Dan l-aħħar kelli x-xorti naqra dan ir-rumanz poetiku u intelliġenti ta’ Samir Kacimi, Un jour idéal pour mourir (2020), jum ideali biex tmut. Ħareġ oriġinarjament bl-Għarbi fl-2009: dawk minnkom li jafu ftit Għarbi aktarx jagħrfu l-kelma “jawm” (jum) fil-bidu u “mawt” (mewt) fl-aħħar. Kieku kellu jinqaleb għall-Malti nkunu nistgħu napprezzaw aktar il-verżjoni oriġinali bl-Għarbi. Hemm ħafna ġawhar letterarji miktubin minn awturi kontemporanji ġirien tagħna li jistgħu jinqalbu għall-Malti u jkomplu jsebbħu l-kultura u l-lingwa letterarja tagħna.
Meta nqaleb għall-Franċiż għaxar snin wara minn Lotfi Nia kiseb għarfien internazzjonali lil hinn mid-dinja Għarbija. Il-verżjoni tiegħi ħarġet l-Alġerija mill-Éditions barzakh waqt li fi Franza ġie ppubblikat minn Actes Sud: il-kotba li joħorġu l-Alġerija, bħall-ktieb tiegħi tradott minn Elizabeth Grech, Romarins et autres caprices, diffiċli biex jinbiegħu fl-Ewropa minħabba kwistjonijiet ta’ kambju u dwana. Iktar faċli tixtri ktieb min-naħa l-oħra tad-dinja milli ġġibu minn pajjiż ġar tagħna fil-Mediterran.
Il-kopja tiegħi xtrajtha f’Ġunju li għadda minn wieħed mill-ħafna ħwienet tal-kotba sbieħ u indipendenti li hemm l-Alġier. Nammetti li l-awtur ma kontx naf bih u xtrajtu għax laqatni l-isem u laqtitni l-qoxra. Kultant hekk jiġri meta tidħol f’ħanut tal-kotba.
Samir Kacimi twieled l-Alġier fl-1974, u jgħix hemm, fil-belt fejn jambjenta l-istorja ta’ suwiċidju li jirrakkonta. Wara li studja l-liġi ħadem fil-qasam tal-ġurnaliżmu kulturali. Meta kien qed jirrapporta dwar il-ħabsijiet fl-Alġier, iddeċieda li jikteb l-ewwel rumanz tiegħu, Dikjarazzjoni ta’ Telfien, li rebaħ premju nazzjonali bħala r-rumanz li bih kien qiegħed jiddebutta.
Kapitli minn uħud mid-disa’ rumanzi tiegħu nqalbu għall-Ingliż u dehru fir-rivista letterarja importanti Banipal.
Ir-rumanz jibda bid-dubju tal-ġurnalista ta’ erbgħin sena Halim Bensadek huwa u jinqata’ mit-terrazzin fil-ħmistax-il sular li minnu jkun iddeċieda li jaqbeż minħabba diżappunt fl-imħabba. Il-plott tar-rumanz jinbena kollu kemm hu fuq dan il-mument drammatiku tas-suwiċidju tiegħu.
Biex insiru nafu kif jispiċċa Halim Bensadek irridu naqraw ir-rumanz sal-aħħar. Il-plott huwa ġenjali: waqt li r-rumanz jirrakkonta biċċa biċċa dak li wassal lil Halim għad-deċiżjoni tiegħu, jirrakkonta wkoll is-suwiċidju ta’ wieħed mill-bulijiet tal-istess kwartier ta’ Alġier, Omar Tounba, fejn jgħix hu. Għall-bidu, ir-rabta bejn iż-żewġ ġrajjiet tidher fjakka.
Omar għandu l-vizzjijiet kollha tad-dinja, mill-alkoħol sad-droga, imma bħal Halim Bensadek, tinfidlu qalbu l-mara li jintilef warajha li ma tantx għandha fama tajba fil-kwartier u ommu ma tridux jiżżewwiġha. Imma m’jien se ngħid xejn iktar minn hekk. Diġà għedt ħafna.
Bħala bniedem tal-istampa, espert tal-komunikazzjoni, Halim Bensadek jikteb ittra li fiha jitkellem fuq l-att tiegħu bil-ħsieb li din tasal għand min għandha tasal wara l-mewta tiegħu. L-iskop tiegħu hu li l-gazzetti jitkellmu fuq il-ġest tiegħu darbtejn: dakinhar li jaqbeż għal isfel ġo triq miżgħuda nies fl-Alġier, u dakinhar li l-istampa ssir taf bl-ittra li jkun imposta qabel ma jibda tiela’, nifsu maqtugħ, il-ħmistax-il sular taraġ.

F’dan ir-rumanz, jew rumanzett, Kacimi jirrakkonta l-miżerji ta’ nies komuni fl-Alġier tas-seklu wieħed u għoxrin, nies fit-trufijiet tas-soċjetà li jisfidaw in-normi soċjali, reliġjużi u sesswali. Sa ċertu punt hija soċjetà parallela għal dik li naraw minn barra, jew almenu dik li nara u naqra dwarha jien. Bħal kull soċjetà oħra, inkluża tagħna, hemm l-istejjer li jirrakkontaw il-mezzi tax-xandir u l-istejjer li jirrakkontaw lil xulxin in-nies, fosthom Samir Kacimi. Imma dan ir-rumanz ġenjali huwa ferm iżjed minn rakkont dwar nies komuni. Ferm iżjed.
“Bdew ġejjin id-dubji dwar l-aħħar deċiżjoni tiegħu,” tgħid l-ewwel sentenza tar-rumanz, “f’dak il-mument preċiż li saqajh inqatgħu minn mat-tarf.”
Il-qafas tal-istorja bilfors kien influwenzat, għandi nifhem, mill-idea tar-rumanzier Vladimir Nabokov (1899-1977) li qabbel l-esperjenza estetika ma’ persuna nieżla minn fuq bini għoli u riesqa lejn il-mewt: din il-persuna tissaħħar b’dak li tara fuq il-ħajt quddiemha. Skont Nabokov, permezz tal-ħila tagħna bħala bnedmin li nħallu l-ħsibijiet ġejjin nistgħu nħallu l-arti toħroġna, għal ftit, mill-ħin tas-soltu.” Għaldaqstant, ir-rakkont ta’ Kacimi huwa qabelxejn riflessjoni fuq l-esperjenza tal-arti.
Il-qoxra (ġenjali wkoll) tal-verżjoni bil-Franċiż li tidher hawnhekk iddisinjaha Stephan Schmitz fl-2020. Nimmaġina li għamilha apposta għal dan il-ktieb. B’xi mod fit-tpinġija jirnexxilek jaqbad il-mument, bl-ironija u l-umoriżmu iswed kollu tiegħu, li jirrakkonta r-rumanz.
