Identitajiet Kumplessi

Silta mill-artiklu “Bejn l-Identità u d-Diversità Kulturali” – Adrian Grima li deher fil-ktieb Gżejjer ta’ Diversità Kulturali / Islands of Cultural Diversity ta’ Adrian Grima u Kevin MacNeil (Malta: Inizjamed, 2001)

Ara wkoll: Ġaħan u l-Identità Maltija

Sa ċertu punt, illum kulħadd iħossu qiegħed jgħix f’minoranza, fl-eżilju, fil-periferija, għax il-komunitajiet u l-kulturi kollha jħossu li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ oħrajn li huma akbar minnhom u li m’għandhomx is-saħħa u l-mezzi biex iħarsu l-wirt tagħhom. L-awtriċi Sud Afrikana Nadine Gordimer (Writing and Being, Harvard University Press, 1995) tirrakkonta kif ħassitha meta kienet żgħira fl-Afrika t’Isfel:

From a very early age I had the sense that that other world – the world of books I took from the library, the world of the cinema – was that other world that was the world. We lived outside it.

Ir-rumanzier Lebaniż li jgħix Franza, Amin Maalouf jemmen li llum, fi żmien maħkum minn globalizzazzjoni ekonomika u kulturali u minn taħlit dejjem aktar mgħaġġel bejn elementi neħtieġu kunċett ġdid ta’ identità. Jekk m’aħniex se naċċettaw il-ħafna rabtiet differenti li nsiġna se nsibu ruħna quddiem żewġ toroq estremi: dik tal-fundamentaliżmu u dik tad-diżintegrazzjoni, li nisfumaw fix-xejn. Irridu nżewġu l-ħtieġa li nħossu li jkollna l-identità tagħna, kemm bħala individwi u kemm bħala membri ta’ komunità ma’ tolleranza miftuħa u nieqsa minn kull preġudizzju ta’ kulturi oħra.

Qed ngħixu fi żmien meta ħafna telqu minn art twelidhom u ħafna oħrajn, minkejja li ma telqux, ma jistgħux jidentifikaw ruħhom magħha aktar. Dan, skond Maalouf, jista’ jkun minħabba li r-ruħ tal-bniedem dejjem vagabonda, refuġjata, iżda jista’ jkun ukoll minħabba l-pass dejjem aktar mgħaġġel ta’ l-evoluzzjoni. Qed ngħixu fi żmien ta’ armonizzazzjoni u fl-istess ħin ta’ dissonanza. Il-bnedmin qatt ma kellhom tant affarijiet in komuni bejniethom – għarfien, punti ta’ riferiment, xbihat, kliem, strumenti u għodda ta’ kull tip. Imma dan qed jispiċċa jżid ix-xewqa tal-bnedmin li jasserixxu d-differenzi li jeżistu bejniethom. Il-ħeffa dejjem akbar tal-globalizzazzjoni żgur li ssaħħaħ, permezz ta’ reazzjoni, il-ħtieġa tan-nies għall-identità li tagħżilhom minn ħaddieħor. Forsi l-iktar definizzjoni sempliċi hi li l-identità hija dik li tagħmilni differenti minn ħaddieħor. Lanqas jekk allaħares qatt jibdew jikklonaw in-nies, dawn xorta, kif jitwieldu, jibdew isiru differenti minn ħaddieħor.

Skond Maalouf id-dinja tal-lum mhix ta’ xi ġens jew ta’ xi pajjiż partikulari hija ta’ min iħabrek biex jifhem ir-regoli l-ġodda tal-logħba. Mhux veru li d-dinja hija mmexxija minn setgħat moħbija u omnipotenti; mhix immexxija mill-“oħrajn”. Naturalment il-pass u l-kobor tal-globalizzazzjoni jġegħluk tistordi u tħoss li ma tistax tinfluwenza l-ġrajjiet. Iżda Maalouf jemmen li għandna nfakkru lilna nfusna kontinwament li ħafna nies iħossuhom bħalna, anki dawk li qegħdin fil-quċċata tal-piramida. Eżempju li jagħti huwa dak tal-mużika: Qatt daqs illum ma kellna l-mezzi tekniċi biex nisimgħu tant tipi ta’ mużika differenti. Qatt qabel ma kien hawn tant nies li jistgħu jdoqqu, jikkomponu, ikantaw – u jinstemgħu. Iżda b’xorti ħażina dawn l-opportunitajiet mhumiex f’idejn kulħadd. Il-maġġoranza tan-nies tad-dinja huma mmexxija minn minoranza żgħira. U f’idejn din il-minoranza hemm l-istazzjonijiet tat-televiżjoni, ir-radjijiet, id-djar tad-diski, il-paġni kulturali u mużikali tal-gazzetti u r-rivisti, u l-bqija. Barra minn hekk ftit ħafna huma dawk li għandhom aċċess għal mezz qawwi ta’ komunikazzjoni bħalm’hu l-kompjuter.

Min-naħa l-oħra, Maalouf jirrikonoxxi l-fatt li l-globalizzazzjoni qiegħda thedded id-diversità kulturali, speċjalment id-diversità fil-lingwi u fil-mod kif ngħixu.

Human communities that over the course of history have forged an original culture made up of a thousand and one inventions – relating to clothes, medicine, art, music, gestures, crafts, cooking, story-telling, and so on – are threatened with loss of their land, their language, their memory, their knowledge, their special identity and their dignity.

U t-theddida hija akbar milli qatt kienet. Iżda jemmen ukoll li qatt daqs illum ma kien hawn il-mezzi biex kulturi li qegħdin imutu jiddefendu lilhom infushom.

Instead of declining and disappearing unnoticed and unlamented as they have done for centuries, these cultures can now fight for survival. Would it not be absurd to neglect this opportunity?

Kontra dak naħsbu ħafna minna, Amin Maalouf isostni li l-identità tagħna kemm bħala individwi u kemm bħala ġnus hija kumplessa ħafna. Għandna ħabta nfittxu l-għerq tal-kultura tagħna; għandna ħabta norbtu ħaġa jew oħra ma’ l-hekk imsejħa “qalba”, jew “mamma” ta’ l-identità tagħna: il-lingwa, il-kant tradizzjonali, il-pożizzjoni ġeografika fil-Mediterran, ir-rabtiet tagħna mal-Kristjaneżmu u ma’ l-Ewropa Nisranija, il-pastizzi, is-soppa ta’ l-armla, il-ħobż biż-żejt… imma l-verità hi li l-identità tagħna hija magħmula minn dawn l-elementi kollha u ħafna oħrajn, u din l-identità qiegħda l-ħin kollu tinbidel u tissawwar mill-ġdid. Minkejja li għex l-ewwel sebgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu fil-Libanu u mbagħad tnejn u għoxrin sena ġewwa Franza, Amin Maalouf ma jħossx li hu nofsu Lebaniż u nofsu Franċiż, għax l-identità ma tistax tikkompartimentalizzaha. Hu jħoss li għandu identità waħda, magħmula minn ħafna komponenti magħuqdin flimkien b’tali mod li jsawru taħlita li hi unika, bħalm’hi unika l-identità ta’ kull persuna.

L-identità individwali tagħna m’għandniex nimmażżrawha ma’ xi waħda mill-affiljazzjonijiet tagħna. Fil-qalba ta’ qalbna mhemmx element wieħed li jiddomina fuq l-identità personali tagħna, qisu xi “verità fundamentali” jew “essenza” li nirċievu meta nitwieldu u li tibqa’ taħkimna u tmexxina tul ħajjitna kollha. Hekk ukoll l-identità ta’ poplu li hi bil-wisq iktar dinamika milli naħsbu. “F’kull persuna jiltaqgħu ħafna lealtajiet differenti, u kultant dawn il-lealtajiet ma jaqblux ma’ xulxin u jqiegħdu lill-persuna li fiha jiltaqgħu fil-pożízzjoni li trid tagħmel għażliet diffiċli.” Ħafna drabi, aħna stess, mingħajr ma nafu, nippromwovu l-idea li l-identità hija marbuta ma’ affiljazzjoni waħda, ma’ razza, grupp etniku, jew reliġjon, jew nazzjon, jew lingwa, jew klassi waħda.

Il-ħajja stess toħloq id-differenzi. Ebda “riproduzzjoni” ma tista’ tkun identika. Kull persuna għandha identità mżewqa, kumplessa u unika. Kull waħda mil-lealtajiet ta’ dik il-persuna tgħaqqadha ma’ għadd kbir ta’ nies. Imma ironikament iktar ma tibni rabtiet ma’ nies differenti, iktar issir partikulari u rari l-identità tagħha mingħajr ma titlef xejn mis-sħuħija li tgħaqqadha.

L-affiljazzjonijiet ta’ pajjiż m’għandhomx kollha l-istess importanza imma Maalouf jemmen li pajjiż għandu jaċċetta l-multipliċità tal-lealtajiet u jqishom kollha bħala leġittimi. Ngħidu aħna f’Malta, it-tradizzjoni reliġjuża ewlenija hija Kattolika, imma dan ma jfissirx li m’għandniex nagħrfu realtajiet oħrajn, fosthom il-preżenza matul iż-żminijiet ta’ reliġjonijiet oħra u anki ta’ nies li ma jemmnu f’ebda reliġjon. Jekk norbtu l-identità tagħna bħala Maltin mal-Kattoliċiżmu biss inkunu qegħdin ninjoraw rabtiet oħrajn, kemm antiki u kemm ġodda, fosthom mal-perijodu Neolitika, ma’ l-Islam u ma’ għażliet ‘il barra mir-reliġjon, u b’dan il-mod inkunu qegħdin inwarrbu dan il-wirt u lil kulmin min jidentifika ruħu miegħu. Bħalma fil-lingwa Maltija jiltaqgħu diversi elementi differenti hekk ukoll fina bħala Maltin jiltaqgħu elementi li la qegħdin hemm irridu nagħrfuhom u naċċettawhom.

Għalkemm teżisti ġerarkija bejn l-elementi differenti li flimkien isawru l-identità tagħna, din il-ġerarkija tinbidel maż-żmien, u dan it-tibdil fl-importanza li nagħtu lill-elementi differenti jġib tibdil fundamentali fl-imġiba tagħna. Kien hemm żminijiet meta r-reliġjon Kattolika kienet is-simbolu ewlieni ta’ l-identità tal-Maltin, bħalma jidher li kienet fi żmien il-Franċiżi. Kien hemm żmien meta l-lingwa kienet is-simbolu ewlieni, aktarx fl-ewwel għexieren ta’ snin tas-seklu għoxrin. Kien hemm żmien, u forsi għadu ma spiċċax, meta identifikajna l-identità Maltija mal-kampanja u l-bdiewa.

Kien hemm ukoll żmien meta Malta kienet tagħmel parti mis-saltna u l-kultura Islamika meta kienu fl-aqwa tagħhom. Meta niċħdu din ir-rabta antika imma glorjuża nkunu qegħdin niċħdu biċċa minna nfusna. Mill-bidunett, il-Musulmani kellhom il-ħila ta’ l-għaġeb li jgħixu ma’ min hu differenti minnhom. Fl-aħħar tas-seklu 19, ngħidu aħna, fil-popolazzjoni ta’ Istanbul, li dak iż-żmien kienet il-belt Musulmana ewlenija, il-maġġoranza tan-nies ma kinux Musulmani, imma Griegi, Armeni u Lhud. Pariġi, Londra, Vjenna jew Berlin ta’ dak iż-żmien żgur li ma kinux joħolmu li jkollhom iktar minn nofs il-popolazzjoni tagħhom mhux Nisranija. Kif tgħid il-kittieba Lebaniża Hoda Barakat u l-Alġerin Waciny Larej, għal żmien twil, Lixandra, fejn għexu ħafna Maltin, Bejrut, u l-Alġiers kienu bliet kosmopolitani, miftuħin, imsejsin fuq id-diversità.

Ir-rabtiet antiki tagħna mal-portijiet u l-bliet Għarab tal-Mediterran huma affiljazzjonijiet li jagħmlu l-identità aktar sinjura. Imma biex nirkupraw dawn l-affiljazzjonijiet importanti rridu nivvjaġġaw fl-istorja mħawra tagħna u ma narawx biss il-piraterija u l-irjus ta’ l-għadu fil-bokka tal-kanun. Wara kollox l-istorja ta’ Malta u l-istorja tal-Mediterran huma ddominati minn skambji kulturali, ekonomiċi u soċjali kbar, u l-identità mżewqa tagħna hija l-prodott, fost l-oħrajn, ta’ dan it-taħlit li seħħ u għadu jseħħ fir-reġjun tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-identità hija kwistjoni ta’ simboli, ta’ apparenzi, ta’ diskors, u biex dan id-diskors ikun jirrifletti l-vjaġġ tagħna bħala poplu jrid jirrispetta l-ġrajjiet li seħħew u r-rabtiet li nbnew u jirrakkontahom b’tali mod li jeħlishom mill-preġudizzji u l-perspettivi żbaljati tal-lum. F’dan il-kuntest, l-istejjer ta’ Ġaħan jafu jkunu għodda tajba biex jinħoloq diskors ġdid dwar l-identità Maltija.

Wirt Vertikali u Wirt Orizzontali

Amin Maalouf isostni li hemm baħar jaqsam bejn dak li aħna u dak li naħsbu li aħna. Il-bnedmin għandhom għandhom żewġ tipi ta’ wirt, dak vertikali u dak orizzontali. Il-wirt vertikali jasal għandna mingħand l-antenati tagħna, mingħand il-komunità reliġjuża u permezz tat-tradizzjonijiet popolari; il-wirt orizzontali jaslilna mingħand in-nies u ż-żmien li nkunu qed ngħixu fih. Bħal Marc Bloch, Maalouf jemmen li l-wirt orizzontali huwa l-iktar wieħed li jinfluwenza lill-bnedmin u iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isir influwenti. Iżda l-importanza akbar tal-wirt orizzontali ma tidhirx fil-mod kif il-bnedmin iħarsu jew jitkellmu dwarhom nfushom għax kważi dejjem jagħtu prominenza lill-wirt orizzontali. Naħseb li dan, fil-każ tal-Maltin, ma jgħoddx sa barra, għaliex il-ġenerazzjonijiet ta’ wara l-Indipendenza nqatgħu ħafna mill-wirt vertikali, jew il-memorja tal-Maltin, u għaldaqstant inħoss li waħda mill-affarijiet li jeħtieġ li nagħmlu b’konvinzjoni imma minnufih hija proprju li nirrikostruwixxu l-memorja/i tagħna bħala Maltin. Maalouf jemmen li t-tradizzjonijiet jistħoqqilhom ir-rispett tagħna biss jekk jirrispettaw il-jeddijiet fundamentali tal-bnedmin. Il-kultura patrijarkali hija parti mill-identità tagħna u tinħass fit-tradizzjonijiet li għandna, iżda żgur li mhix kultura li għandna nqiegħdu quddiem il-Maltin bħala mudell għal żmienna. Din hija kultura li jistħoqqilha l-għarfien kritiku tagħna, imma ma jistħoqqilha ebda appoġġ. Id-diskors ta’ Maalouf huwa ċar ħafna:

Everything that has to do with fundamental rights – the right to live as a full citizen on the soil of one’s fathers, free of persecution or discrimination; the right to live with dignity anywhere; the right to choose one’s life and loves and beliefs freely, while respecting the freedom of others; the right of free access to knowledge, health and a decent and honourable life – none of this, and the list is not exhaustive, may be denied to our fellow human beings on the pretext of preserving a belief, an ancestral practice or a tradition.

Naturalment irridu nirrispettaw l-individwalità ta’ kull ċivilità, imma dejjem skond iċ-ċirkostanzi u b’ċerta “luċidità”. Fil-“ġlieda” tagħna favur ċerti tradizzjonijiet kulturali jrid ikollna viżjoni ċara, rigoruża, għaqlija, la sensittiva żżejjed u lanqas beżgħana żżejjed, viżjoni dejjem miftuħa għall-futur.

© Adrian Grima – Inizjamed | 2001 – 2003


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s