Bħal-lum fl-1965 miet Ivo Muscat Azzopardi, li twieled il-Belt Valletta fit-18 ta’ Diċembru 1893 u miet fit-13 ta’ Diċembru 1965 f’San Ġiljan. Kiteb għadd ta’ xogħlijiet għat-teatru, oriġinali u mhumiex, radjudrammi, novelli, essays, bijografiji, libretti, u versi. Bosta xogħlijiet minn tiegħu dehru fil-perjodiċi Il-Malti u Leħen il-Malti.
Ivo Muscat Azzopardi aktarx kien l-ewwel awtur ta’ rumanzi “sofor” jew kriminali bil-Malti. Ħadem ukoll bis-sħiħ fil-qasam tat-teatru, kemm f’Lixandra, fejn qatta’ 24 sena minn ħajtu bejn l-1919 u l-1946, kif ukoll f’Malta. Ironikament, Ivo telaq minn Malta fl-istess sena, l-1919, li nħatar membru tal-Assemblea Nazzjonali. Fl-1920 ħuh Ġino ħadlu postu fl-Assemblea bħala rappreżentant tal-kumpanija drammatika Les Amateurs.
F’Lixandra nħatar kap tad-dipartiment tal-istatistika tal-kumpannija Shell fl-Eġittu. Ħadem ukoll għal xi żmien fil-qasam tal-liġi. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien segretarju tal-Air Raid Precautions tal-awtoritajiet Brittaniċi.
Ħrara u Ħidma
Il-mewta ta’ Ivo Muscat Azzopardi tħabbret, fost l-oħrajn, fil-perjodiku tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, Il-Malti f’ħarġa 41, numru 3-4 tal-1965. It-tislima f’Il-Malti tgħid li minbarra li kien wieħed mill-membri qodma tal-Għaqda, kien ukoll wieħed li mit-twelid tagħha, imbiegħed minn art twelidu, ħabrek “biex ikabbar l-isem tal-Għaqda u tal-Lsien Malti fost il-Maltin sħabu u l-barranin u jikseb, bil-ħidma tiegħu ta’ kitba bil-Malti u laqgħat soċjali u letterarji, l-aqwa koperazzjoni għall-kultivazzjoni u l-progress tal-ilsien Malti kif tixhed ix-Xirka tat-Tixrid tal-Qari Malti fl-Eġittu imwaqqfa minnu u mis-Sur Anton G. Said.”
Mindu Ivo Muscat Azzopardi raġa’ lejn art twelidu wara t-tieni gwerra dinjija, jgħid l-omaġġ f’Il-Malti, “ma waqaf qatt mill-ħrara u l-ħidma tiegħu għall-ġid tal-Għaqda kull meta fi ħdanha,” kemm bħala Membru Akkademiku u bħala membru tal-Kunsill, kif ukoll bħala kittieb, “ta xhieda tal-akbar ħeġġa u inizjattiva fit-twaqqif ta’ laqgħat akkademiċi u trasmissjonijiet ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti minn kittieba fuq ir-Rediffusion, u bir-relazzjonijiet ta’ ċentri akkademiċi ta’ barra, fejn xandar, fost l-oħrajn, il-ħidma tal-Għaqda u tal-organu tagħha.”
Bin ir-rumanzier u poeta, Ġużè Muscat Azzopardi, u ħu l-awtur Ġino Muscat Azzopardi, Ivo “wiret mhux ftit mill-pinna ta’ missieru, u bil-kitba tal-proża narrattiva (aktarx ta’ rakkonti polizjeski), soċjali u drammatika tiegħu għammar u żejjen, flimkien ma’ kittieba ta’ ġenerazzjoni ġdida, id-dokumentazzjoni storika tal-letteratura Maltija tal-lum.”
Bendu Muscat
Ivo Muscat Azzopardi ħoloq il-karattru tad-ditektiv Malti mwieled Lixandra, Bendu Muscat, li jidher fir-rumanzi Triq id-Dejqa nru 313 (1938), li qed naqra bħalissa, Min Iduq Ilmet in-Nil (1946), II-Għajbien tal-Kommendatur Filomeni jew id-Ditekitiv Malti Bendu Muscat (1961), u l-ġabra ta’ novelli Minn Xtut in-Nil (1937). Minbarra l-bijografiji ta’ Francesco Azzopardi (1949), Icilio Calleja (1952), Nicolò Isouard (1959), ir-Re Ġorġ V (1936), u Fernand Gregh (1952), kiteb għadd ta’ buzzetti u drammi. Is-sit maltamigration.com isemmi dawn id-drammi oriġinali tiegħu: II-Ħames Wieħed (1944), Tifkira (1944), Nases (1945), Irwiefen (1946), Il-Ġarra Nkisret (1952), Ċensu Barbara (1953); Meta I-Qalb Tithenna, D Faust in Frack, u La Modelia. Fost ir-radjudrammi li kiteb hemm Alib (1954), Is-Safra (1955), Ir-Rebħa (1955), u Milied taht il-Franċiżi (1955). Ivo Muscat Azzopardi addatta bosta drammi ta’ drammaturgi barranin għall-Malti. Għal aktar tagħrif dwar kitbiet tiegħu ara dan il-Werrej Klassifikat ta’ Angela Abela tar-rivista Il-Malti.
Ir-raba’ kapitlu tal-ewwel rumanz jgħidilna Fejn Twieled Bendu. “Missieru u ommu – Ii ma hemmx għalfejn noqgħod nagħti tagħrif tagħhom Ii ma jinteressax lill-qarrej – kienu żewġ Maltin minn Malta li telqu mill-gżira f’dak iż-żmien Ii l-passaporti kienu biċċa karta l-aktar sempliċi biex tiddubbaha u ma kien meħtieġ ebda taħbil il-moħħ u taħbit biex wieħed isiefer minn pajjiż għal ieħor. Għalhekk, wara xi sena żwieġ, meta raw Ii f’Malta xogħoI għalihom qajla kien hemm, bla ma qagħdu jitnikkru u jaqtgħu qalbhom, infirdu mill-maħbubin tagħhom u telqu Iejn I-Art taI-Fargħuni Ii fiha, kif kulhadd kien jgħid, id-deheb kien jinsab mormi fit-triqat.”
In-narratur omodijeġetiku jirrakkonta li “Waslu Lixandra f’dak iż-żmien meta … deheb fit-triqat ma kienx hemm imma … ix-xogħol ma kienx jonqos. Għalhekk iż-żagħżugħ Kalċidon Muskat, mastrudaxxa u raġel għaqli, ma damx ma sab post fit-Tarznar ta’ Kumpanija tal-Vapuri Ii ma hemmx għalfejn insemmuha b’isimha. Il-ħajja ta’ dawk iż-żewġ Maltin qalbiena, bla ma jafu jitkellmu b’ebda ilsien ħlief bil-Malti, kellhom il-ħila minħabba l-għajxien tagħhom iħallu pajjiżhom, malajr thenniet bit-twelid ta’ tifel: l-imbierek tifel tagħhom li twieled fil-21 ta’ Marzu tawh l-isem ta’ Benedittu, Ii qassruhulu f’Bendu.” Imma x-xorti lil Bendu ma daħqitlux u wara ħafna tbatija spiċċa Malta jagħmel xogħol ta’ amministrazzjoni u sar investigatur proprju għaliex kellu vokazzjoni naturali għal dak it-tip ta’ xogħol, minkejja li qatt ma fittxu.

It-tpinġijiet li dehru fl-ewwel edizzjoni tar-rumanz Triq id-Dejqa Nru 313 saru mill-artist Harry Farrugia li twieled l-Eġittu, iben ġenituri Maltin, u trabba f’Port Said. Fl-1946, ta’ 27 sena telaq mill-Eġittu u mar jgħix l-Ingilterra. It-tpinġijiet għar-rumanz ta’ Muscat Azzopardi li deher fl-1938 f’Lixandra, meta Farrugia kien għad kellu 19-il sena, kienu l-ewwel tpinġijiiet tiegħu li ġew stampati. Edizzjoni oħra tal-ktieb dehret fl-1960 u ġiet stampata fl-Empire Press ta’ Malta. It-tieni rumanz dwar Bendu Muscat, Min Iduq Ilmet in-Nil, deher fl-1947, u ġie stampat mid-ditta ta’ Giovanni Muscat. Għal din l-edizzjoni ntużaw l-istess tpinġijiet li dehru fl-ewwel rumanz. Skont artiklu “The life and times of a 20th- century Maltese illustrator tas-17 ta’ Novembru 2013 li deher fit-Times of Malta, ir-rumanzi ta’ Bendu Muscat saru popolari ħafna f’Malta meta xxandru fuq ir-Rediffusion.
Dan l-aħħar kelli l-opportunità nikteb fuq il-mod ġenjali kif Clare Azzopardi użat elementi mil-lingwaġġ ta’ Ivo Muscat Azzopardi fir-rumanzi dwar Bendu Muscat fir-rumanz tagħha Castillo tal-2018. Nittama li din il-kitba tidher ma ddumx.
Nuqqas ta’ Appoġġ f’Malta
F’kitba dwar il-ħidma tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fl-1937 bl-isem ta’ “F’għeluq is-sena 1937,” fir-rivista Il-Malti F. S. Caruana tkellem fuq l-ħidma tal-Maltin ta’ barra għal Malta u għall-ilsien Malti, “u minn tal-ewwel dejjem semmejna t-tħabrik ta’ Ivo Muscat-Azzopardi ta’ Lixandra u ta’ Toni Said ta’ Port Said għax-Xirka għat-Tixrid tal-Qari Malti tal-Eġittu. Din is-sena, il-ħidma tagħhom tat frott xejn inqas minn snin oħra. Ix-Xirka ħarġet, bħalma tafu,” jgħid F. S. Caruana, “żewġ kotba sbieħ ħafna,” Minn Xtut in-Nil u L-Akbar Imħabba u għadd speċjali ta’ Il-Qari Malti. F’kumment interessanti li jidwi d-diżappunt tal-kittieba Maltin fl-Awstralja, Caruana jgħid li huwa “Għajb jaħasra li din ix-Xirka minn hawn Malta ma tantx sabet min jagħmlilha l-qalb! Imisshom il-kotba tagħha (li jinsabu għall-bejgħ għand Muscat tal-Kotba ta’ Strada Merkanti, il-Belt) jinħatfu malli jaslu Malta.”
Caruana jgħid ukoll li x-Xirka kienet “ġa qiegħda taħseb biex toħroġ ir-rumanz Ċejlu Tonna ta’ Ġużè Muscat-Azzopardi. Ta’ min jagħmlilhom il-qalb lil dawn il-ħabrieka billi wieħed imexxilhom kemm jista’ minn dawn il-kotba tagħhom li, fl-istess ħin, huma sbieħ tassew. Irridu nfakkru wkoll li dawn ħutna l-Maltin tal-Eġittu mhux biss iħabirku biex joħorġu u jmexxu kotba bil-Malti – imma l-aqwa ħaġa u li ilhom jagħmluha ħafna – ma tiġihomx okkażjoni li ma jdaħħlux Iil Malta u lill-ilsien Malti u f’konferenzi u f’reċti u f’ġurnali u rivisti, imqar mhux bil-Malti, sa fuq ir-Radio u f’kull programm u avviż ieħor idaħħlu l-Malti.” L-artiklu jistagħġeb li saħansitra “fil-programm uffiċjali tal-Koronazzjoni tar-Re u r-Reġina tagħna rnexxielhom idaħħluh! Ta’ min ifaħħarhom tassew!”
Isma’ “Nies Kbar Maltin”
Fl-1956, Ivo u Ġino Muscat Azzopardi ħadu ħsieb il-pubblikazzjoni ta’ ġabra ta’ sunetti ta’ missierhom Ġużè.
Il-vuċi ta’ Ivo Muscat Azzopardi tibqa’ tinstema’ f’sensiela ta’ xandiriet radjofoniċi bl-isem ta’ “Nies Kbar Maltin.” Fl-1963 Dipartiment ta’ l-Informazzjoni ħareġ ktejjeb ta’ 45 tiegħu b’dan l-isem u għaldaqstant nassumi li x-xandiriet saru fil-bidu tas-snin sittin tas-seklu għoxrin.
Fuq malti.mt, is-sit tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, tellajna żewġ programmi minn din is-sensiela: wieħed fuq Laurent Ropa, kittieb bil-Franċiż li twieled fix-Xagħra, Għawdex imma ta’ sentejn emigra lejn l-Alġerija flimkien mal-familja tiegħu, u ieħor dwar Alfons Maria Galea, filantropu, traduttur tal-kotba tal-Bibbja, kittieb tal-annali tal-propaganda tal-fidi u tal-ġabra Il-Kotba għall-Mogħdija taż-Żmien. Fil-programm dwar Laurent Ropa, Ivo Muscat Azzopardi jintervista lil ħuh, il-patri Dumnikan Piju Rapa O.P. u wara jaqra waħda mill-poeżiji tiegħu, “It-Taqbida,” maqluba għall-Malti. Il-programm jitkellem ukoll dwar ir-rumanzi tiegħu u x-xogħol li għamel għas-siwi ta’ Malti u lsienha.