F’dawn l-aħħar ġimgħat kelli x-xorti ngħallem kors bl-isem ta’ “Letteratura Mqarba” lil grupp ta’ studenti dejjem interessati u entużjasti tal-Università tat-Tielet Età. Il-lectures saru fiċ-Ċentru ta’ Tas-Sliema.
Ħajr lill-Prof. Marvin Formosa tal-istedina biex ngħallem kors ta’ letteratura Maltija, lil Simone Ellul tal-paċenzja bla tarf li tieħu bija fejn tidħol il-loġistika tal-kors, u lil Mark Vella li għamel wieħed mil-lectures u ħejjieli t-triq biex nitkellem dwar ir-Riformisti. Joseph Said dejjem jipprovdi l-apparat kollu li jkolli bżonn – u flixkun ilma. X’nagħmel mingħajrek, Sur Said?
Minħabba ċ-ċentinarju tal-ġrajjiet traġiċi tas-Sette Giugno, għafast fuq ċerta letteratura: Tkellimna dwar “Lit-Tarbija fil-Benniena” (1911) ta’ Manwel Dimech, “Is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919” (1925) ta’ Juann Mamo, u r-rumanz ta’ Mamo Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31).
Imbagħad qbadna l-Moderni: ħarisna lejn L-Ewwel Weraq tal-Bajtar ta’ Alfred Sant (1968), Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut (1971) u l-film Gaġġa, u spiċċajna b’ħarsa aktar dettaljata lejn rumanz ikoniku: Samuraj ta’ Frans Sammut (1975).
Kull ġimgħa nistaqsi lili nnifsi għaliex dawn il-lectures huma esperjenza tant sabiħa għalija. Hemm ħafna raġunijiet. Mhux biss il-ħeġġa tal-istudenti imma anki l-fatt li nista’ niddiskuti ma’ grupp ta’ nies li minkejja li qabżu ċerta età jridu jitgħallmu, iridu jistaqsu l-mistoqsijiet, iridu jinterpretaw. Nies li jgħallmuk il-valur tal-mument, tat-tagħlim, tal-inkontru intellettwali u uman. U bejn lecture u ieħor jaqraw.
Erbgħa minn dawn l-istudenti ġew is-seminar li għamilna bħala Dipartiment tal-Malti dwar “Is-Sette Giugno tal-Letteratura Maltija” f’Tal-Qroqq. Nittama li jkun hemm min minnhom jitħajjar jagħmel id-Diploma fil-Letteratura Maltija meta tiftaħ mill-ġdid f’Ottubru 2020.
Kull lecture jirringrazzjawni ta’ dak li nkun għamilt magħħom. U jien nirringrazzjahom ta’ dak li jgħallmu lili. U mhux biss dwar Malta u l-letteratura tagħna.
https://www.um.edu.mt/u3a/factsandfigures