M’aħniex se nbaxxu rasna

 

Poeżija ta’ Adrian Grima (Lulju 2017, Pembroke, Malta)
Mużika: Abstract Glitch Downtempo ta’ lifeplanetearth (Envato Market)
Rikording u muntaġġ: Samuel Attard

Iddedikata lil dawk kollha f’Pembroke u fi nħawi oħra ta’ Malta li huma impenjati favur rispett lejn l-ambjent li jgħixu fih.

 

 

Kumment tal-Prof. Sandro Caruana

Iktar milli poezija, din hija karba ta’ ħabib u kollega, li ningħaqad magħha jien ukoll. Kemm-il darba għidna ‘suppost’, kif jgħid Adrian fil-versi tal-poeżija? Kemm drabi nisimgħu bl-arja ta’ madwarna li qed titniġġes u bl-ispazji li gawdejna meta konna żgħar li m’għadhomx jeżistu?

Forsi llum aktar minn qatt qabel wasal iż-żmien biex nagħtu sens ta’ umanità lill-preżent u lill-ġejjieni tagħna u ta’ wliedna. Għalhekk m’aħniex se nbaxxu rasna, għax ma nistgħux inwarrbu lill-“art u d-dawl u n-nifs li writna”.

 

M’AĦNIEX SE NBAXXU RASNA

Suppost inbaxxu rasna, nibqgħu siekta,
Nikkuntentaw bil-loqom tal-futur.
Nintefgħu f’ġenb biex jiġru fostna l-gafef,
inwarrbu biex inħallu r-rota ddur.

Suppost inxammru l-kmiem, immiddu jdejna,
Kull roqgħa xagħri u blat, kull ftit ħamrija,
naraw kif se nħaffruha, kif nibnuha,
nisquha l-juice tal-konkos bħal tarbija.

Suppost noħolmu kbir bil-bini għoli
Biex bħall-allat immissu d-dawl tas-sema.
Imbagħad mill-isqaqien, qalb trab u skużi,
Inlaqqtu d-dlam u l-ġenn li jkun inġema’.

Imm’aħna mhux biħsiebna nbaxxu rasna.
Lil ħalqna m’għandna ebda ħsieb nagħlquh.
Għax l-art, id-dawl, għax l-arja ġid komuni,
tal-ħlejjaq kollha b’nifs u b’qalb u b’ruħ.

M’aħniex se nobżqu fl-arja għal ġo f’wiċċna
nagħmluha tal-allat tas-sema u l-art.
M’aħniex se nilbsu l-għamad, ngħaddu gaffa,
u nwellu lil uliedna trab u mard.

Xammarna l-kmiem għax għandna ħolma ċkejkna
li kull maħluq, sal-inqas ħlejqa msejkna,
jistħoqqlu jgawdi l-ward li jfuħ f’ħajjitna,
jistħoqqlu l-art u d-dawl u n-nifs li writna.

Adrian Grima
Pembroke | 19.7.17

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s