Oliver Friggieri, “Fraġilità, Dissens, u Ikonizzazzjoni Nazzjonali“

Konferenza miftuħa għal kulħadd

Aħna Ġejna mill-Ġenna: L-Ispiritwalità fil-Ħajja u l-Kitba ta’ Oliver Friggieri

Is-Sibt, 5 ta’ Marzu 2022 mid-09:00 sat-13:00

Il-Kunvent tal-Karmelitani, l-Imdina, u fuq Zoom

L-Istitut Karmelitan, flimkien mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Akkademja tal-Malti, se jorganizza konferenza dwar Oliver Friggieri qrib il-jum tat-twelid tiegħu. Din il-konferenza se tħares lejn l-ispiritwalità fil-kitbiet tal-Prof. Friggieri u f’ħajtu. Il-konferenza se ssir fil-Kunvent tal-Karmelitani fl-Imdina u fuq Zoom.

Ritratt meħud minn Joseph Borg

Programm

Adrian Grima, “Fraġilità, Dissens, u Ikonizzazzjoni Nazzjonali

Romario Sciberras, “Alla huwa kontra Alla? L-Ispiritwalità f’L-Istramb

Beverly Agius, “Il-Jien fil-Ħolqien: L-ispiritwalità ekoloġika fil-poeżiji ta’ Oliver Friggieri

David Aloisio, “L-ispiritwalità ta’ Karlu Manju”

P. Charlò Camilleri, O.Carm., “’Hi torri li għandu sisien fondi ħafna’: Il-Parabbola tat-Tradizzjoni f’La Jibbnazza Niġi Lura

Dun Jonathan Farrugia, “Il-Paradoss tal-Kurċifiss

Robert Farrugia, “‘Il Barra fil-Fond: Alla, l-imħabba u l-mewt fl-eżistenzjaliżmu ta’ Oliver Friggieri

Oliver Friggieri: Fraġilità, Dissens u Ikonizzazzjoni Nazzjonali 

Prof. Adrian Grima

Din l-interpretazzjoni għalkollox suġġettiva tal-figura ta’ Oliver Friggieri tħares lejh bħala awtur li tqabad mal-fraġilità estrema tiegħu u tagħna lkoll bħala bnedmin u pprova jirrakkontaha bl-iktar mod onest. Minflok l-aljenazzjoni tar-rappreżentazzjoni tiegħu bħala “ġgant” u bħala “ikona” tal-letteratura Maltija u tan-nazzjon Malti, din l-introduzzjoni ġenerali għall-figura tiegħu tissuġġerixxi li fil-fond tal-ispiritwalità tiegħu hemm umanità dejjem tfittex u dejjem fraġli.

Il-Jien fil-Ħolqien: l-Ispiritwalità Ekoloġika fil-Poeżiji ta’ Oliver Friggieri

Beverly Agius

F’din it-taħdita se jiġi mistħarreġ is-sehem integrali tal-Jien fil-ħolqien, jiġifieri t-tiswir tal-identità ekoloġika tal-poeta f’ambjent li huwa naturali daqskemm spiritwali. Xi jfisser li tkun ħlejqa għal Oliver Friggieri? Iċ-ċokon, il-fraġilità, l-insuffiċjenza iżda wkoll ir-rispett, il-qima, u l-ħarsien: dawn ix-xejriet kumplimentari li jikkaratterizzaw il-lirika ta’ Friggieri jwettqu l-kundizzjoni ħlejqija. (Dan in-neoloġiżmu u l-inflessjonijiet tiegħu jittraduċu s-sens filosofiku tal-kelma Ingliża “creaturely,” imfisser bil-mod kif il-bniedem jinterpreta lilu nnifsu, bħala ħlejqa, f’rabta mal-ambjent li jgħix fih). Fil-Filosofija Ambjentali, din il-qagħda, mifhuma bħala d-dipendenza li għandu l-bniedem fuq il-ħlejjaq u fuq il-ħallieq, titlob li wieħed jgħix b’umiltà u f’responsabbiltà lejn il-ħolqien. Poetikament dawn il-kwalitajiet jingħarfu fl-identifikazzjoni kontinwa tal-kelliem ma’ entitajiet naturali meqjusin insinifikanti: “Jien warda mingħajr isem li tinħasad / minn bidwi aljenat” (“Il-Poeta u l-Politiku”). Iżda din il-missjoni poetika jew dan l-att liriku performattiv tal-ħarsien tal-ħlejjaq jinkludi wkoll is-sens paradossali li wieħed iħalli n-natura tkun (kif inhi fiha nnifisha): “m’hix tagħkom, tmissuhiex” (“Il-Bikja tal-Buskett”). Il-Buskett, Wied il-Qlejgħa, il-ħajt tas-sejjiegħ, il-kuċċarda, l-orkidea u elementi oħra tal-pajsaġġ u l-ambjent rurali Malti se jiġu eżaminati fid-dawl tal-ktisis: l-istat prekarju tal-ħolqien sostnut u mġedded bil-qawwiet divini, setgħat li Alla nnifsu, b’kenożi, irrinunzja fl-att kreattiv. L-aspett kenotiku mhuwiex nieqes minn diskors ta’ poeta li, b’metafori dwar il-kitba, ukoll jitbattal minnu nnifsu biex jospita lil dan l-Ieħor ħlejqi. Kif se jintwera, din il-wetqa tal-kelliem tilħaq il-milja spiritwali tagħha fir-rinunzja figurattiva tal-Jien.

Alla huwa kontra Alla? – L-Ispiritwalità f’L-Istramb

Romario Sciberras 

Baruk, il-protagonist tar-rumanz, donnu f’kulma jagħmel ireġġa’ lura d-diskorsi soċjali lesti, mgħoddijin lilu, aċċettati, istituzzjonalizzati. Dan jagħmlu filwaqt li jabita spazji kkaratterizzati mis-silenzji u mid-dlamijiet. Fid-dawl ta’ din l-istqarrija, il-perspettiva Queer tħares lejn ir-reżistenzi li Baruk jibni kontra l-istituzzjonijiet li jsawru l-qafas soċjali li jgħix fih. F’din it-taħdita jispikka t-tiġrib fluwidu tad-divin minn Baruk, tiġrib li jibda bil-Professur bniedem, divin, jew bniedem-divin. Hemm xi rabta bejn il-Professur u l-fehim il-ġdid li jikseb Baruk dwar min hu Alla? Dan huwa l-fehim li jwassal għall-istqarrija li tantiċipa l-awtoerotiżmu u l-kuntatt sesswali ma’ seminarista ieħor: “Alla huwa kontra Alla.” 

’Il Barra fil-Fond: Alla, l-Imħabba u l-Mewt fl-Eżistenzjaliżmu ta’ Oliver Friggieri

Robert Farrugia

Din it-taħdita tiddiskuti l-eżistenzjaliżmu f’xi xogħlijiet t’Oliver Friggieri bħala poeta li laqa’ b’għożża u b’umiltà l-istedina li joħroġ jaqdef ’il barra fil-fond u tħares lejn tliet temi eżistenzjali fiċ-ċentru tal-poeżija tiegħu: Alla, l-imħabba u l-mewt. Għalih huwa d-dawl tal-fidi li jrodd sens lill-assurdità tal-ħajja billi jimlieh bil-kuraġġ biex jaffronta l-finitudni tiegħu, li ġġib magħha t-tbatija u sens qawwi tal-limitazzjoni li dejjem irid iġorr miegħu. U dan kollu b’qalb mixgħula u miftuħa huwa u jinnamra mal-infinit permezz tal-kitba kontemplattiva tiegħu. Meta Friggieri jitħaddet f’solilokwiju, bejnu u bejn ruħu, spiss jinħass b’sens qawwi ta’ riverenza quddiem is-skiet u, bil-permess tal-misteru, jazzarda jbill il-pinna tiegħu fih, konxju kemm hemm ħwejjeġ li m’għandhomx kelma. Ħafna drabi dan l-eżerċizzju jissarraf f’ħafna mistoqsijiet u fi tfittxija aktar profonda li tħallih eżistenzjalment bil-għatx u għajjien iżda, flok jiddispra, jimtela b’aktar tama. Fl-aħħar mill-aħħar Friggieri qiegħed jitkellem f’isimna wkoll għax, fi kliemu stess, “kulħadd pilota, kulħadd isuq lil qalbu bejn l-art u s-sema.”

“Hi torri li għandu sisien fondi ħafna.” Il-Parabbola tat-Tradizzjoni f’La Jibbnazza Niġi Lura.

Rev. Dr Charlò Camilleri, O.Carm

Din it-taħdita tistħarreġ ir-reliġjon bħala s-sies u l-għajn ta’ għaqda ta’ ġens fil-ħsieb ta’ Oliver Friggieri, b’ħarsa fuq il-parabbola tat-Tradizzjoni bħala binja għolja b’sisien li jinżlu fil-qigħan, fid-djalogu intimu bejn l-Isqof u Dun Grejbel, il-qassis twajjeb li huwa bħal tlaħħima ta’ Kristu l-logos, il-Kelma, li mhux biss iwaħħad l-art mas-sema iżda jsir għal ta’ madwaru għajn ta’ xirka u sħuħija tant meħtieġa fil-binja ta’ dinja ġdida rappreżentata fir-raħal, fil-Knisja u fin-nazzjon li fihom iseħħu l-ġrajja tar-rumanz La Jibbnazza Niġi Lura, u li huwa parti integrali mit-triloġija magħrufa Hekk Tħabbat il-Qalb Maltija. Din it-taħdita tkompli tesplora t-tema mibdija fit-taħdita mogħtija fl-2021 Bejn il-Loġika u l-Mit fil-Kelma, fil-Kitba, u fir-Raġuni f’“Pawlu ta’ Malta” u tilqa’ bħala stat ta’ fatt li Malta tal-lum għaddejja minn tibdil radikali mgħaġġel li bħal jheżżeż l-art li fuqha tela’ dak li sa ftit snin ilu kien isawwar l-identità nazzjonali. Għaldaqstant b’ħarsa ffukata fuq il-parabbola tal-binja għolja tat-Tradizzjoni, nippruvaw nisiltu x’inhuma dawk il-valuri u l-elementi li għal Friggieri jibqgħu sħaħ u bla taħrik bħala s-sisien ta’ kull binja umana li ssaħħaħ il-fibra tas-soċjetà tal-bnedmin u tqawwiha fil-qawmien minn taħt ir-radam tat-theżżiż.  

Il-Paradoss tas-Salib fit-Tislima lil Kristu Sidna: Quddiem il-Kurċifiss

Rev. Dr Jonathan Farrugia

Aspett li mhux magħruf wisq fil-ħidma letterarja ta’ Oliver Friggieri hu dak li janalizzah bħala poeta Nisrani. Tassew li għandu oratorji b’tema reliġjuża, iżda l-poeżiji li huma forma ta’ meditazzjoni jew li għandhom tema ċara marbuta mal-fidi mhumiex ħafna. L-aktar kitba skjetta f’dan is-settur hija l-poeżija “Tislima lil Kristu Sidna: Quddiem il-Kurċifiss”, stampata diversi drabi f’diversi forom. Il-kitba f’versi, xi ftit twila, għalkemm iżżomm mar-regoli tal-poeżija bil-metru endekasillabiku ma tistax titqies sempliċement bħala opra letterarja, imma hija wkoll, u forsi l-ewwel u qabel kollox, taqbida interjuri tal-moħħ u tal-qalb ta’ bniedem ta’ fidi li qiegħed jitkellem mal-oġġett tal-fidi tiegħu – Kristu, li l-poeta jqisu bħala s-Sid. Dan l-istudju se jfittex li jieqaf fuq dan l-aspett u fuq iċ-ċentralità tat-tbatija fejjieda li s-salib iġib miegħu. Flimkien mat-test se jingħata kumment ukoll fuq l-illustrazzjonijiet magħmula mill-poeta u li tnejn minnhom dehru fil-ħarġa tal-2012.

L-Ispiritwalità ta’ Karlu Manju

Dr David Aloisio

Bħalma x-xogħlijiet filosofiċi ta’ Nietzsche u x-xogħlijiet letterarji ta’ Dostoyevsky jissenslu biex jagħtu perspettiva kważi-komuni tal-ħajja, hekk ukoll il-ħsibijiet ta’ Oliver Friggieri – il-filosfu tad-demm u l-laħam – u dawk ta’ Karlu Manju – il-ħolqien letterarju – jissenslu biex jipprovdu lill-qarrejja ta’ Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri (1986) b’perspettiva waħda u partikolari. Friggieri nnifsu jistqarr li permezz tal-karatterizzazzjoni u l-plott tar-rumanz xtaq ilaħħam il-fehmiet tiegħu dwar il-ħajja, b’enfażi fuq it-tematika reliġjuża u dik politika. Fin-narrattiva tiegħu, huwa joħloq karattru li jterraq fi vjaġġ spiritwali daqskemm politiku f’ambjentazzjoni fejn ir-reliġjon u l-politika jistgħu jitqiesu bħala kolonni sammi tas-soċjetà daqskemm bħala xkiel għall-progress intellettwali fuq livell personali u nazzjonali. Permezz ta’ kollokji twal, Manju jesplora fost l-oħrajn il-possibbiltajiet li joffru stili differenti ta’ għajxien (bħas-Soċjaliżmu u l-Komuniżmu) biex jasal għal għażla fundamentali – dik li tpoġġi fuq quddiem nett il-mod ta’ ħajja kif mgħallem minn Kristu. Għal Manju – u għal Friggieri (kif eżemplifikat ukoll f’poeżiji tiegħu bħal “L-Akbar Mass Meeting”) – il-Vanġelu jsir il-manifest politiku ta’ Kristu li għandu jsegwi kull Malti ta’ rieda tajba. Mill-banda l-oħra, il-protagonista huwa konvint ukoll li l-Knisja aljenat ruħha mit-tagħlim ta’ Kristu li kien jipprijoritizza lill-“kwalunkwisti.”

Il-Kelliema

David Aloisio

David Aloisio huwa senior lecturer tal-letteratura Maltija fil-Junior College u visiting lecture fl-Università ta’ Malta. Huwa kiseb id-dottorat mill-istess università b’teżi dwar il-kanonizzazzjoni letterarja fil-kuntest Malti. Huwa ħa sehem f’konferenzi, kiteb papers u ppubblika kotba letterarji u kotba relatati mat-tagħlim tal-letteratura Maltija. Fl-2015, rebaħ il-premju nazzjonali għax-xogħol satiriku tiegħu Only in Ħal Bżarr bħala l-aħjar xogħol oriġinali fil-kategorija tal-kotba għall-adolexxenti.

Robert Farrugia

Robert Farrugia qed jagħmel Dottorat fil-Filosofija mad-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta fejn qiegħed jirriċerka dwar il-kunċett u l-esperjenza tal-interjorità fl-iskola tal-ħsieb magħrufa bħala Fenomenoloġija. L-interessi tiegħu jiffokaw fuq ll-intersezzjoni bejn il-filosofija u t-teoloġija. Huwa għalliem tal-Istorja u tal-Arti u lekċerer każwali fl-Università ta’ Malta.

Romario Sciberras

Romario Sciberras (1994) gradwa fil-Malti fl-2019. Fit-teżina tal-Baċellerat, huwa ta ħarsa introduttorja lejn il-letteratura Maltija minn persepttiva Queer, u biħsiebu jerġa’ juża din il-lenti fl-istudju tiegħu fil-livell ta’ MA. Il-qawwa tal-kelma taffaxxinah, u jipprova jgħaddi din il-passjoni lill-istudenti tiegħu. Ilu jgħallem il-Malti fis-sekondarja għal dawn l-aħħar tliet snin.

Adrian Grima

Jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta u l-Malti fl-Inalco ta’ Pariġi. Ħa sehem f’konferenzi akkademiċi f’għadd ta’ pajjiżi u kiteb studji dwar il-letteratura, il-metafora, u r-rappreżentazzjonijiet tal-Mediterran, fosthom fil-kitbiet analitiċi ta’ Oliver Friggieri. L-iktar studju reċenti tiegħu huwa “Elusive Mediterraneans. Reading beyond Nation” li se jidher barra minn Malta fi ktieb dwar it-teorija tal-letteratura tal-Mediterran.

Jonathan Farrugia

Jonathan Farrugia huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Knisja, il-Patroloġija u l-Arkeoloġija Paleokristjana fl-Unversità, fejn jgħallem it-teoloġija Nisranija bikrija u l-arkeoloġija. Ippubblika diversi artikli f’rivisti lokali u internazzjonali f’dan is-suġġett. Għandu wkoll interess partikulari fl-istorja ta’ artefatti lokali. Fost il-pubblikazzjonijiet f’dan il-qasam insemmu l-ktieb Ir-Redentur. History, Art, and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea, Malta li kien ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija Riċerka ta’ Natura Bijografika u Storjografika (2020).

P. Charlò Camilleri, O.Carm.

Il-formazzjoni akkademika ħadha fl-Università ta’ Malta, fl-Istitut CIFS u fl-Università Pontifiċja Gregorjana. Ilu lettur fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta mill-2008 fejn jgħallem l-oqsma tal-ispiritwalità, il-ħajja kkonsagrata, id-direzzjoni spiritwali, u l-mistika Karmelitana. Huwa membru tal-Bord Akkademiku tal-Istitut Karmelitan, li tiegħu kien l-ewwel direttur sal-2018. Fil-Fakultà tat-Teoloġija kien sal-2018 kordinatur tal-Programm MA fit-Teoloġija Spiritwali, u sal-2022 kordinatur tal-Programm MA fl-Akkumpanjament Spiritwali. Ippubblika diversi artikli u kotba, fosthom l-ewwel ġabra ta’ poeżiji “Tattwaggi” (2016). P. Camilleri jemmen bis-sħiħ fil-metodu interdixxiplinari li fih jgħaqqad it-teoloġija ma’ diversi oqsma tal-għerf. 

Beverly Agius

Beverly Agius għandha MA fil-letteratura Maltija. L-interessi tar-riċerka tagħha jinkludu l-filosofija, l-ekoloġija, u l-poeżija Moderna. Minn barra li tirriċerka, tikteb ukoll il-poeżiji. Xi xogħlijiet tagħha dehru f’Leħen il-Malti, Il-Malti u ?aplatform?. L-aħħar kitba tagħha dwar il-poeta Oliver Friggieri ġiet stampata fit-taqsima speċjali ta’ Leħen il-Malti, għadd 40.


L-artiklu ta’ Doris Zammit fil-gazzetta In-Nazzjon

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s