Il-Fondazzjoni HELA ppubblikat artiklu tiegħi dwar “Il-Mitt Sena ta’ Concetta Brincat” fit-tielet ħarġa ta’ Il-Gazzetta Letterarja ta’ Frar 2022. Il-ħarġa kollha tinsab fil-katalgu tal-Librerija tal-Università ta’ Malta u hawnhekk:

F’Ottubru tal-1919, ftit xhur wara r-rewwixti tas-Sette Giugno, Concetta Brincat lestiet l-ewwel rumanz tagħha ambjentat f’Pariġi ta’ żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża li bdiet fl-1789. Kitbitu bil-Malti fuq 31 pitazz tal-iskola. Ir-rumanz baqa’ ma ħariġx u ħadd, għajr il-membri tal-familja tagħha, ma sar jaf bih.
F’dak iż-żmien il-qarrejja Maltin kienu mlebilbin għat-tip ta’ rumanz li kitbet hi. Awturi bħal Emilio Lombardi ħarġu għexieren ta’ rumanzi bil-Malti, ħafna minnhom traduzzjonijiet ta’ rumanzi popolari bit-Taljan. Awturi bħalu u bħal Giuseppe Cumbo u Arturo Dimech kienu awturi, tradutturi, pubblikaturi u distributuri u kellhom f’idejhom l-industrija tar-rumanz popolari bil-Malti. Ir-rakkonti tagħhom kienu joħorġu biċċa biċċa, sittax-il faċċata kull darba, u jitqassmu bieb bieb lil dawk li kienu jkunu “assoċjati” jew abbonati.
Ir-rumanz li kitbet Concetta Brincat kien jixbah ħafna, fil-ġrajja u l-istil tiegħu, lil dawn ir-rumanzi popolari tal-faxxikli. Tliet snin wara, fl-1922, lestiet it-tieni rumanz tagħha, bil-Malti wkoll. Imma lanqas dan ma ġie ppubblikat. Mir-riċerka li għamilt nasal ngħid li ż-żewġ rumanzi huma xogħlijiet oriġinali. Ma naħsibx li huma traduzzjonijiet jew addattamenti ta’ xogħlijiet ta’ ħaddieħor. Jaf qed niżbalja u maż-żmien insibu rakkonti simili li juru mod ieħor. Imma sal-lum ma sibt ebda evidenza li r-rakkonti ħadithom minn ta’ ħaddieħor.
L-ewwel rumanz jismu Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk u fih, bħal fit-tieni wieħed, il-karattri nisa għandhom ċerta prominenza. Ittajpjatu r-riċerkatriċi Maria Simiana, Reno Fenech daru għall-ortografija, u issa, mingħajr ma biddilna xejn minn dak li kitbet Brincat, bdiet l-aħħar fażi tal-proċess biex inħejjuh għall-pubblikazzjoni mill-Klabb Kotba Maltin.
It-tieni rumanz, Is-Saħħara Nerelis, huwa ġrajja mistħajla ta’ żmien l-imperatur Ruman Neruni li kien għadu kbir tal-Insara, suġġett importanti għall-awtriċi. Hemm riferiment għal Neruni u l-persekuzzjoni tal-Insara diġà fil-prologu tal-ewwel rumanz. F’dan il-każ, ix-xogħol tal-editjar għadu fil-bidu.
Dawn huma l-ewwel rumanzi bil-Malti miktubin minn mara li nafu bihom, kważi erbgħin sena qabel Nokkla Sewda ta’ Mary Meylak li ħareġ fl-1958. Nissuspetta li qatt ma ġew ippubblikati għax kitbithom mara. Brincat, Karkariża mil-Laqxija, kitbithom fid-dar fejn rabbiet lil uliedha ma’ żewġha Mastru Ċens fi Triq il-Knisja, Tas-Sliema, inqas minn ħames minuti mixi ’l bogħod mill-istamperija ta’ Emilio Lombardi.
Issa wasal iż-żmien li nagħtuha r-rikonoxximent li jistħoqqilha.
Adrian Grima, editur, Sensiela Concetta Brincat Is-7 ta’ Ottubru 2021