tal-Malti, ta’ dawk li xogħolhom jaħsbu fuq in-natura tal-Malti, il-funzjonijiet, u l-flessibilità tiegħu. Sa ċertu punt, il-Malti ma baqax tan-nies “tal-Malti,” jiġifieri ta’ dawk li trawmu u tkissru fil-ħidma favur l-istudju u l-iżvilupp tal-Malti. Fih daħlu ħafna nies minn oqsma oħrajn li ġabu magħhom l-għarfien u l-esperjenza tagħhom ta’ dixxiplini u lingwi oħrajn, ġabu enerġija ġdida, imħabba ġdida.

Naturalment dan kellu l-iżvantaġġ li dawn in-nies mhux dejjem kellhom għarfien sod tal-Malti, għax mhux biżżejjed tkun taf titkellem jew tikteb lingwa biex tifhem kif taħdem u tħaddimha bl-aħjar mod. Imma nafu li dan it-tkabbir, dan il-ftuħ kellu ferm iżjed effetti pożittivi milli negattivi. Barra minn hekk, il-professjonalizzazzjoni tat-traduzzjoni permezz tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u t-twaqqif tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretazzjoni tal-Università neħħa l-impressjoni żbaljata li kull min jaf xi ftit Malti u Ingliż jista’ jaqbad u jittraduċi. Bħala pajjiż sirna konxji li l-proċess tat-traduzzjoni jitlob ħila partikolari. B’dan il-mod, skont George Farrugia u Olvin Vella, il-livell tal-Malti qed jogħla ferm, f’kull livell tal-lingwa. 

Naturalment, minħabba l-ħtieġa tat-traduzzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, mhux biss inħolqu ħafna impjiegi għat-tradutturi li ġew minn kull qasam tal-ħajja u tax-xogħol, imma nħolqu wkoll reġistri partikolari bil-Malti ta’ oqsma speċifiċi li ma kinux jeżistu. Waħda mill-problemi li jħabbtu wiċċhom magħha t-traduzzjonijiet tekniċi hi li diffiċli biex jinqraw min-nies li ma jkunux speċjalizzati. U dawk li jkunu speċjalizzati jkunu mdorrijin jaqraw, jistudjaw u jitkellmu fuq dawn l-oqsma tekniċi u speċjalizzati bl-Ingliż. Għalhekk ma jfittxux il-verżjoni bil-Malti. Waħda mis-soluzzjonijiet li jitkellem fuqhom Thomas Pace tista’ tkun li dawn it-testi jinkitbu mill-ġdid b’lingwa ċara (jew lingwaġġ ċar), jiġifieri inqas teknika u iktar aċċessibbli, biex tilħaq lil udjenza aktar wiesgħa.

It-Traduzzjoni Letterarja

Keith Borg ta’ Inizjamed dwar il-laboratorji tat-traduzzjoni bejn l-awturi.
Ritratt ta Elisa Von Brockdorff għall-Kummissjoni Ewropea

It-tradutturi tal-Malti fl-istituzzjonijiet tal-UE ilhom is-snin jippubblikaw minn jeddhom ir-rivista sabiħa L-Aċċent, leħen id-Dipartiment tat-Traduzzjoni bil-Malti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Din ir-rivista, li fiha ġieli jidhru kitbiet ta’ membri tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università, tippubblika studji dwar il-Malti u dwar it-traduzzjoni, anki dik li saret ferm qabel ma Malta saret membru tal-UE. Id-Dipartiment tagħna jaħdem mill-qrib mat-tradutturi fl-UE anki billi regolarment imexxi seminars fuq kif jaħdem il-Malti u l-iżviluppi li qegħdin iseħħu fih. Min-naħa l-oħra, tradutturi mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u entitajiet oħrajn tal-UE regolarment jagħmlu taħditiet lill-istudenti tal-Malti dwar l-għodod lingwistiċi li jkunu qed jibnu u jikkollaboraw mad-Dipartiment tagħna f’seminars, konferenzi, u attivitajiet pubbliċi oħrajn. Barra minn hekk, l-impjiegi tal-post u mħallsin kif inhu xieraq fil-qasam tat-traduzzjoni għenu wkoll biex uħud mit-tradutturi Maltin jimpenjaw ruħhom fil-ħin liberu tagħhom fil-qasam tal-kitba kreattiva bil-Malti u t-traduzzjoni letterarja għall-Malti. Fil-kuntest Malti, l-impatt ta’ dawn il-kitteba u tradutturi huwa sinifikattiv. 

It-traduzzjoni wessgħet il-konfini ta’ lsienna għax laqqgħatu ma’ lingwi, suġġetti u realtajiet ġodda. Għaldaqstant kabbret il-possibilitajiet tal-ħsieb u l-immaġinarju tal-Malti. Fl-istess ħin, fejn tidħol it-traduzzjoni tal-letteratura bil-Malti għal lingwi oħrajn, sirna konxji tal-isfidi ta’ idjoma letterarja rikka. Kirsty Azzopardi tagħti bħala eżempju l-vers ta’ Antoine Cassar minn Erbgħin Jum, “kun qattus tiegħek innifsek.” Kif tista’ tittraduċiha frażi bħal din mingħajr ma titlef, skont Azzopardi, (i) l-assoċjazzjonijiet li qegħdin f’moħħ il-kelliema tal-Malti; (ii) ir-riformulazzjoni tal-idjoma; u (iii) l-effetti ta’ dan il-logħob bil-lingwa? L-isfida li tittraduċi mill-Malti mhix iżgħar minn dik li tittraduċi għall-Malti.

Il-programmi kulturali tal-UE għenu biex għaqda mhux governattiva bħal Inizjamed, li twaqqfet fl-1998, setgħet tmexxi jew tieħu sehem fi proġetti internazzjonali f’Malta u barra biex tittraduċi l-letteratura billi ġġib awturi minn barra u tibgħat awturi Maltin barra. Inizjamed inqdiet bis-sistema tal-laboratorji tat-traduzzjoni li tħaddem organizzazzjoni bħal Literature Across Frontiers li fiha awturi minn artijiet u lingwi differenti jittraduċi x-xogħol ta’ xulxin l-ewwel permezz ta’ lingwa intermedarja u mbagħad permezz ta’ xogħol ta’ qari bir-reqqa wiċċ imb wiċċ. Hawnhekk l-impatt ta’ lingwi u letteraturi oħrajn fuq il-Malti kien kbir u dirett għax il-kuntatt uman fuq medda ta’ jiem jaf ikun ferm ikbar minn kuntatt virtwali permezz tal-kliem. Sadattant, inħolqu wkoll fondi nazzjonali għat-traduzzjoni letterarja li huma essenzjali biex tinxtered il-letteratura tagħna madwar id-dinja. Dan l-aċċess għal udjenza ferm ikbar u f’ċerti aspetti iżjed esiġenti qed iġiegħel lil bosta awturi jaħsbu b’mod differenti fuq dak li jiktbu u l-mod kif jiktbuh. 

Impjiegi Ġodda għall-Gradwati tal-Malti

Gradwati tal-Malti
Ritratt ta Elisa Von Brockdorff għall-Kummissjoni Ewropea

Permezz tal-impjiegi fil-qasam tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, il-gradwati tal-Malti u dawk li jiksbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi għandhom aktar opportunitajiet ta’ karrieri mħallsa tajjeb fil-qasam li studjaw. Kull sena, skont Olvin Vella, madwar ħames tradutturi tal-UE jagħmlu dan il-kors online u b’hekk isaħħu l-għarfien tagħhom tal-Malti. Permezz tal-ħidma tagħhom u tat-tradutturi l-oħrajn, il-Malti tfarfar u kiber ġmielu f’tant oqsma li qabel ma kienx isemma’ leħnu fihom. Qatt daqs illum, jgħid Thomas Pace, mhu qed jinkiteb formalment il-Malti f’tant u tant oqsma, mill-inġinerija tal-karozzi u l-ajruplani sat-tibdil fil-klima. F’xi oqsma l-Malti jużawh aktar fi Brussell u l-Lussemburgu milli fid-dar naturali tiegħu.

Biex il-Malti jħaqqaqha, kif jgħid Pace, mal-lingwi l-oħra, qed jiżviluppawlu għodod u riżorsi li minnhom qed ingawdu f’Malta wkoll, bħall-IATE, l-eTranslation, u issa l-għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali: jidher li fl-UE qed iseħħu żviluppi li għandhom ikomplu jimmodernizzaw il-Malti f’dal-qasam ukoll. Barra minn hekk, b’xogħolhom it-tradutturi u t-terminologi tal-Malti tal-istituzzjonijiet tal-UE qed jistabbilixxu standards ġodda, imqar, jgħid Pace, bil-ħolqien ta’ gwida tal-istil. Dan jista’ jkun mudell li jimxu fuqu d-dipartimenti tas-servizz pubbliku f’Malta stess.

Bis-saħħa ta’ ħażna tant kbira ta’ testi diġitali li jinkludu dokumenti tradotti u kitbiet fis-siti tal-istituzzjonijiet, miktuba b’Malti tajjeb (anke ortografikament), qed ikompli jikber il-korpus tal-Malti. Jekk inkomplu nirfinawh, jgħid Pace, nistgħu niżviluppaw l-għodod meħtieġa, bħaċ-ċekkjatur, għal dawk kollha li jiktbu bil-Malti. Huma stess, fil-fatt, ħolqu ċekkjatur li qed jużawh internament.

Waqt li uffiċjalment tista’ tikkomunika bil-Malti fil-fora Ewropej, Thomas Pace jgħid li l-Gvern Malti mhux dejjem qed jaħtaf din l-opportunità. Ngħidu aħna, fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ħafna kawżi jinbdew bl-Ingliż u jsiru bl-Ingliż, u din hija daqqa ta’ ħarta għall-interpreti tal-Malti u, indirettament, għall-istatus tal-Malti fl-UE. Naturalment, in-nuqqas ta’ interpreti Maltin ma jgħinx, imma fuq hekk naf li qed iħabirku l-kollegi tagħna fid-Dipartiment tat-Tradizzjoni, anki bis-sehem ta’ gradwati tal-Malti.

Tnejn min-nies u konklużjoni, jew bil-maqlub

Ironikament, waqt li dawn l-aħħar għoxrin sena ta’ kuntatt mill-qrib ma’ ilsna Ewropej u mat-traduzzjoni fetħu d-dinja tal-Maltin aktar minn qatt qabel għal ħafna ilsna, fostna jidher li qed jonqos sew l-istudju u l-għarfien tal-ilsna. Possibilment anki tal-Malti. Waqt li mdawrin bil-lingwi, minflok niddakkru minnhom nagħtuhom bis-sieq għax mingħalina għandna t-teżori kollha tagħna fil-monolingwiżmu (Ingliż). Tidħol f’ħanut kollu ikel bnin ta’ kull xorta, u dejjem tagħżel l-istess kejk. Waqt li nafu li dan il-ftaqir lingwistiku mhuwiex fenomenu Malti biss, naħseb li f’Malta jista’ jkollu konsegwenzi permanenti. Għalija l-problema hija kulturali. Imma dak diskors ieħor.

Il-Ħadd li għadda fuq l-ajruplan ġej lura mill-Belġju, sibt ruħi bilqiegħda maġenb koppja żagħżugħa u t-tarbija tagħhom li xegħlet ajruplan sħiħ. Aħna u nistennew il-bagalji fl-ajruport ta’ Malta, qgħadt nitkellem mal-missier poliglotta Marokkin li jgħix u jaħdem il-Belġju. Għoxejt nitkellem miegħu. Hu u jħares lejn bintu ta’ sena u erba’ xhur tilgħab, beda jgħidli li għalih il-lingwi huma l-muftieħ ta’ kollox. “Irrid ngħallimha l-lingwi kollha li nista’,” qalli, “u mbagħad f’idejha. Imbagħad ikollha l-għodda kollha biex tiftaħ il-bibien tal-ħajja u tal-għarfien.”

Imbagħad, ftit tal-jiem wara, naħseb li kien l-Erbgħa li għadda, iltqajt ma’ studenta tagħna biex nitkellmu fuq kif sejra fl-istudju. Dis-sena bħala Dipartiment daħħalna skema tal-Parrinija, kelma li ssellifnieha mir-reġistru ta’ Dun Ġorġ Preca u addattajnieha għal-laqgħat li fihom niltaqgħu mal-istudenti b’mod individwali darbtejn fis-sena biex flimkien naraw kif sejrin fl-istudji tagħhom. L-istudenta li ltqajt magħha, elokwenti, motivata, bravissima, qaltli kemm tħobb il-lingwi, li minn mindu kienet żgħira dejjem kellha ġenn għat-tagħlim u għal-lingwi. Fil-fatt, fil-ħin liberu tagħha qed tistudja t-Taljan biex jekk titħajjar taħdem fil-qasam tat-traduzzjoni jkollha t-tielet lingwa. Din hija l-attitudni li nieħdu tant gost naraw fi wħud mill-istudenti tagħna, moħħ u qalb miftuħa għal-lingwi. Għax minn dan il-ftuħ, minn dan ir-rispett lejn kull lingwa, tkun liema tkun, il-Malti dejjem jistagħna.

Ħajr lill-kollegi Kirsty Azzopardi, Albert Borg, George Farrugia, Thomas Pace, u Olvin Vella tal-punti li bagħtuli


Konferenza dwar Il-Malti u t-Traduzzjoni

Għoxrin sena wara li l-Malti sar lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, f’din il-konferenza se nirriflettu fuq l-iżvilupp tat-traduzzjoni lejn l-ilsien Malti, kif ukoll l-iżvilupp tal-istudji tat-traduzzjoni. Bis-sehem ta’ akkademiċi u ta’ tradutturi, nixtarru wkoll kif it-traduzzjoni affettwat il-Malti nnifsu, u jkollna l-opportunità li nitgħallmu aktar dwarha permezz ta’ sessjonijiet prattiċi.

F’din l-attività se tingħata wkoll informazzjoni prattika dwar il-kompetizzjoni għat-tradutturi tal-Malti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

Din l-attività hija parti mis-sensiela ta’ Translating Europe Workshops imtellgħin mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Hija mtellgħa mill-uffiċċju tad-DĠT f’Malta bi sħubija mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretazzjoni tal-Università ta’ Malta.

PROGRAMM

  • 08:30 Kafè u reġistrazzjoni
  • 09:00 Daħla
  • 09:10 L-istorja tat-traduzzjoni fid-DGT – Helga Zahra
  • 09:40 L-evoluzzjoni tal-kors tat-traduzzjoni f’Malta – Claudine Borg
  • 10:10 It-traduzzjoni qabel l-Unjoni: Tradutturi Maltin li għenu lill-Protestanti fil-qlib tal-Bibbja għall-Malti – Ivan Said
  • 10:40 Waqfa qasira
  • 11:10 Workshops
  • Workshop A u B (25 minuta kull wieħed; il-parteċipanti jkollhom ċans jagħmlu t-tnejn li huma)
  • 12:10 Diskussjoni: it-traduzzjoni x’impatt ħalliet fuq il-lingwa Maltija?
  • 12:50 Traduzzjoni mod ieħor: it-traduzzjoni flimkien mal-awturi fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta
  • 13:15 Għeluq u ikla ħafifa

2 Thoughts

  1. Adrian

    Das-suggett jinteressani u anki lil Frank Zammit.

    Il-hin mhux tajjeb ghalina.  Hemm xi cans li t-tahdita tigi rrikordjata?

    Grazi.

    Mark

Leave a reply to Mark Caruana Cancel reply