
Wara għoxrin sena koordinatur ta’ Inizjamed u tlettax-il sena koordinatur tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, wasal iż-żmien li nħalli t-tmexxija f’idejn l-imsieħba l-oħrajn ta’ Inizjamed. Aħna dejjem mexxejna flimkien u għalhekk inħobb nuża n-nom “koordinatur.” Ma sar xejn mingħajr l-impenn sħiħ ta’ ħafna nies li wħud minnhom m’għadhomx attivi f’Inizjamed imma s-sehem tagħhom ħalla l-marka tiegħu fuqi u fuqna.
Se nibqa’ involut f’Inizjamed u fil-Festival imma mhux fi rwol ta’ tmexxija: mhux tant għax Inizjamed għandha bżonni imma għax jien għandi bżonnha.
Wasal iż-żmien li nistrieħ u nħalli lil dawk li għandhom iktar enerġija u ideat jieħdu rwol iktar ċentrali u viżibbli ta’ tmexxija. Irrid ukoll nikkonċentra fuq proġetti ta’ kitba akkademika li bdejt żmien ilu u proġetti ta’ kitba kreattiva, speċjalment ta’ narrattiva, li f’dawn is-snin ma stajtx insib biżżejjed ħin għalihom u issa mlebleb biex nispiċċahom. Inizjamed, il-Festival u dawk kollu li jaħdmu fi ħdanhom huma sors kbir ta’ ispirazzjoni anki f’dan ix-xogħol ta’ kitba li nixtieq naħdem aktar fuqu.
Inħossni verament ixxurtjat u onorat li stajt naħdem għal dawn is-snin kollha ma’ nies li jtuk qalbhom u moħħhom u saħħithom u mħabbithom. Għamilt ħafna ħbieb għal għomri u għext esperjenzi li sawruni għal għomri wkoll. Kien hemm waqt ta’ kriżi l-ġimgħa l-oħra meta bżajt li se nitlef kollox, imma għadda wkoll u naf li ħadt id-deċiżjoni li kelli bżonn nieħu.
Kont wkoll ixxurtjat li l-edizzjoni tal-2018 tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta kienet riefnu ta’ kitba mill-aqwa u emozzjonijiet qawwija. Flimkien, matul is-snin, ħadna ħafna deċiżjonijiet żgħar imma kuraġġużi: id-deċiżjoni li nagħmlu l-Festival fil-Forti Manoel kienet l-ikbar deċiżjoni li ħadna dis-sena, u mlietna bl-arja u l-istorja tal-Port il-Kbir u t-tlaqqigħ ta’ kulturi li ra dan il-Port. Imlietna bid-dawl tax-xemx u d-dawl tal-qamar tal-ħbiberija, l-intimità intensa tal-ġebla tal-franka u tal-ansjetajiet qodma li jsawru lil kull bniedem u bniedma u li kapaċi tirrakkontahom il-letteratura ta’ kull lingwa bir-ritmi u l-metafori tagħha. Kont ixxurtjat li kellna grupp ta’ awturi li sebbħu l-jiem tagħna flimkien għal ġimgħa sħiħa u għal dejjem.
Nirringrazzja b’qalbi kollha lil dawk li ħdimt magħhom mill-qrib, li mlewli l-Inbox, li stennew ir-risposti tiegħi bis-sabar kollu, li fakkruni biex inwieġeb, li qagħdu jisimgħuni, u mbagħad, minn fuq, irringrazzjawni. Kif tgħid waħda minna, X’għandi bikom!
One thought