F’din il-konferenza organizzata mill-kollegi tagħna tad-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, jien se nitkellem dwar in-novelli ta’ Clare Azzopardi fil-ġabra Kulħadd Ħalla Isem Warajh. L-intervent tiegħi se jkun jismu, “Id-Diskors, il-Gideb u l-Iħirsa tal-Preżent.”
Dan l-istudju jħares lejn il-protagonisti tan-novelli ta’ Kulħadd Ħalla Isem Warajh ta’ Clare Azzopardi u r-relazzjoni tagħhom mal-kelma li toħloqhom u toħnoqhom, mal-verità li tgiddibhom, mal-finzjoni li jinqdew biha biex ikunu jistgħu jirrakkontaw lilhom infushom lil dawk li jagħżlu li jisimgħuhom u fl-istess ħin il-finzjoni li jistaħbew warajha biex iħarsu, jew saħansitra jħassru, il-fraġilità u l-frammentazzjoni tagħhom. L-istudju jħares lejn ir-relazzjoni kumplessa li dawn il-karattri għandhom mar-rakkont tagħhom, mal-mod kif isawruh u jsawwarhom, u mal-mod kif, minkejja l-logħob li jilagħbu, jikxifhom. Michel Foucault jitkellem dwar l-għera ddikjarata meta xi ħadd jistqarr li qed jitkellem.
Ħafna mill-karattri huma ossessjonati bl-imgħoddi problematiku tagħhom. Għax minn banda, l-imgħoddi għadda, iżda mill-banda l-oħra, kif tgħid Amal Treacher Kabesh, “there is always the continual threat of the repressed or indeed the oppressed.” Il-moħħ huwa palinsest, rakkont li jinbena fuq ieħor, imma li ma jistax iħassru. Hemm karattri li jridu jneħħu t-traċċi ta’ dak li għadda mingħalihom; hemm oħrajn li jridu jtellgħuh fil-wiċċ biex iħassar il-preżent. Il-moħħ palinsest fih il-passat soċjali u politiku, għax jinstab fi djalogu kontinwu mad-dinja u jieħu dak li hu estern u jara kif jagħmel biex joħloq rappreżentazzjonijiet interni ta’ dak li jsib hemm barra. Dak li jseħħ barra jsir parti minn dak li hemm ġewwa, fil-moħħ, fl-inkonxju.
