IL-ĦOLMA L-KBIRA
Kien hemm wieħed raġel D. B.
li d-dinja kien jaf kif inhi.
Ried jibni ħa jtir
bilfors torri kbir
u jtajjar dik l-S mill-IT.
VIŻJONI
BIllejl ġietu din il-viżjoni
li jwettaq mal-ħbieb dil-missjoni:
biex jiekol kulħadd
minn dan l-istess platt
sax-xifer tal-indiġestjoni.
SINJURI
Bil-pjan kien imħeġġeġ u kburi
belt ġdida mibnija għas-sinjuri:
sulari bla qies,
ftit siġar għan-nies,
parkeġġ għall-karozzi u l-fjuri.
FLOK DROGI U ĠDUR
Fejn jitfa’ dat-torri rigal?
Fejn hemm biss it-telqa u l-fdal!
Flok drogi u ġdur,
għad jinbet il-fjur,
flok xemx jiġi d-dell ta’ binhar.
BIL-VANN
Għad-drama fis-sala l-Ħamrun
Fejn tellgħu dir-reċta reċtun,
ġabuhom bil-vann,
ħarġulhom il-fann,
u mlew kullimkien bir-riħ sħun.
IS-SUĠĠERITURI
Il-palk kollu miksi bl-atturi,
uħud jirreċtaw ta’ dutturi.
U taħtu, petiti,
ipaċpċu l-periti,
jagħmluha tas-suġġerituri.
L-AĦĦAR XENA
Kif għalqet bil-kbir l-aħħar xena,
fost ferħ u ċapċip kollu hena,
fid-dawl illi idda
bħal leqqet il-fidda
u l-ħadma li ttemm l-aħħar ċena.
IX-XALATA
Suppost wara r-reċta x-xalata
Sqallija bil-linja privata
‘żda baqgħu bir-riħa
spiċċaw il-Mellieħa,
bil-ħolm saru kollha patata