Djamantini

djamantinifcover_183x132FIs-sena skolastika 2014-15 għamilt sensiela ta’ lezzjonijiet ta’ kitba kreattiva mal-istudenti tal-ħames klassi tas-sekondarja ta’ Pembroke ta’ Sandhurst. Tlabt lill-istudenti biex jiktbu storja ta’ mhux aktar minn 250 kelma dwar il-ħbiberija u l-lezzjonijiet kienu marbutin b’mod dirett ma’ din il-biċċa xogħol. Lill-istudenti tlabthom biex ma jużawx l-ewwel persuna fil-kitba tagħhom u biex jikkunsidraw ħbiberiji ta’ kull tip.

Dawn is-sessjonijiet ta’ kitba kreattivi, li għamilthom f’koordinazzjoni mas-Sa Joanne Camilleri, għalliema tal-Malti ta’ dawn l-istudenti, u mas-Sa Sharon Micallef Cann, kap tad-Dipartiment tal-Malti, kienu parti mill-proġett Mit-Tfal għat-Tfal b’Qawsallet il-Kliem. Il-ktieb Djamantini huwa frott ta’ dan il-proġett. Fil-ktieb hemm storja qasira li ktibt bl-isem ta’ “Ħabta” bħala parti mill-proċeess kreattiv mal-istudenti. Il-kitbiet tagħhom jidhru f’dan il-ktieb. Proset tassew lilhom ilkoll.

Mal-istorja qasira tiegħi hemm tpinġija tal-artista C. S. Lawrence li tinterpreta l-istqarrija tiegħi li għalija, “Il-lingwa Maltija tirrakkonta l-kontemporanjetà.” Dan huwa ritratt, mhux partikolarment tajjeb minħabba r-rifless tad-dawl, tat-tpinġija.

Pittura oriġinali ta' C. S. Lawrence li tidher fil-ktieb Djamantini (2015).
Pittura oriġinali ta’ C. S. Lawrence li tidher fil-ktieb Djamantini (2015).

Bħala parti mill-proġett ukoll, Sharon talbitni kumment dwar xi tfisser il-letteratura għalija. Jien ktibt hekk:

Bħal ġenn perfett il-letteratura. Il-kelma li toqmos bla kwiet fis-sentenza, stramba, mhux fil-post normali tagħha. Imma mimlija emozzjoni, mimlija passjoni. Il-kelma mqarba. Il-kelma li minkejja li mhix f’postha jekk tqisha bil-kejl normali tal-lingwa, meta taraha fil-poeżija, fin-novella, fir-rumanz, tħoss ġo fik li tinsab eżattament f’postha, li m’hemmx post aħjar għaliha, li m’hemmx kelma aħjar għal dak il-post. Il-letteratura għalija hija l-maġija tar-rakkont. Il-perfezzjoni interna tagħha.

Il-qligħ kollu mill-bejgħ ta’ dan il-ktieb se jmur biex jinxtraw għadd ta’ kotba u riżorsi għat-tagħlim tal-Malti, li se ngħadduhom lill-Paediatric Adolescent Unit (PAU) ġewwa l-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo,  għall-klassi li għandhom fl-istess sala.

Djamantini huwa antoloġija li fiha se ssibu tiżwiqa sabiħa ta’ ġeneri ta’ kitbiet differenti fosthom stejjer, poeżiji u kanzunetti, ilkoll miktubin minn studenti ta’ etajiet, livelli u nazzjonalitajiet varji. Se ssibu wkoll 23 kitba oriġinali li awturi, kantawturi u personalitajiet sinonimi mal-lingwa u l-letteratura Maltija kitbu speċifikament għal din l-antoloġija. Flimkien ma’ dawn il-kitbiet hemm festa ta’ tpinġijiet minn erba’ illustraturi. Partikolarità oħra għal min iħobb l-ilsien Malti hija li qabel il-kitbiet tal-personalitajiet, hemm 23 pittura mpinġija mill-artista Caroline Said Lawrence skont dak li għal dawn il-personalitajiet tfisser il-lingwa Maltija. B’hekk f’dan il-ktieb il-lingwa Maltija mhux biss qed tiġi rrappreżentata f’ġeneri ta’ kitba minn individwi differenti imma wkoll f’pitturi mill-isbaħ.

Djamantini huwa ktieb li permezz tiegħu se nterrqu fuq vjaġġ mill-isbaħ fejn il-metafori, it-tifsir, il-kliem, l-emozzjonijiet u l-lingwa jitħalltu mal-kuluri, mal-interpretazzjoni u mal-ħsieb. Fużjoni mill-isbaħ ta’ dak li tfisser għalina l-lingwa Maltija.
Il-ktieb tnieda mill-President tar-Repubblika u l-Ministru tal-Edukazzjoni waqt attività li saret fil-Palazz tal-Verdala fit-2 ta’ Novembru 2015.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s