Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu 2019, f’nofsinhar, taħt it-tinda quddiem il-canteen tal-Università, Tal-Qroqq, intervistajt lil Antoine Cassar dwar Erbgħin Jum.
Dan huwa ktieb ta’ erbgħin poeżija f’poeżija waħda li fiha Antoine jikteb u jitkellem bil-ħila ta’ mgħallem kbir u bil-passjoni ta’ umanista b’qalb kbira dwar in-natura umana u dwar il-poeżija.
Fl-intervista, sena wara l-ħruġ tal-ktieb, Antoine rrifletta kemm fuq il-poeżiji nfushom kif ukoll fuq il-pubblikazzjoni tagħhom.


Fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus fl-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, Adrian Grima se jintervista lill-poeta Antoine Cassar dwar il-ktieb tal-poeżiji tiegħu, Erbgħin Jum, li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. L-intervista se ssir il-Ġimgħa, 29 ta’ Marzu f’12.00pm fuq il-kampus tal-Università, Tal-Qroqq.
Din se tkun konverżazzjoni bejn żewġt iħbieb u poeti li flimkien arrikkew ix-xena letterarja Maltija. Il-Prof. Adrian Grima se jintervista lil Antoine Cassar dwar Erbgħin Jum (EDE, 2017), poeżija mifruxa fuq ktieb sħiħ li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-poeżija f’Novembru 2018.
Erbgħin Jum jittratta t-trawmi tat-tfulija, id-dipressjoni, u l-mixi bħala mezz ta’ terapija, u huwa kandidat għall-premju Gdánsk European Poet of Freedom fl-2020. Cassar huwa wkoll l-awtur ta’ Passaport (2009), ippubblikat fil-forma ta’ antipassaport għall-popli u t-territorji kollha, tradott fi 11-il lingwa, u addattat għat-teatru f’Malta, Franza, u l-Belġju.
Prof. Adrian Grima jifforma parti mit-tim ta’ Inizjamed, l-organizzazzjoni li ttella’ l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta u li ta’ kull sena tlaqqa’ flimkien kittieba u tradutturi minn Malta, il-Mediterran, u lil hinn.
It-tnedija ta’ Erbgħin Jum fi Studio Solipsis kienet esperjenza umana u artistika straordinarja. Dakinhar jien u dawk kollha li konna mdawrin ma’ Antoine, ma’ Mark, Adolf, u Alex għexna mument artistiku li kien, l-ewwel u qabel kollox, mument uman. Dakinhar, il-bniedem kien il-poeżija. Il-poeżija kienet il-mezz li bih Antoine jirrakkonta mumenti personali u tiġrib intimu. Il-poeżija kienet il-poeta.
F’dawk il-versi kien hemm rabja u kien hemm ħelsien; kien hemm ritmu li sar arti. Kien hemm monologu u kien hemm djalogu. Kienet lejla intima u stqarrija pubblika fl-istess ħin. Il-kelma tkellmet u ssieltet mal-mużika, is-skiet mal-istorbju, il-konfrontazzjoni mal-kompliċità umana u artistika.
It-30 ta’ Diċembru 2017 u qisu lbieraħ.
F’din l-intervista nixtieq nistaqsi lil Antoine dwar dik it-tnedija memorabbli. Nixtieq nistaqsih dwar dawn il-poeżiji mimlijin tensjoni u tama, dwar il-funzjoni tal-poeżija llum meta ħafna drabi l-kelma ma tiswiex karlina.
Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2019
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Università qed jorganizzaw is-sitt edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus (FKK), li se jsir fis-27, 28 u 29 ta’ Marzu 2019. Il-Festival jibda fid-9.00am kuljum b’attività wara oħra sal-4pm. Il-Ġimgħa l-attivitajiet se jkomplu sa tard filgħaxija.
L-għan ta’ dan il-Festival hu li jippromwovi l-letteratura filwaqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba biex jiltaqgħu, jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom ma’ udjenza matura bħall-istudenti universitarji. Il-Festival huwa mimli b’attivitajiet li jvarjaw minn workshops u films marbuta mal-letteratura, sa qari u intervisti ma’ awturi, pitturi, illustraturi, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-lingwa, dawriet iggwidati mal-Bibljoteka tal-Università, mużika lokali u għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet oħra.
Il-mistieden speċjali tal-Festival għal dis-sena huwa l-poeta, kritiku letterarju u traduttur Brittaniku Rod Mengham, li l-aħħar ktieb tiegħu Grimspound and Inhabiting Art jista’ jitqies kemm bħala meditazzjoni poetika dwar lok (Grimspound – sit ta’ Żmien il-Bronż li jinsab f’Dartmoor), kif ukoll bħala ġabra ta’ esejs dwar inħawi kulturali. Rod ikun magħna fuq il-Kampus tal-Università għal attivitajiet speċjali waqt kull jum tal-festival. L-Erbgħa, 27 ta’ Marzu, ikun parti minn seminar dwar it-traduzzjoni tal-poeżija, il-Ħamis 28 ta’ Marzu jiddiskuti l-ktieb tiegħu li semmejna hawn fuq ma’ grupp ta’ studenti li jmexxu klabb tal-kotba, u l-Ġimgħa 29 ta’ Marzu l-poeta Antoine Cassar jintervistah dwar il-kitbiet tiegħu. Il-Ġimgħa filgħaxija wkoll Rod se jkun il-mistieden speċjali waqt sessjoni oħra ta’ Palk Ħieles, organizzata minn Inizjamed.
Il-Festival jagħlaq il-Ġimgħa filgħaxija b’gig mill-grupp mużikali Malti The Busker.
Il-pubblikaturi u d-distributuri parteċipi huma BDL, EDE BOOKS, FARAXA BOOKS, HORIZONS, u MIRANDA. Dawn il-pubblikaturi u distributuri se jkunu qegħdin ibigħu l-kotba minn fuq l-istands tagħhom u se jorganizzaw xi tnedijiet ta’ kotba.
L-attivitajiet pjanati se jsiru minn Prof. Bernard Micallef u Dr. Olvin Vella, f’kollaborazzjoni mal-Librerija tal-Università; il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, irrappreżentat minn Prof. Albert Borg u Dr. George Farrugia; l-Għaqda tal-Malti – Università; id-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, irrappreżentat minn Prof. Clare E. Vassallo; l-Arkivji Notarili, irrappreżentati minn Chanelle Briffa; id-Dipartiment tas-Soċjoloġija u l-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien; u Inizjamed. Dawn ukoll fost parteċipanti oħra li jidhru fil-programm tal-attivitajiet meta joħroġ.
Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ huma: l-Erbgħa 27 u l-Ħamis 28 ta’ Marzu mid-9am sal-4pm, u l-Ġimgħa 29 ta’ Marzu mid-9am sa tard. Dħul b’xejn.
Żuru l-paġna tal-Festival fuq Facebook biex taċċessaw il-programm sħiħ tal-attivitajiet, li se joħroġ daqt: https://www.facebook.com/events/281884592429111/
Għal iktar tagħrif jew intervisti iktbu lil Matthew Borg fuq matthew.borg@ktieb.org.mt jew lil Sephora Francalanza fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.