“Daħna” u n-Nies li Jżommuna Ħajjin

Ħerqan biex naqra n-novelli li kitbu sħabi f’din il-ġabra, Il-Ħamsin, li għamel il-kollega u ħabib tiegħi Ġorġ Mallia. “Huwa ta’ pjaċir kbir għalija,” għadu kemm kiteb l-editur, “nintroduċilkom IL-ĦAMSIN, erbgħa u għoxrin mill-aqwa kittieba ta’ pajjiżna, bi stejjer oriġinali madwar it-tema tan-numru 50. Il-ktieb b’qoxra iebsa fih ‘il fuq minn 300 paġna u jiċċelebra l-ħamsin anniversarju tal-Klabb Kotba Maltin.” Min jixtieq jordna kopja minn issa, il-ktieb qiegħed bi prezz speċjali ta’ qabel il-ħruġ: https://www.midseabooks.com/…/rumanzi-u-novelli/il-hamsin/

L-istorja tiegħi “Daħna” hija dwar persuna bil-COVID-19 li ssib ruħhha fit-taqsima tal-kura intensiva. Għalkemm hija storja mistħajla hija bbażata fuq l-esperjenza ta’ min għex mumenti drammatiċi bħal dawn. Għalhekk nixtieq nirringrazzja b’mod partikulari lil żewġ professjonisti mediċi li jaħdmu fl-ICU u li mingħajrhom dan ir-rakkont ma kontx niktbu, Annabelle Abela, Charge Nurse, u Manuel Zammit, Senior Staff Nurse. Grazzi kbira wkoll lil Stephen Calleja, Senior Editor, The Malta Independent. Għal qalbi ħafna dan ir-rakkont u nittama li jixħet dawl fuq ix-xogħol straordinarju li jagħmlu tant ħaddiema u professjonisti fil-qasam mediku u fuq it-tbatija ta’ għadd kbir ta’ pazjenti.

Ġorġ Mallia ddeskriva “Daħna” bħala “Storja bellezza, miktuba minn id ta’ sengħa kbira.” 

Dan huwa l-bidu tar-rakkont:

Qed jgħattu ’l xi ħadd bil-liżar. Żewġ sodod ’il bogħod minni. Jgħattulu rasu, ’ġifieri. Bla ħoss ta’ xejn. Waħda mill-infermiera qed tħares lejn il-monitor u tkellem lill-infermiera l-oħra. Jew infermier, ma nafx. Bil-maskra u l-visor u l-brieret u l-ġagagi jidhru kważi kollha l-istess. Ġieli lanqas mill-vuċi ma tagħrafhom. Hemm min anki żewġ maskri jkollu taħt il-visor.

Naħseb raġel. Ma nafx għaliex imma hekk naħseb. Forsi smajthom jgħidu xi ħaġa l-infermiera. Hawnhekk nongħos u nqum il-ħin kollu. Daqqa kemm kemm taħt l-ilma u daqqa fil-wiċċ. Tielgħa u nieżla. Kultant nisma’ u nara u ma nkunx naf jekk iniex qed nimmaġina. Jew noħlom. Jew niftakar dak li nkun għadni kemm qrajt. Naqra. Nongħos. Nongħos naqra. Jiġri kollox malajr u ħadd mhu qed iħares. Forsi ta’ faċċata tiegħi. L-uniku wieħed mhux intubat. Apparti jiena. Ma nafx. Ma nistax narah. Forsi qed jilgħab bil-mobile

Adrian grima, “Daħna”

75Jean Paul Borg, Leanne Ellul u 73 oħrajn2 Comments9 SharesJogħġobniIkkummentaIxxerja

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s