Grazzi lill-Moviment Graffitti tal-organizzazzjoni ta’ din il-manifestazzjoni favur Politika Nadifa u Soċjetà Ġusta u grazzi talli għażiltu lil Manwel Dimech bħala punt ta’ riferiment. Dimech huwa l-kuxjenza politika u umana tagħna, dak li dejjem ifakkarna fil-valuri tax-xellug.
Grazzi wkoll lill-kelliema, André Callus, Immanuel Mifsud, Matthew Borg, Andrea Dibben, u Wayne Flask li fissru tant tajjeb il-qagħda mwiegħra li ninsabu fiha u wasslu r-rabja u l-aspirazzjonijiet tagħna.
Waqt li rridu nikkundannaw bil-qawwa kollha lil dawk li wettqu atti kriminali u abbużaw mill-poter politiku tagħhom, irridu niftakru li nqdew b’sistema li hija mnawra għax hija msejsa fuq il-kompliċità bejn politiċi korrotti u l-interessi ta’ negozjanti sinjuruni.
Irridu nissieltu kontra sistema, kontra mentalità, li ilha magħna għexieren ta’ snin, u li tqiegħed l-interessi tal-ftit magħżulin, tal-cowboys, tax-xarkijiet, kontra l-ġid komuni.
https://www.facebook.com/events/573388656805234/?active_tab=discussion
Għal min ma kienx magħna dalgħodu, dawn huma d-diskorsi li saru. Nisimgħu ħafna tpaċpiċ u ħafna tlablib tal-okkażjoni. Nisimgħu ħafna nies taparsi jitkellmu imma moħħhom biss biex jgħattu xturhom jew biex ma jgħidu xejn. Dawn t’hawnhekk diskorsi mod ieħor.