L-Ispazju Intimu tal-Mużika

IMG_2554IMG_2540

Ilbieraħ mort għat-tielet u l-aħħar kunċert tal-PDM fil-bar Offbeat. Kien mument memorabbli u ftakart mill-ewwel fil-ġenn li qabadni meta ftit snin ilu, kważi f’daż-żmien tas-sena (qisu rigal tal-Milied), Bob kien bagħatli seba’ mill-kanzunetti tal-ewwel album, Għera, sitt xhur qabel it-tnedija. Il-ġenn ta’ xi ħadd li ma jistax ilaħħaq mal-ħsejjes, mal-kelmiet u mal-emozzjonijiet kollha li qed tqanqal il-mużika li qed jisma’, il-lirika avventuruża.

Qabadni l-istess ġenn ilbieraħ f’dik il-ġawhra ta’ bar li hemm fit-tarf ta’ Triq ir-Repubblika. Għall-ewwel darba smajt uħud mill-kanzunetti tat-tieni album, Ġuf, li nafhom jitwieldu, jindaqqu bil-kitarra u bil-pjanu. Ir-ritorn tal-kitarra (il-bint il-ħalja li bqajna nistennewha minkejja li għamlet xi sentejn ma tridx taf bina) u l-qrubija tal-ħsejjes tal-mużiċisti ħolqu t-tip ta’ intimità li kapaċi tqanqal il-poeżija, kelma u vuċi waħedha.

Kienu vuċi waħda lbieraħ il-PDM. Qisha konverżazzjoni bejn tnejn min-nies, konverżazzjoni lejl sħiħ. Konverżazzjoni li meta ntemmet baqgħet għaddejja f’dak l-ispazju intimu li nħoloq bejnietna bil-ħila u l-passjoni ta’ BobFrancescoMark, Samwel, u Daniel Sa Nt.

Jien m’iniex mużiċist u ma nifhimx fil-mużika. Li nista’ ngħid bħala xi ħadd li jsegwi x-xena mużikali hu li lbieraħ kien hemm ix-xrar tal-ġenn fil-ħsejjes li ħoloq Daniel fuq il-pjanu sabiħ ta’ Joe Debono fl-Offfbeat. Kien hemm il-maġija fil-vuċijiet, fir-ritmi bla ħniena taz-Zizza, fil-klarinett saħħari u l-perkussjoni ta’ Francesco, fil-polz ta’ Samwel fuq il-bass, fil-lirika tal-Bob.

Forsi inutli nikteb dwar esperjenza daqshekk personali. Għax l-isbaħ mumenti tal-arti huma dawk li tant huma personali li ma tistax titkellem fuqhom. Naħseb li qed nikteb biex ngħid grazzi. Sempliċiment grazzi.

Meta se nagħmlu lejl ieħor nitkellmu, l-aħwa?

 

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s