Lingwaġġ Kożmopolita

Dan il-video kommoventi tal-kanzunetta “Fomm ir-Riħ” mill-aħħar album tal-Brikkuni ġegħelni naħseb mill-ġdid fuq dak li qed nagħmlu fid-Diploma fil-Letteratura Maltija aħna u niddiskutu l-idjoma l-ġdida tal-letteratura “Postnazzjonali” u “Kożmopolita” li bdiet tinkiteb fis-snin disgħin tas-seklu 20.

L-album kont ġa xtrajtu, u smajtu, għal darba darbtejn. Imma dan il-video, maħdum fil-Korea t’Isfel mid-direttur Malti verament bravu Franco Rizzo, biddel kollox. Jien u nisma’ u nara din l-interpretazzjoni viżiva rajt kanzunetta differenti.

1.

Waħda mill-mistoqsijiet li qed nistaqsi hija dwar it-timbru li jista’ jingħata lil din ir-raba’ mewġa fl-istorja letterarja żagħżugħa tagħna, lis-sensibilità li ġabet magħha. Dan l-aħħar iddiskutejt dan il-punt mal-ħabib u kollega tiegħi Dr Immanuel Mifsud. Naħseb li qbilna li jekk se tfittex isem wieħed għal din is-sensibilità l-ġdida se tħabbat wiċċek ma’ problema fundamentali għax l-awturi mhumiex bħal xulxin. Ebda xogħol mhu bħall-ieħor. U għalkemm, għajr għal Maria Grech Ganado u Henry Holland, din hija l-ġenerazzjoni li twieldet wara l-Indipendenza, u kibret u kitbet, ħafna minnha, fl-epoka diġitali, ma tistax tpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda. Hemm “taħdita” ħierqa bejn ix-xogħlijiet ta’ awturi differenti, imma mhumiex wisq “bħal xulxin” fis-sens dejjaq jew anki wiesa’ tal-kelma.

It-termini “letteratura tas-snin sittin,” “letteratura Moderna” jew “ta’ wara l-Indipendenza” għandhom il-vantaġġ li jinqdew b’parametri jew konfini temporali: il-kisba tal-Indipendenza kienet “spartiacque” ċar, ġrajja storika li firdet epoka letterarja minn oħra. Fl-1961 miet Dun Karm; fl-1963 miet Rużar Briffa: minkejja li kien għad fadal għadd ta’ poeti Romantiċi ħajjin u attivi, bħal Anton Buttigieg u Karmenu Vassallo, il-forza fil-mewġa l-kbira tar-Romantiċiżmu kienet għaddiet. U fl-iktar kitbiet rappreżentattivi taż-żgħażagħ tas-snin sittin, jiġifieri dawk li twieldu ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija, id-differenzi tematiċi u stilistiċi mill-kitba tar-Romantiċi u tar-Realisti kienu jidhru sew. Malta kienet inbidlet u l-letteratura kienet inbidlet ukoll.

2.

Għadu kmieni wisq biex niddefinixxu l-ġenerazzjoni, il-kittieba li bdew jippubblikaw fis-snin disgħin. Il-Malta tal-bidu tas-snin disgħin kienet differenti wkoll mill-Malta tat-tliet deċennji wara l-Indipendenza. Għal ħafna raġunijiet, fosthom minħabba r-rivoluzzjoni fl-informatika. Naħseb li b’xi mod, il-“kwistjoni tan-nazzjon” li baqgħet preokkupazzjoni importanti fil-Moderniżmu li rrivalutatha, kienet għaddiet il-furja tagħha.

Fil-każ tal-“ġenerazzjoni” ta’ awturi ta’ wara l-Moderni, jekk nistgħu nsejħulha hekk, iż-żieda kbira fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u s-safar fetħu kollox beraħ. It-terminu “Postmoderni” kapaċi jaqdina, imma rridu nkunu konxji ħafna tal-implikazzjonijiet differenti tiegħu, għax ma jfissirx biss dak li ġew wara l-Moderni. Imma l-internet u s-safar saru post fejn l-awturi Maltin jitħalltu kontinwament mal- kontemporanjetà ta’ barra, bid-diversità kollha tagħha.

Minkejja l-pożizzjonijiet kulturali u ideoloġiċi differenti, minkejja l-ħbiberiji u l-antipatiji li jeżistu kull fejn jeżistu l-bnedmin, minkejja l-qbil u n-nuqqas ta’ qbil, naħseb li hemm interazzjoni kbira bejn l-awturi ta’ din il-ġenerazzjoni li l-Café Premier lokali u globali tagħhom jibqa’ miftuħ il-ġurnata kollha, 24 siegħa kuljum. Hemm interazzjoni kbira anki bejn l-awturi Maltin li jgħixu Malta u dawk li jgħixu barra. Imma hemm differenzi tematiċi u stilistiċi importanti bejniethom. Mhux kollha Postmoderni fis-sens ta’ Lyotard. U mnalla. Għax kieku ma tantx ikun hemm xi tgħid dwarhom.

3.

Għalija Stejjer ta’ Nies Koroh ta’ Immanuel Mifsud u L-Artist tat-Trapiż ta’ Henry Holland huma punti ta’ riferiment ewlenin fil-bidu ta’ din ir-raba’ mewġa. Il-poeżija ta’ Holland naħseb li tista’ ssejħilha Postnazzjonali, avolja dan mhuwiex terminu li jintuża wisq biex jiddeskrivi moviment letterarju jew mument letterarju. Niftakar li l-ewwel ħaġa li kienet “ħasditni” kienet il-lingwaġġ ġdid, kompletament ġdid. Jien u nqalleb il-ftit paġni ta’ dan il-ktieb eleganti ħassejt li kelli f’idejja xogħol li kien qed jikteb il-poeżija Maltija mill-ġdid.

Ħadd ma kiteb bħal Holland, la qablu u lanqas warajh. Forsi dan ma tistax tgħidu dwar kull xogħol letterarju importanti. Ħadd ma jikteb mingħajr ma jbill il-pinna tiegħu fil-linka li jsib. Imma għal raġunijiet kemm storiċi (ta’ kuntest storiku) u kemm individwali hemm xogħlijiet letterarji li donnhom jiktbu kollox mill-ġdid. Li jħalltu l-linka tagħhom u jiktbu biha biss.

Ma jfissirx li ma kien hemm ħadd qabilhom, jew maġenbhom, jew warajhom. Ifisser sempliċiment li l-linka tagħhom fiha komponenti li ma ssibhomx fil-linka disponibbli. Ma tistax taqra “Corrida,” l-ewwel poeżija ta’ L-Artist tat-Trapiż (1996), kif għamilna fid-Diploma fil-Letteratura Maltija, u ma tħossx li hemm xi ħadd ġej bir-rota, jaqdaf b’kemm Alla tah saħħa, li jaħtfek minn qaddek u jkaxkrek miegħu: kollox bis-slow motion. Ma tistax. Hija letteratura li ssammrek, biex nuża idjoma popolari. Li taqtgħek minn saqajk.

4.

Dan mhux il-post biex nippova nagħmel apprezzament kritiku tal-forza artistika u umanista fil-versi marsusin ta’ Henry Holland. Fit-taħdit u s-sintassi kontroritmika tiegħu. Il-mistoqsija tiegħi hi dwar taħt liema kappa rappreżentattiva tqegħedhom. Kif tiddefinixxi l-poeżiji ta’ dan il-poeta mhux ħabib tal-informatika fil-kwadru ta’ dak li ġie warajh, li kien ukoll xogħol letterarju influwenzat mir-rivoluzzjoni informatika u l-possibilitajiet li tat lill-kittieba?

Għalija l-poeżija u n-novelli (Postmoderni?) ta’ Henry Holland għandhom sensibilità postnazzjonali. Għax għalkemm jikteb dwar Malta, dwar il-Furjana, dwar Balzunetta, dwar it-tfulija partikulari tiegħu, dwar il-“Gotti,” fi ċrieki konċentriċi dejjem iżgħar, dejjem iżjed lokali, is-sensibilità tiegħu hija ferm usa’ minn hekk. Hija s-sensibilità ta’ Chekhov, ta’ Philip Larkin, ta’ Seamus Heaney.

Holland jitkellem dwar l-esperjenza umana, dejjem marbuta ma’ post ovvjament, ma’ żmien, ma’ bnedmin tad-demm u l-laħam. Huwa interessat fl-identità “kollettiva” tal-“persuna,” veru, kif jidher fil-poeżija “Jum ir-Rebħa,” varjazzjoni fuq it-tema nazzjonalista ta’ Rużar Briffa. Huwa interessat fil-figura mitoloġizzata ta’ Mintoff ta’ “Is-Salvatur.” Imma l-iktar li tinteressah hija r-relazzjoni ta’ bniedem ma’ bnedmin oħrajn. Huma min huma. Ikunu fejn ikunu. Huwa interessat fit-taqbida ma’ bniedem miegħu nnifsu. Mat-tfulija tiegħu. Mal-illużjonijiet li jipproteġuh. Nistgħu forsi nsejħulha l-esplorazzjoni tal-identità individwali, tal-identità lokali b’sensibilità globali.

Jiena u l-istudenti tad-Diploma ddiskutejna għandniex inqisuh poeta “Postnazzjonali” jew “Kożmopolita” jew it-tnejn. F’xi mument irridu naraw hux poeta PostModernista, kontinwament iżarma l-kategoriji konċettwali u kulturali li jirfduna.

5.

U dan iġibni lura għal “Fomm ir-Riħ.” Għalija l-pubblikazzjoni ta’ Kuntrabanda (2008), l-ewwel album tal-Brikkuni, kienet tfisser il-bidu ta’ xi ħaġa ġdida. Minkejja li l-Brikkuni ma kinux “tal-ewwel.” U mhumiex tal-aħħar. Xi ftit bħal L-Artist tat-Trapiż. Ma ġiex waħdu. Ma kienx hemm deżert qabel. Lili kienu sammruni kantawturi bħal Manwel Mifsud u Walter Micallef. Kien hemm oħrajn.

Imma Kuntrabanda kien daqqa ta’ ponn fl-istonku. Mod ġdid kif tieħu n-nifs. U kont mingħalija naf lill-Brikkuni sew. Sakemm ġie Rub al-Khali (2017). U ftit ġimgħat ilu, Il-Ħajja. il-Mewt, in-Nisa. Kont mingħalija rajt u smajt kollox.

Imbagħad ġrat xi ħaġa li ma kontx qed nistennieha. Daqqa oħra taħt il-kustilji. Nifs mod ieħor. Interpretazzjoni “globali” (globali?) ta’ kanzunetta ta’ grupp li jidher lokali ħafna. Mhux Malta. Mhux l-Imġarr. Fomm ir-Riħ. Ir-roqgħa lokali mill-perspettiva ta’ Seoul. Il-belt il-kbira. Kożmopolita. Il-video jagħti dimensjoni għalkollox (għalkollox?) ġdida lil din il-melodija “malinkonika,” riflessiva. Fomm ir-Riħ bil-Malti, bil-Korean u bl-Ingliż. Protagonisti ta’ kull lewn u għamla li jeħduna fil-fond nett tal-eżistenza riflessiva tagħna. Fomm ir-Riħ postnazzjonali. Kożmopolita. (Kożmopolita?)

6.

brikkuni - fomm ir-riħ

Fil-fatt l-idea kienet li nirreferu għal lok speċifiku imma ninterpretawh bħala “state of mind” (ma nafx x’tiġi bil-Malti) iżjed milli bħala post li jagħti timbru iżjed familjari u lokali lil-mużika “indiġena” tagħna. Issa erħilha li bla ma trid it-titlu jieħdok hemm… imma aħna xtaqna nħarsu iktar lil hinn. U magħna xtaqna li jħarsu s-semmiegħa u eventwalment kull attur internazzjonali li pparteċipa fil-produzzjoni.

Fuq parir ta’ Franco tajthom traduzzjoni kif stajt u ħallejniehom jagħmlu li jridu huma b’dan il-lok li għalihom huwa wieħed inaċċessibbli, fittizju… u kważi kważi mistiku, sabiex spiċċa l-lok fejn ġew trasportati x-xewqat, pjaċiri, dwejjaq, solitudni, diżillużjonijiet taghhom.

Ngħid is-sew għalkemm istintivament ħassejna li sejrin f’direzzjoni tajba ma kontx qed nistenna riżultat tant sodisfaċenti. Imma wasal żmien fejn ma niddejqux nibagħtu l-kanzunetti Maltin tagħna madwar id-dinja. Anke jekk forsi ħadd ma jinteressah, inħossu li issa appik.

Mario Vella (12.5.20)

Skont Sephora Francalanza, li kitbet teżi tal-Baċellerat dwar il-lirika tal-Brikkuni tal-ewwel żewġ albums: “Bellezza kif jintgħaġen kollox flimkien, mill-ħemda tal-bidu sal-ġenn tal-aħħar… veru jagħtiha dimensjoni oħra lill-kanzunetta l-video.”

Mhix kumbinazzjoni, nassumi, li proġett bħal dan irnexxa tant b’kanzunetta li t-tematika tagħha mhux marbuta mal-post imma ma’ qagħda tar-ruħ. Għalija meravilja dan ix-xogħol. Il-kanzunetta. Il-filmat. L-idea kollha. Il-mod kif il-filmat jirrifletti fuq il-kanzunetta, jitkellem magħha imma joħloq xi ħaġa oħra minnha. Xi ħaġa tiegħu. Il-video għandu l-ħajja tiegħu, qed jiżviluppa l-lingwaġġ u n-narrattiva tiegħu.

Is-sekwenza tal-aħħar tal-isturdament kemm hi sabiħa. Proset tassew lil Mario Vella. U proset ħafna lil Franco Rizzo, li ma nafux, imma nħoss li sirt naf ukoll.

7.

Grazzi ħafna, Adrian. Onestament ma nafx x’naqbad ngħid. Kien esperiment li kien ilu jberren f’moħħi, u jalla jerġa’ jkollna opportunità nahdmu f’did-direzzjoni. Għal darb’oħra napprezza immens.

Franco Rizzo

Illum erġajt rajt il-film, bil-kwiet. U reġa’ kien bħal balzmu. Iktar mill-bieraħ. Poeżija waħdu.

Qatagħni minn saqajja dal-film u qed nistaqsi lili nnifsi għaliex. Apparti l-ġmiel ta’ lingwa li m’iniex kapaċi nfisser, il-lingwa tal-vuċi; tal-mużika; tax-xbihat jidħlu f’xulxin; tas-sekwenzi jiftħu t-triq għal xulxin; ir-ritorn, qisu ritornell delikat, lejn il-wiċċ tal-bidu… Apparti l-maġija tistordik tat-tmiem, naħseb li hemm element ieħor, Franco: il-fatt li din dinja li nħossha ‘l bogħod minni. Sifirt ftit fl-Asja. U dejjem kienu esperjenzi sbieħ. In-naħa ta’ fuq tat-Tajlandja. L-Indonesja. Bali, l-Indja. Imma xorta ma kontx lest għal din l-esperjenza ta’ kanzunetta tal-Brikkuni, “tagħna,” li “ssir Koreana,” li tidħol daqstant ‘il ġewwa. Li mhux biss tiġi l-kunċert magħna imma ssir il-kunċert tagħna. Diffiċli nispjegaha. Ma kontx lest għaliha.

Hemm involviment uman kbir mill-protagonisti “barranin” f’din il-kanzunetta “tagħna.” Issir tagħhom. U s-sensazzjoni li toħloq fija hija ta’ liberazzjoni kbira li tissarraf ironikament fi qtugħ ta’ nifs; sensazzjoni ta’ ferħ. Dan il-filmat huwa rievalwazzjoni totali, għalija, tal-possibilitajiet.

Grazzi kbira lilek, Franco, u lil dawk kollha li ħadmu miegħek. Wessajt f’salt l-immaġinarju kollettiv tagħna bħala Maltin, bħala bnedmin li rridu noħolqu xi ħaġa bl-arti.

Adrian Grima, it-Tlieta 12 ta’ Mejju

8.

Fomm ir-Riħ is the name of a secluded beach in the outskirts of Mġarr, the village where Brikkuni frontman and singer Mario Vella was born and raised. “In the song it doubles for a mystical place where parted lovers reunite,” Vella says.

And Rizzo captures the very essence of Vella’s paean, with magical shots of his actors immersed into the filmic settings of Seoul, finally bursting into a joyous kaleidescope of energy and dance.

“Seoul is for me what London or Berlin is or might have been for some other Maltese expats, artistically invigorating and filled with personal growth,” Rizzo says.

Minn artiklu fil-gazztta Malta Today

10

Din hija intervista tiegħi ma’ Franco Rizzo li saret nhar il-Ħamis 14 ta’ Mejju 2020 biż-Zoom dwar il-video mużikali li għamel fil-Korea t’Isfel tal-kanzunetta tal-Brikkuni “Fomm ir Riħ” mill-album Il-Ħajja, il-Mewt, in-Nisa (2020).

11

Frankie Goes to Seoul – The Makings Behind the Masterpiece

Issibu l-intervista bl-Ingliż (May 12, 2020) ta’ Nicole Parnis ta’ trackagescheme.com ma’ Franco Rizzo dwar dan il-video mużikali hawnhekk. L-artiklu jismu “Frankie Goes to Seoul – The Makings Behind the Masterpiece” u din hija silta:

From the outset, I was always fascinated with taking something Maltese and mixing it with something not Maltese. It opens up the work of art not just artistically but also makes it available internationally. Since I am now based here, South Korea managed to cross language barriers, especially in music (BTS) and movies (Parasite), so what’s to stop a Maltese band from doing so? Maybe it’s highly ambitious and very pretentious to some extent, but here’s hoping this music video is a valid first step in that direction.

As for the song itself, Mario did say that ‘Fomm ir-Riħ’ doubles for a mystical place where parted lovers reunite. I took it even further; it could be that place, mystical or otherwise, where you are reunited with a loved one – friend, family member, lover, alive or have already passed away – or where you are finally at peace with yourself, your own identity. I identified with both of these themes. As far as being at peace with oneself, I have completely outgrown Malta. After returning back from Korea last year, that feeling had reached the very tipping point. While Malta is still my home country, it no longer feels like home for me for a multitude of reasons, that I dread ever returning there for good.

I don’t feel Maltese any longer, but then again, at this day and age, what does it even mean to be Maltese anyway? So now I’m kind of stuck in between a culture that is not mine, yet I somehow find myself identifying a lot with, and a culture that I was born into which is continuously becoming more alien to me. This is why the inclusion of a Korean (Jo Jin Hyo), a half-Korean (Andrei Chernov), a Korean-American (Kate Mayne) and an African American (Renée Simone) was a conscious choice I made. I discussed the above with the actors, to see how they too connect with them personally. In turn, it made me more confident in the belief that these same themes are quite universal.

There’s a noticeable varying degree of how much each actor is tied to Korean culture: Jin Hyo fully embodies it. On the other hand, African American actress Renée is completely foreign to it. In fact, if we take Renée’s “storyline” in the music video, we see her wearing a hanbok – the traditional Korean dress – navigating a landscape that is not her own, and towards the end, we see hear wearing a traditional African headscarf. Through a foreign culture, she has come to embrace her own identity.

As for being reunited with with a loved one, I will only say that I had met someone I was fond of, whom I last saw physically back in May 2019, and deeply wish to reconnect with again, even if just to see that they’re doing fine. This in turn explains why the music video is tinged with a sense of longing and melancholy, to things past or things yet to happen, if they happen.

9.

Noel Tanti bagħatli messaġġ. Qalli li “s-sekwenza tal-aħħar hija kważi ċertament ispirata minn xena f’2001 Space Odyssey ta’ Stanley Kubrick, u t-tqabbil bejniethom, vis-a-vis dak li għidt int, huwa interessantissimu.” https://youtu.be/ebmwYqoUp44

10.

Fomm ir-Riħ ta’ Franco Rizzo, il-films u l-Letteratura Kożmopolita

Kitba ta’ Noel Tanti 

Gaspar Noè, id-direttur Franċiż li jsemmi Franco Rizzo fl-intervista ma’ Adrian Grima, għaddieli minn moħħi, l-iktar minħabba Enter the Void, imma tematikament Fomm ir-Riħ iktar fakkarni fi 2001: A Space Odyssey (1968) ta’ Stanley Kubrick. Għal din ir-raġuni: Space Odyssey jittratta dwar x’qanqal il-qabża mill-annimal (ix-xadini) għall-bniedem, u kif din firxet it-triq għall-evoluzzjoni umana. Imma fih Kubrick huwa wkoll interessat f’dawk l-affarijiet li, (a) jew ma nbidlux, jew li (b) nerġgħu ngħaddu minnhom b’mod ċikliku. Jiġifieri jilgħab ħafna b’dawn “il-fruntieri eżistenzjali.” Issa fis-silta mill-film ta’ Kubrick li tidher hawnhekk, dawn il-fruntieri jikkrollaw u l-bniedem jaffaċċja lilu nnifsu, bil-maskri u l-kxif tal-maskri li dan iġib miegħu. 

Fil-video ta’ “Fomm ir-Riħ,” fis-sekwenza “psikedelika” dak li rajt. Il-video jibda mill-ewwel bil-”fruntieri,” spjegati ċari: “Brikkuni” miktuba bil-Malti u taħtha bil-Korean. Wara għandek ix-shot sabiħ immens tal-baħar, vast, “anonimu.” U din iż-żifna tibqa’ għaddejja, bejn il-Malti u l-Korean l-iktar, imma anki dak li jista’ jkun tat-tnejn, bħax-shots tan-nies minn wara. Però din tal-aħħar tirbaħ fuqhom kollha fis-sekwenza tal-aħħar, fil-geġwiġija li mhi ta’ ħadd u hi ta’ kulħadd. Il-fruntieri jitkissru. Għoġbuni ħafna l-close-ups li “jitħassru,” uċuħ li jsiru qishom pittura ta’ Francis Bacon.

Issa fuq il-kożmopolitiżmu. Li naf huwa dak li konna għamilna fil-lectures ta’ Adrian Grima dwar il-letteratura Maltija li bdiet tinkiteb fis-snin 90 tas-seklu 20. Jiġifieri dawn l-impressjonijiet huma infurmati minn dak biss. U mill-fatt li l-awturi kożmopoliti, ħafna minnhom huma ħbieb tiegħi u/jew tampari. Naħseb żewġ fatturi importanti huma li: (1) qatt ma kienu marbutin ma’ movimenti politiċi jew letterarji; u (2) kienu esposti, ikkonsmaw u apprezzaw ħafna l-kultura pop. Rigward punt numru wieħed, meta għandek moviment dan se jirrestrinġik, kemm fl-istil u kemm f’xogħlok. Għall-ewwel jaf jiftaħlek għajnejk imma naħseb fit-tul, iktar iservi ta’ kalzri. Punt numru 2: Ġużè Stagno jsemmiha ħafna din, li fil-kitba tas-60ijiet, ħadd ma jsemmihom lill-Beatles, minkejja li kienu influwenti ħafna. Nara li kien hemm ċertu snobbiżmu lejn “il-kultura l-baxxa.” Philip Sciberras, pereżempju, iħobb isemmi l-influwenzi tiegħu f’xogħlu. Qabbilhom ftit mas-sensiela ta’ kitbiet li xandar fuq Facebook Immanuel Mifsud dwar il-mużika li influwenzatu. Veru, semma lil Mahler, imma kien hemm ukoll il-punk, l- “istorbju tal-ħamalli.” 

Biex nerġa’ naqbad ma’ Immanuel, hu kien li qal li l-kittieba tal-Moviment Qawmien Letterarju, bil-mod tagħhom, kienu investiti fit-tradizzjoni daqs ir-Romantiċi. Avolja kellhom moħħhom iktar miftuħ, xorta baqgħu jgħumu fl-istess għadira ta’ qabilhom. Din ma narahiex fil-ġenerazzjoni tad-90ijiet. Il-programmi televiżivi, il-mużika, il-films, eċċ., li kienu jikkonsmaw kienu ħafna iktar maqtugħin mill-kultura Maltija. Dan iwassalna għal Henry Holland, li hu influwenzat ħafna mil-letteratura internazzjonali, speċjalment dik Anglofona.

U dan joħodna lura għal Fomm ir-Riħ. Semmewha fil-kummenti tagħhom Adrian Grima u Mario Vella, “il-qagħda tar-ruħ,” espressjoni sabiħa ħafna li naħseb hija iktar ħajja u jagħtuha iktar importanza l-awturi tad-90ijiet. Il-fruntieri għalihom huma xkiel u naħseb anki xi ftit disprezz lejn Malta hemm. M’għandhomx “ideal patrijottiku.” Għalhekk hemm ħafna minnhom li jgħixu jew li għexu barra. Bħallikieku l-qagħda tar-ruħ Maltija kellhom isibuha billi joħonqu l-idea Maltija l-ewwel. Mario Vella huwa eċċezzjoni għax minn dejjem stqarr li ma jridx jitlaq minn Malta imma Franco Rizzo telaq u din naħseb li ħalliet impatt kbir fuq il-video.


Sadattant rajt l-intervista ma’ Franco. Kienet tajba ħafna. Qbilt ħafna ma’ dak li qal dwar kif il-Maltin jippruvaw ideffsu dak li hemm hemm barra, hawn ġew, u mhux viċe versa. Kieku bl-Ingliż jgħidu “to shoehorn an international outlook into the Maltese mindset.” Ma nafx kif naqbad ngħidha bil-Malti. (Ironikament.)

Interessanti ferm il-punt tiegħu dwar kif l-aljenazzjoni minn xtutna jaf isservi ta’ ġid għal Malta stess. Din torbot ħafna mal-emigrazzjoni en masse ta’ ħafna kittieba mid-90ijiet. Isibu l-“malteseness” tagħhom meta jitilqu minn hawn.

Dan il-video, https://www.youtube.com/watch?v=013lbJ-Iehg, miġbud Malta minn tim Awstrijaku (mingħalija) dejjem affaxxinani għax l-ambjent Malti narah aljen. Naf fejn ġibduh, il-pajsaġġ huwa ovvju li hu Malti, imma xorta seta’ kien kullimkien. Minn dan l-aspett kurjuż ħafna biex nara dan ukoll: https://www.youtube.com/watch?v=0bVHRNH8G1c, għax id-direttur ilu jgħix ħafna barra minn Malta. Forsi din hija xi ħaġa li għandha x’taqsam ukoll mal-punt di vista kożmopolita (ħa nerġa’ ngħidha bl-Ingliż): “the willingness to embrace otherness.”

Mhux biex nieħu r-raġun, għax ir-raġun sar idejjaqni ħafna, bħala kunċett u speċjalment f’min ifittxu akkost ta’ kollox. Imma punt dwar Kubrick u 2001: A Space Odyssey: Gaspar Noè kemm-il darba qal li kieku ma kienx għal Kubrick, u dak il-film partikolari, qatt ma kien isir direttur. Sabiħa ħafna kif xogħol artistiku li jmiss ir-ruħ, jibqa’ jgħix f’forom u f’persuni differenti. 

noel tanti

Preview YouTube video SOAP&SKIN – ITALY & (THIS IS) WATER

SOAP&SKIN – ITALY & (THIS IS) WATER

Preview YouTube video OF TIME AND THE SEA (2019) Official Trailer BAĦAR ŻMIEN


Il-video ta’ “Fomm ir-Riħ”: L-ewwel nett għad irrid nara l-lirika tad-diska għax ma nafx fuq xiex inhi. Dak kollu li għedt huwa dwar dak li ħadt mill-video. Issa, hemm żewġ mumenti fejn personaġġ minnhom ikollu f’idejh poster ta’ film. Dan huwa Three Colours: Blue (1993) film Franċiż dirett minn Pollakk, Krzysztof Kieslowski. Huwa l-ewwel parti minn triloġija bbażata fuq il-prinċipji tar-rivoluzzjoni Franċiża: il-libertà, l-ugwaljanza u l-fraternità. (Iż-żewġ films l-oħra huma Three Colours: White (1994) u Three Colours: Red (1994), u b’hekk jgħaqqdu l-bandiera Franċiża.) F’dan il-film, il-protagonista mara titlef lir-raġel u lil bintha f’inċident tat-traffiku u l-bqija tal-film jirrakkonta kif hi tipprova tinqata’ kompletament mill-passat tagħha. Dawn l-istampi minn dan il-film jissuġġerixxu li l-video jikkunsidra wkoll l-aljenazzjoni tal-jien.

L-intervista ma’ Franco Rizzo: Fost id-diretturi li jsemmi hemm Terrence Malick. F’film tiegħu, The Tree of Life (2011) hemm sekwenza li tfakkarni ħafna f’dik li bgħattlek minn Space Odyssey. Din “tlibbes” mentri ta’ Kubrick iktar “tneżża.” Se ninkludihielek: https://www.youtube.com/watch?v=1WvuJwMFPz4 (Fil-film, dan huwa l-bidu tal-univers.)

L-awturi kożmopoliti: Il-kumment tiegħek dwar l-effetti tal-internet fuq din il-ġenerazzjoni fakkruni kif fil-bidu tas-seklu 21 kien hemm komunità ta’ bloggejja Maltin. Konna ftit u allura sirna nafu lil xulxin kollha kemm aħna. Minn tal-bidu nett kien hemm Immanuel Mifsud u Toni Sant, imma maż-żmien faqqsu Alex Vella Gera, Antoine Cassar, Pierre J Mejlak, Ġużè Stagno, Mario Vella, Mark Vella, u Sandro Zerafa. Kien hemm ukoll sit jismu Scaremongering li ħafna minn dawn ikkontribwixxew fil-forum tiegħu. Niftakar pereżempju lil Alex Vella Gera u Mark Vella jippowstjaw xi kitbiet fih.


OF TIME AND THE SEA (2019) Official Trailer BAĦAR ŻMIEN


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s