Immanuel Mifsud, Daqsxejn ta’ Requiem lil Leli, Teatru Manoel, Frar 2024
Ilbieraħ mort it-Teatru Manoel biex nara din il-produzzjoni stupenda. L-aħħar darba li rajt spettaklu teatrali daqshekk b’saħħtu, daqskekk kommoventi u mexxej, kien bħal daż-żmien sena Pariġi. Kont mort Théâtre 14 biex nara produzzjoni bil-Franċiż, White Dog, imnebbħa mix-xogħol tal-awtur Amerikan Romain Gary, u l-iktar ħaġa li laqtitni kienet it-teatralità.
Ilbieraħ l-istess: it-test poetiku jaqtagħlek nifsek ta’ Immanuel Mifsud, kontinwament ibill l-imqadef tiegħu fil-kuxjenza profonda tagħna. L-interpretazzjoni innoċenti u nkejjuża ta’ Paul Portelli. Il-mużika mill-isbaħ ta’ Kris Spiteri u l-mużiċisti tiegħu fuq il-palk, qrib ħafna tal-atturi. It-teatralità inġenjuża, il-moviment kontinwu, l-ilħna żeffiena, kollhom logħob, ta’ Theatre anon, il-pupi ħajjin iktar mill-ħajjin. “Raġel qed tmut,” kif qtajtli nifsi.
Kont smajt ħafna affarijiet sbieħ fuqha din il-produzzjoni meta ttellgħet l-ewwel darba, imma kont tliftha. Naħseb li msiefer. Jew aljenat. Did-darba ma ridtx nitlifha. U meta ħarġu l-biljetti xtrajthom minnufih.
Din hija l-aħħar parti tal-poeżija ta’ Immanuel li Paul Portelli u Kris Spiteri ttrasformawha fi spettaklu teatrali:
VIII
immanuel mifsud
Ftit tal-frisk. Tleffef sew fil-liżar abjad.
Tgeddes. Tgeżwer. Tkeffen. Itla’ fid-dgħajsa.
Oqgħod isma’ biss il-barklor ibill
l-imqadef fl-ilma. Isma’ s-skiet. Ix-xejn.
Ix-xejn. Tisma’ xejn. Isma’ biss ix-xejn.
Għax wara x-xejn – għandu mnejn – jibda kollox.
Kollox jibda kif kollox isir xejn.
Qed jiċċelebraw tletin sena xogħol fit-teatru, Theatre Anon. U dawn it-tletin sena ta’ teatru spettakolari, din l-esperjenza imprezzabbli kollha, tarawha f’dan l-ispettaklu memorabbli ta’ poeżija, mużika, u moviment.
Meta ħriġna mit-Teatru Manoel kien hemm Immanuel fi Triq it-Teatru l-Antik bi tbissima kbira fuq wiċċu. It-tieni spettaklu tal-lejla.
L-atturi: Pierre Stafrace, Paul Portelli, Liliana Portelli, Sandra Mifsud, Douglas Comley, Jacob Piccinino
Il-mużiċisti: Bassoon: Lampros-Ioannis Lapin, Violin: Tatjana Chircop, Violin: Sarah Spiteri, Viola: Joseph Mallia, Cello: Christopher J Greenhalgh, Double Bass: Simon Sammut, Percussion: Daniel Cauchi, Percussion: Michael CamilleriArtistic Team
Il-produzzjoni: Co-Director & Light Designer: Chris Gatt, Co-Director: Paul Portelli, Composer & Musical Director: Kris Spiteri, Author: Immanuel Mifsud, Visuals: Vince Briffa, Surtitles Translation:Albert Gatt, Surtitles Operation: Albert Garzia
