Straxxnani minn hawn

Fl-aħħar ħarġa ta’ Il-Malti (ħarġa letterarja XCIII, 2020), ir-rivista tal-Akkademja tal-Malti, hemm in-novella tiegħi “Straxxnani minn hawn” li ktibtha f’Settembru tal-2020. Ridt nirrakkonta t-traġedja tal-anzjani fl-eqqel tal-pandemija f’Malta u kont imnebbaħ kemm minn persuni li smajt fuqhom u kemm minn ġrajjiet li ngħataw prominenza fil-mezzi tax-xandir. Fl-istess ħin hija novella li fiha ridt ninqeda bil-lingwaġġ ta’ pubblikazzjonijiet qodma ta’ madwar mitt sena ilu. Din in-novella hija parti minn proġett ta’ kitba ta’ novelli li nittama li ma jdumux ma jidhru fi ktieb għalihom.

Oriġinarjament ktibtha biex tidher f’ħarġa speċjali letterarja ta’ Il-Malti li biha l-Akkademja riedet tiċċelebra għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. It-tema tal-kitbiet kellha tkun marbuta mal-idea ta’ 100. Eventwalment l-Akkademja ħasset li ma kellhiex biżżejjed materjal biex toħroġ din il-ħarġa speċjali u ssuġġerietli li n-novella tiegħi tidher fil-ħarġa letterarja li kien imiss. Kuntent ħafna li l-bord editorjali għoġbitu u li ddeċieda li jippubblikaha.

Adrian Grima, “Straxxnani minn hawn”

Din hija silta mill-Editorjal:

Il-membri aġġornati fil-miżata għandhom jirċievu din l-edizzjoni ta’ Il-Malti –bil-posta regolari f’dawn il-jiem.

Oliver Friggieri fil-ktieb tiegħu L-Idea tal-Letteratura jiddiskuti r-relazzjoni tal-letteratura mal-ħajja u f’mument minnhom waqt li jirreferi għal Elder Olson jgħid: “… il-letteratura hi magħmula mill-ħajja u mhijiex il-ħajja nnifisha.” (1986:7) Il-letteratura u l-ħajja jimxu id f’id u jieħdu minn xulxin, anki jekk jibqgħu żewġ entitajiet separati.

F’din il-ħarġa nsibu din il-qrubija bejn il-kitba letterarja u l-ħajja għaliex nistgħu ninterpretaw u nesperjenzaw aħjar dawn ix-xogħlijiet letterarji jekk nifhmu l-isfond li fih inġabru: il-pandemija tal-Covid-19.

Dawn ix-xogħlijiet letterarji jirriflettu bosta qagħdiet tal-bnedmin f’dan iż-żmien uniku u partikolari li għaddiet minnu d-dinja kollha. Anki jekk ma nkitbux speċifikament f’dan il-perjodu, il-kittieba ħarsu lejhom u għażluhom mill-bosta kitbiet tagħhom f’dan il-perjodu tal-ħajja, u allura rawhom bl-għajnejn ġodda li ġabu magħhom l-għeluq tad-dar, is-skiet tat-toroq, u d-dwal ma jaqtgħu xejn ħerġin mill-iskrins li mlew ħajjitna.

Fil-fatt bosta mit-temi ppreżentati jduru ma’ fus wieħed ċentrali: il-fraġilità tal-umanità. F’għadd ġmielu ta’ poeżiji nsibu l-idea tad-destin u kif it-tbatija hija ċertezza li qed tistenniena naslu għandha f’xi mument jew ieħor. L-umanità tinħass kważi mxejna u bla saħħa filwaqt li n-natura hija suprema fuqha u kapaċi tirriġenera ruħha. Dan kollu konna qed narawh b’għajnejna minn darna waqt li l-pandemija sakkritna ġewwa u n-natura setgħet twarrad, tikber, u terġa’ timtela bil-ħajja mingħajr l-interventi fitti u egoisti tal-bnedmin. Dan it-tħassib jidher mifrux fuq poeti minn ġenerazzjonijiet differenti, u l-għażla wiesgħa tal-kittieba ppreżentati hawnhekk tiżvela kemm dan l-inkwiet kien u għadu mifrux, għax il-ħajja f’daqqa waħda ttaqqlet għal kulħadd.

Taqsima li biż-żmien qed issir iżjed imfittxija hija dik tat-traduzzjonijiet. B’unur kbir għalina, lħaqna ġbarna waħda mill-aħħar kitbiet tal-mibki Professur Oliver Friggieri. F’din il-ħarġa ħallielna traduzzjoni sabiħa ħafna ta’ “Odi lill-Hena” (Ode to Joy) tal-poeta Ġermaniż Schiller.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s