Waqt l-attivitajiet tal-Jum Ewropew tal-Lingwi 2017, Claudine Borg qrat il-poeżija tiegħi “Tes yeux Alger,” maqluba għall-Franċiż minn Elizabeth Grech (“Għajnejk l-Alġier”). Wara qrat silta mit-traduzzjoni tagħha ta’ Oscar u s-sinjura r-Roża.
Nhar it-23 ta’ Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta ċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Lingwi fi Pjazza Sant’Anna, Tas-Sliema.
Għall-ħames sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università għenet fl-organizzazzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni. Fost l-iskejjel, għaqdiet u ambaxxati li kienu preżenti kien hemm ir-Russian Centre for Science and Culture in Malta, id-DESA, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, l-ALLT, il-Malta Classics Association u l-Malta-Japan Association.
Kull min ġie kellu ċ-ċans isegwi programm varjat b’qari b’lingwi differenti – qari ta’ lingwi Klassiċi mill-Malta Classics Association, qari ta’ sunetti ta’ Shakespeare tradotti għal lingwi varji mid-DESA, kif ukoll qari ta’ kitbiet mill-proġett #WomeninTranslation. Il-pubbliku attenda bi ħġaru u pparteċipa fl-attivitajiet imħejjija fuq l-istands u segwa l-ispettaklu multilingwi offrut matul is-serata.
Matul is-serata tqassmu diversi rigali – fosthom bookmarks bi kwotazzjonijiet meħuda mill-proġett ta’ Women in Translation magħmula apposta għal dan il-jum, kif ukoll fliexken tal-ħġieġ b’messaġġi differenti fihom, flokkijiet, basktijiet u werrejja. Kien hemm ukoll spazju fejn it-tfal setgħu jpinġu. Dawn l-elementi kollha għenu biex titqajjem kuxjenza fuq lingwi differenti.
Il-qofol tas-serata kienet mużika live mill-grupp mużikali Xarulu’ acoustic duo, li daqqew kemm kanzunetti tradizzjonali u oriġinali bil-Malti u bl-Ingliż.
Ħajr lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Ritratti meħuda minn Thomas Scerri.