F’din is-sensiela ta’ sitt programmi fuq Manwel Dimech li xxandru fuq TVM bejn it-28 ta’ Settembru u t-2 ta’ Novembru 2021 tkellimt dwar ir-rumanz storiku u politiku tiegħu Ivan u Praskovja. Dan huwa xogħol mhux mitmum tal-bidu nett tas-seklu għoxrin, ambjentat fir-Russja tas-seklu dsatax u bi ġrajja, protagonisti u direzzjoni awtorjali li juru l-bixra demokratika ta’ Dimech li jeħodha kontra kull tip ta’ tirannija.
Fl-edizzjoni tiegħu tar-rumanz (SKS, 2011) li tinkludi wkoll taħlita ta’ kitbiet letterarji u mhux letterarji oħrajn, Dr Mark Montebello juri r-rabtiet bejn ir-Russja awtokratika tar-rumanz u dak li kien qed jikteb l-awtur fl-artikli tiegħu fil-ġurnal Il-Bandiera tal-Maltin. Bħala l-bijografu ta’ Dimech, jista’ jkun li Montebello jinsisti wisq fuq l-identifikazzjoni tar-rumanz mal-istorja tal-awtur innifsu. Imma l-intepretazzjoni tiegħu, minkejja li hi parzjali, hija wkoll konvinċenti. Issa jridu jkunu l-kritiċi letterarji li jaqraw dan ir-rakkont bħala xogħol li għandu l-ħajja awtonoma tiegħu bħala nisġa letterarja.
Dimech ma riedx li l-Maltin taħt il-kolonizzaturi Ingliżi ikunu maħqurin u msikktin bħar-Russi fil-belt ta’ Nizhny Novgorod ta’ żmien il-Kżarijiet tas-seklu dsatax u għoxrin. Ried li jkunu ħielsa bħall-Franċiżi f’Pariġi, dik il-Franza li l-awtur iqisha bħala “l-art tal-ħlusija.” Kienet ukoll Franza fl-aqwa tal-proġett kolonjali aħrax u mdemmi tagħha, ma ninsewx, bħal kull proġett kolonjali, imma min m’għandux il-kontradizzjonijiet tiegħu? Aħna lkoll bnedmin difettużi li ngħixu f’dinja profondament difettuża: kif tista’ toħloq il-mudelli ideali tiegħek mingħajr ma tieħu magħhom ukoll id-difetti tagħhom? U Dimech juri li kellu simpatija kbira lejn l-iżvilupp intellettwali u uman tal-Franċiżi, speċjalment fil-belt ta’ Pariġi.
Waqt li Ivan huwa l-protagonist ewlieni, Praskovja mhix sempliċiment vara sabiħa fuq il-palk tal-ġrajjiet imma karattru pjuttost indipendenti u attiv li għandu sehem ewlieni fl-iżvilupp tan-nisġa. Praskovja mhix lesta taċċetta l-impożizzjoni ta’ zijuha, il-kżar fid-dar fejn tgħix, fuq ħajjitha, u r-ribelljoni tagħha hija qalbiena u intelliġenti.
Il-letterati ta’ żmien Dimech warrbu dan ir-rumanz u miegħu warrbu l-internazzjonaliżmu tiegħu. Donnhom riedu jgħidu li biex tkun awtur Malti u tikteb fuq Malta trid bilfors timxi mal-formula li stabbilixxa Ġużè Muscat Azzopardi, “missier il-Letteratura Maltija,” jew aħjar, missier ċertu tip ta’ letteratura Maltija.
L-eroj ta’ Ivan u Praskovja mhumiex nies komuni. Mhumiex ħaddiema tal-id, membri tal-proletarjat bħall-protagonisti soċjalisti ta’ Germinal ta’ Émile Zola. Huma professjonisti, speċjalment tobba u avukati, li diġà għandhom pożizzjoni fis-soċjetà. Fir-rumanz huma lesti jissugraw dik il-pożizzjoni u saħansitra ħajjithom biex is-soċjetà li jgħixu fiha tkun aħjar. Għal kulħadd.
Imma fl-aħħar mill-aħħar il-missjoni tagħhom tfalli u jkollhom jaħarbu mir-Russja maħnuqa mill-Kżar u jfittxu l-“ħlusija” f’art oħra, barranija, fejn l-arja li jibilgħu ma tmarrdilhomx ruħhom.