Fl-2022 ħadt sehem fil-ġbid ta’ dokumentarju fuq il-ħajja ta’ Duminku Mintoff. L-intervent tiegħi kien fuq ir-retorika politika ta’ Mintoff u r-recording għamilnieh fit-30 ta’ Settembru 2022. Ir-retorika hija wieħed mis-suġġetti li ngħallem lill-istudenti tal-Malti fl-Università u fuqha, f’dawn l-aħħar snin, saru għadd ta’ teżijiet interessanti li jitkellmu fuq oraturi differenti, fosthom Mintoff. Jien nersaq lejn dan is-suġġett primarjament mill-perspettiva tar-retorika klassika, speċjalment dik ta’ Aristotli, li jiffoka fuq it-tliet elementi elementi tal-ethos, il-logos u l-pathos. Għalhekk affrontajt dan is-suġġett tar-retorika ta’ Mintoff, li kiteb fuqha anki l-antropologu ewlieni Jeremy Boissevain, osservatur attent tal-ħajja f’Malta fuq medda twila ta’ snin.
Ngħid is-sew, f’Malta tas-seklu wieħed u għoxrin ma kontx qed nistenna li dokumentarju dwar figura tant prominenti fl-istorja tagħna kien se jeħel fil-katusi tal-kontroversja partiġjana. Deherli li kien għadda dak iż-żmien li nħallu l-interessi ta’ wħud ixekklu l-għarfien ta’ kulħadd.
Naturalment dan mhuwiex ġudizzju fuq id-dokumentarju nnifsu għax għalkemm talbuni biex nagħti l-kontribut tiegħi fih, la għandi sehem fil-kitba u l-produzzjoni tiegħu, la m’jien se niggwadanja mix-xandir tiegħi, u lanqas għandi naf x’se jidher minn dak li ħejjejt għar-recording. La joħroġ, imbagħad, kulħadd ikun jista’ jgħid tiegħu, bħalma ġara f’interpretazzjonijiet oħrajn, permezz ta’ dokumentarji u kotba, tal-figura u s-sehem ta’ Mintoff fil-ġrajja ta’ pajjiżna fis-seklu għoxrin.
Jien u nħejji l-intervent tiegħi rrealizzajt aktar minn qatt qabel kemm Mintoff minn banda kien viżjonarju imma wkoll kemm kien prodott ta’ żmienu. Għaliex waqt li napprezza ħafna l-ħila fil-kompożizzjoni tad-diskorsi tipiċi tiegħu, bħal dak għal Jum il-Ħaddiem tal-1979 li kien sar fl-aħħar ta’ April, nirrealizza wkoll li elementi fundamentali fir-retorika tiegħu llum aktarx mhumiex aċċettabbli. Qed nirreferi għat-ton paternalistiku tiegħu u għal ċerta aggressività fit-ton.
Min-naħa l-oħra, naħseb li hemm elementi li huma validi ħafna anki llum: il-viżjoni internazzjonalista tiegħu; l-għarfien tiegħu tal-istorja, u l-ħila li jagħti l-interpretazzjoni tiegħu; u l-ironija intelliġenti tiegħu, speċjalment meta jdawwar id-diskors tal-avversarji tiegħu ta’ taħt fuq. Dawn huma kwalitajiet li, waqt li ma jneħħu xejn mid-difetti, juru l-ħiliet tiegħu bħala oratur.

Ħafna drabi Mintoff kien jippreżenta ruħu bħala l-missier li jieħu ħsieb il-familja tiegħu, li jipproteġiha mill-għedewwa tagħha, imma li jimponi wkoll l-awtorità tiegħu fuqha. F’dan is-sens huwa l-missier strett, iddixxiplinat, kultant qalil, li jitkellem fuqu George Lakoff meta jiddiskuti “the strict father figure.” Jippreżenta ruħu wkoll bħala mexxej kariżmatiku li jmexxi bl-eżempju, li dejjem mgħaġġel, imma li fl-istess ħin dejjem irid jgħallem, bħalma l-missier jgħallem lil uliedu. Naturalment huwa wkoll l-oratur ġellied li jara lilu nnifsu bħala mexxej rivoluzzjonarju, imma fl-istess ħin jaf li quddiem eluf ta’ partitarji, ħafna minnhom segwaċi tiegħu, irid joffri wkoll spettaklu, waqtiet ta’ divertiment. F’dan is-sens narah ukoll bħala artist. Mintoff kapaċi jgħid iċ-ċajt u jirrakkonta l-istejjer.
Minbarra l-aspetti aktar personali tal-istejjer li jirrakkonta, li, biex ngħidu kollox, mhumiex wisq, imma huma xorta waħda sinifikattivi, ħafna drabi l-umoriżmu tiegħu, l-ironija jużahom biex jiġbed saqajn l-avversarji tiegħu. U la jiddejjaq jagħmel karikatura u lanqas juża d-doppju sens.
Naħseb li l-fatt li jirreferi jalludi kontinwament għall-Bibbja, u speċjalment għat-Testment il-Ġdid u għall-figura ta’ Kristu, huwa xhieda oħra li ftit jew wisq kien jara lilu nnifsu wkoll bħala profeta.