Jikteb Walid Nabhan | Il-21 ta’

Sbatax-il sena ilu kien ċempilli xi ħadd u qalli li ħa jagħmlu diskorsata fuq il-Palestina f’bieb il-Belt, u li l-ambaxxata tagħna bagħtuh għandi. Qbadt u mort, l-aktar bil-mistħija, għax ma ridtx awtopsja oħra fuqi nnifsi. Dan ir-raġel irqajjaq u bin-nuċċali u jalla kienx bis-sandli li kien qed imexxi d-diskorsata ħadli b’idejja qabel naħrab u qalli bi kliem azzar qatt ma jinsewh widnejja: “ħa nagħmlu serata ta’ qari l-Imħażen ta’ Caraffa, ħa nniżżlek fil-lista ta’ kittieba!” Kittieba?! Sa dik il-minuta ma kellix kelma waħda mħażża bil-Malti. Dan ir-raġel irqajjaq u gustuż li għamilni kittieb ma kien ħadd ħlief Adrian Grima, il-poeta u l-edukatur u jalla għadx għandi containers tal-ikel tas-sinjura tiegħu, wieħed minnhom miktub fuqu bil-marker u ma jrid imur b’xejn; ‘Samwel Grima’.
Xi mkien kont ktibt – metaforikament – li lest inħobb jew nobgħod pajjiż sħiħ minħabba wiċċ wieħed. Adrian Grima mhux sempliċiment poeta awlieni u ħassieb ta’ pajjiżu, iżda ‘ħallieq’ kbir ta’ awturi u kittieba u jien wieħed minnhom. 17-il sena ilu kelli npoġġi bil-qiegħda u nikteb b’lingwa mhux tiegħi biex insikket il-ħarsa sikkina tiegħu.. Bejn li emmen fija u emment fih, illum għandna aktar minn għaxar kotba bejnietna, u min jaf kemm influwenza nies aktar.. Grazzi Adrian talli emment fina. Il-ferħa tiegħi mhux meta nniedi l-ktieb tiegħek l-Eġittu (dalwaqt). Il-ktieb tiegħek m’għandux x’jaqsam miegħek; dak xi ħaġa għal Malta. Il-grazzi privata tiegħi meta nżuru l-familja tiegħi flimkien f’Marzu, u dduqu l-ħobża u l-melħa tagħna.. Oħti diġà qed tinkwieta fuq x’jogħġobkom u ma jogħġobkomx u sabaħ u dalam.
Ma nistax ma nindirezzax is-sehem tad-deheb ta’ seħibna Murad Shubert, poeta mill-ifjen, li qatta’ l-iljieli jaħdem miegħi fuq il-metafora t’Adrian, u lil Adel Bishtawi u Elias Khouri, żewġ kittieba Għarab kbar li dawlu x-xogħol bil-pariri tagħhom u rrifjutaw li jieħdu ċenteżmu wieħed. Lil dawn in-nies nibqa’ nafhulhom.
Jikteb Walid Nabhan | L-24 ta’ Jannar 2017
Il-kelma ta’ Adel Bishtawi fuq il-qoxra t’Adrian Grima.
“Il-Waqfiet ta’ Poeta Feniċi ġo Baħar ‘Bla Fejn'”
“Bħal baħri Feniċi fil-baħar Nofsani tal-qedem, iħuf Adrian Grima bejn l-istazzjonijiet umani, ġoċ-ċafċif tal-ilma infinit. Id-dgħajsa tiegħu mtaqla bil-poeżija, ġejja mill-kuxjenza tan-nies li ħaqqaqha magħhom, u mill-emozzjonijiet li jridu jinħelsu mill-jasar tal-kustilji u mhux jistgħu. Din il-ġabra xhieda żgħira ta’ dak li ra Adrian u sema’ u ħabrek u ġarrab u xtaq jirranġa. Fiha titħallat d-disperazzjoni mat-tama, it-tbatija mas-salvazzjoni u d-diqa mal-ferħa biex jagħtuna antoloġija li tnixxi profonditá u trasperanza. U estasi li ma tixbaħ lil xejn ħlief id-deħxa ta’ din l-damma”.
Ta’ min ma jiddejjaq xejn li jiżvela li dan il-ħassieb veteran kien sabli numru imbarazzanti ta’ żbalji fit-tpoġġija tal-Hamzah waħidha, l-ewwel alfabeta fil-lingwa tagħna! (mingħandu tgħallimt li m’għandnix qbil ortografiku fuq għandhiex tinkiteb jew tridx tiġi antiċipata) – logħba perikoluża li ma trid xejn biex toqtol it-tifsira kollha.. Għallinqas qlajt ‘proset’ fuq il-metafora.
Għad għandna taħwida enormi ta’ kif tikteb Gilgamesh, hux Gilgamesh jew Ġilġamesh jew Kilkamesh jew Għilgħamex jew elf ħaġa oħra li jistgħu jaffettwaw il-ġrajja u t-tifsira.. Xjentifikament mort għall-pronunzja u l-ortografija tal-Mesopotamja peress li ‘ħadd ma jifhem l-isqaqat ta’ Mekka daqs in-n-nies tagħha’.. Ma rridx nikkategorizza imma m’hemm ħadd li jaf il-qoħob u l-ġmieli tal-Għarbi daqs l-Iraqqini, jinsabu fhiex jinsabu u dan m’għandux jitħallat mal-firda pjuttost aktar minn lingwistika.
Jikteb Walid Nabhan | It-30 ta’ Jannar 2017
Xebgħu jiktbuli fil-privat biex kemm jista’ jkun, kelma nieqsa aħjar minn żejda. Ħa nagħmilha ċara u tonda u nispera li għall-aħħar darba, biex ħadd ma jinkwieta fuqi la fil-privat u lanqas fit-triq; kelma żejda fil-fehma tiegħi aħjar minn miljun nieqsa. Abbli li ġejna fhiex ġejna għax dejjem gdimna dik il-kelma nieqsa.
Għada ħa nkun il-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb tal-Kajr biex inniedi l-ktieb ġdid t’Adrian Grima bil-Għarbi, u nġib miegħi ftit kopji ovvjament bien inqassmuhom. Dan jekk ma jaqtgħulniex rasna tal-Azhar al-Sherif li nerġa’ nisħaq li m’huwa Sherif xejn u li qatt ma rajt tostaġni daqs tagħhom. Biżżejjed ngħidu li kull wieħed għandu żaqq daqs dinja bil-kontemplazzjoni u s-sawm! Issa mhux waqthom, u rrid ‘nistħi naqra’ peress li filgħodu sejjer f’darhom!
Dal-ktieb inqisu l-kuruna tal-mixja tiegħi kollha. Forsi l-kotba l-oħra li ħriġt tajbin dak mhux xogħli li ngħid imma nista’ ngħid li kollha kienu f’direzzjoni waħda, qissa qlibna s-sekwenza u l-moħħ bilfors kellu jaħdem mil-lemin għax-xellug. Għax ma kienet tagħmel ebda sens li wara 25 sena nofshom inpaċpaċ li jien kittieb u ma nagħti l-ebda ktieb lin-nies tiegħi!! Almenu biex ngħidilhom fejn kont qiegħed dawn il-25 sena jew aktar. Il-ktieb t’Adrian apparti li jitkellem għalih waħdu, jirrefletti l-kuxjenza u l-mentalitá, u s-sensitivajiet u l-aspirazzjoni kollettiva Maltija li qgħadt b’elf għajn biex joħroġ il-karattru Malti ġenwin li nafu u minħaba f’wiċċu bqajt imwaħħal ħajti kollha Malta.
Fid-daħla importanti (li għadni ma nafx meta ħa naqlibha għall-Malti) ikkoreġajna liż-żibel mhux oġġettiv u mhux lingwistiku li qal Ahmad Faris Shidyaq 1805 – 20 September 1887, fuq Malta u l-Maltin. Biss biss għandu żewġ vrus tgħidx kemm huma velenużi. Ma tistennhiex minn intellettwali ta’ dak il-qis. Abbli għax qabbduh l-Ottomani li għamel ħajtu jsefter għalihom. Ikkoreġajna minnufih it-tħarrif tiegħu li l-Malti ‘Għarbi mħassar’, u spjegajna kif din il-lingwa wara Pietru Caxaro għażlet żejża oħra, u ilha s-sekli ma tieħu kelma waħda mġiddma mill-Għarbi ħlief forsi ‘kebab’ u terġa’ Ottomana!!. Lingwistikament u ma nafx jiddispjaċinix talli ħa jkolli nitfagħha mingħajr ma qatt kont lingwista, imma għandi l-wiċċ ngħid li trid tkun ħmar biex tgħid li l-Malti Għarbi.
Tkellimna wkoll (għalfejn qed nuża l-plural?) fuq ir-relazzjoni ta’ Malta ma’ ġirienha l-Għarab u kif serviet bħala pulmun għall-poplu Għarbi Libjan meta kien taħt il-lembuba tas-sanzjonijiet internazzjonali. Għedna wkoll li hemm rabtiet intimi u aktar minn għaxar telef żwieġ bejn dawn iż-żewġ popli minkejja t-tpaċpiċ sterjotipiku fuq iż-żewġ naħat ‘paroli’.
Naħseb li nista’ ma naqlibx id-daħla, l-aħħar u l-itqal ħaġa li stqarrajt u ħa nerġa’ ngħidha; qatt ma ħassejtni konfuż u ma nafx s’naqbad nagħmel biex ‘naqlibha’ lil sieħbi, għax it-traduttur mhux biss mitlub biex jaqbad il-melodija u l-kliem li jappella għall-widna, iżda wkoll u din aktar importanti, il-kimika ġewwenija u t-taħlita kreattiva eżatta li kienet f’ras il-poeta. Nammetti li l-ħbiberija t’Adrian (apparti li tgħidx kemm dejjaqtu) kienet fattur kruċjali biex naqrah minn ġewwa, u nħoss x’kien qed iħoss hu. It-tieni fattur kbir kien il-ġenerożità tal-Għarbi, minkejja li ġieli għamilna lejl sħiħ jien u sieħbi Murad Shubert (poeta Marokkin b’rikkezza Għarbija li xebgħet tembarrazzani) nippassiġġaw biex insibu l-kelma x-xierqa. Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dan il-poeta Andalusjan talli ta aroma patikolari lil dan il-ktieb, kultant billi ssuġerixxa kelma waħda! u ġieli wara lejl sħiħ jippasseġġa.. Kont ħbatt ma’ biċċa informazzjoni interessanti fin-narrattiva tagħna li rrid nitkixef sew fuqha, li Caxaro u xi ħadd minn sħabu kienu jitilgħu l-Fiera tal-Poeżija f’Córdoba u Granada; paġni mill-isbaħ ta’ tollereranza bnedmija bejn it-tlett fidi li suppost qegħdin jaduraw lill-istess Alla.
Wieħed mill-aktar mumenti li sammruni f’dan il-vjaġġ kollu, jien f’lejl minnhom naħdem fuq xi poeżija t’Adrian fuq l-aħħar ġranet ta’ missieru, kienet ġa fleġellatni waqt waqt it-tnedija ta’ Klin, imma sa dak il-ħin kienet għadha fuq missieru. Malli subgħajja qalbuha għall-Għarbi tfaċċa missieri, bir-ras iebsa tiegħu li ma kinitx taċċetta farka waħda umiljazzjoni, sal-limitu li qabad u miet jumejn wara li rrealizza li x’aktarx ħa jiġi bżonn Ċekku u Peppi u ras żikki! Għalhekk importanti li nitkellmu u nitgħallmu u nissellfu u neqirdu lil xulxin. Inħoss li dan il-ktieb pass korrett fid-direzzjoni t-tajba.