It-Tnedija ta’ malti.mt

Dan jum importanti ħafna għalina fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Illejla, fis-6.00pm, se nniedu s-sit tar-riċerka tagħna, malti.mt, li fih hemm riżorsi għal dawk kollha li huma interessanti jistudjaw il-lingwa u l-letteratura Maltija u dawk l-oqsma li jmissu magħhom.

Il-filmat tat-tnedija, il-Ġimgħa 12 ta’ Frar 2021

Mhix l-intenzjoni tagħna li nagħmlu dak li diġà qed jagħmlu proġetti, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u siti oħrajn: l-idea hi li noffru riżorsi ġodda u punt ta’ riferiment għal min jixtieq jagħmel riċerka fuq oqsma li naħdmu fuqhom fid-Dipartment tal-Malti.

Dak li se taraw fis-sit malti.mt huwa l-qafas: biħsiebna nżidu sew u b’mod regolari r-riżorsi u l-materjal li nixtiequ li jkun f’idejn kulħadd.Grazzi lil Matthew Sammut u t-tim tiegħu tal-kumpanija NIU li ħadmu biex jiddisinjaw dan is-sit bi professjonalità u b’dedikazzjoni kbira.

Proset lill-Kap tad-Dipartiment, Dr Michael Spagnol, li qed imexxi dan il-proġett bil-ħila u l-viżjoni li dejjem naraw fih. Grazzi wkoll lil għadd ta’ kontributuri oħrajn, studenti u gradwati tad-Dipartiment, li qed itellgħu l-materjal u li ‘l quddiem dan is-sit se jkun f’idejhom.


It-Tradizzjoni Orali

Fil-qofol tiegħu, il-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali li beda fl-2016 huwa sensiela ta’ taħditiet minn riċerkaturi mill-Università ta’ Malta, riċerkaturi fil-komunità, studenti u gradwati tad-Dipartiment tal-Malti, u akkademiċi u operaturi kulturali minn barra minn Malta. Qed niffukaw fuq dawk l-elementi tal-lingwa li jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm.

Fuq medda ta’ ħames snin, għamilna kważi 60 taħdita, il-biċċa l-kbira fil-librerija tal-Fakultà tal-Arti, imma anki fi swali ferm ikbar tal-Università, fil-Mużew Marittimu, fi Spazju Kreattiv, u issa fuq Zoom. Kollha ffilmjati u disponibbli fuq malti.mt u fuq Youtube biex ikun jista’ jarahom kulħadd u meta jrid. Kollha b’diskussjoni li ssir ma’ dawk preżenti u dejjem toffri spunti verament interessanti. 

Il-kelliema li stedinna jew avviċinawna tkellmu fuq aspetti differenti tat-tradizzjonijiet orali tagħna u tal-Mediterran. Tkellmu fuq il-ballati (jew fatti), il-lingwa tas-sajjieda u tal-bdiewa; il-laqmijiet; l-espressjonijiet popolari fil-kanzunetti ta’ Gaetano Kanta, jew tal-Brikkuni; l-ismijiet tal-widien li nġabru minn fomm in-nies; il-lingwaġġ tan-nassaba; il-ħaġa moħġaġa; il-mostri Maltin. Dil-ġimgħa, pereżempju, il-gradwata tagħna Martina Tabone tkellmet fuq id-devozzjoni u l-pika fit-taqbil tal-festi, u f’Diċembru kellna tliet riċerkaturi żgħażagħ immexxijin minn Dr Alex Vella Gregory li tkellmu fuq it-taqbil fil-festi f’għadd ta’ bliet u rħula. 

Imma smajna wkoll fuq kif tagħmel ir-riċerka, fuq kif tidentifika s-suġġett u n-nies li se tintervista, u kif tintervistahom. L-antropologu Michael Deguara għamel sensiela ta’ tliet taħditiet fuq hekk. Smajna fuq il-poeżija orali tan-nisa fl-Alġerija u kif tiġborha u tanalizzaha; fuq it-tradizzjonijiet orali tal-Berberi; fuq ir-rakkontar popolari fi Sqallija u l-Kalabrija u fuq it-tekniki li nistgħu nħaddmu aħna wkoll; kellna analiżi tal-ħrejjef u lejla oħra li fiha Rita Saliba rrakkontat il-ħrejjef li rrakkontawlha fi tfulitha.  

Kellna taħditiet fuq l-għana u għandna waħda ġejja fuq il-makkjetti; kellna lejla ta’ limerikki u mija u għoxrin ruħ ġo sala maqsumin bid-daħq jisimgħu u jgħidu ċ-ċajt. Għax dan il-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali joffri analiżi akkademika, imma jiġbor ukoll il-materjal minn fomm in-nies fil-komunità: il-komunità tiġi għandna, u aħna kontinwament immorru għandha. 

Qed nikkollaboraw ma’ dipartimenti oħrajn, individwi, istituzzjonijiet, għaqdiet, akkademiċi barra minn Malta, bħall-Prof. Mourad Yelles u Dr Óscar Abenójar Sanjuán. Qegħdin f’kuntatt ma’ Micheline Galley u Mark Caruana tal-Awstralja, bit-tama li t-taħditiet li ftehemna magħhom qabel ma faqqgħet l-imxija jsiru xorta waħda.

Ridna noħolqu spazju li fih nies minn kull qasam tal-ħajja jistgħu jaqsmu l-għarfien tagħhom tat-tradizzjonijiet orali Maltin u dak li nistgħu nagħmlu bihom fis-seklu 21; ridna nixprunaw lir-riċerkaturi żgħażagħ biex jaħdmu f’dan il-qasam, biex jisimgħu, jiddokumentaw u janalizzaw; biex huma wkoll jgħaddu dan il-wirt ħaj lil ħaddieħor. 

Wara ħames snin  mhux biss ġbarna ħafna materjal ġdid jew sparpaljat li llum jinsab fuq malti.mt; mhux biss qed nagħtu viżibilità kbira lit-tradizzjonijiet orali Maltin u nrawmu l-ħiliet biex nidentifikawhom u nanalizzawhom; imma għandna wkoll riċerkaturi żgħażagħ verament bravi li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli, dejjem fuq bażi akkademika soda u aġġornata. 

Il-perċimes Yanika Schembri Fava. Kollu ħtija tagħha. Fl-2016 bdiet b’teżi fuq l-għajn u t-tbaħħir u issa, permezz tagħha, dan il-proġett qed ibaħħar saħansitra lil hinn minn dak li immaġinajna meta bdejnieh. 

Adrian Grima | 12.2..2021


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s