Il-Poeżiji ta’ Doreen Micallef u Studji Dwarha

Doreen Micallef_Il-Poeziji


Waqt il-Festival tal-Ktieb, l-Akkademja tal-Malti se tbigħ is-sett sabiħ taż-żewġ volumi ddedikati lil Doreen Micallef: il-poeżiji u l-atti tal-konferenza li kienet saret f’ġieħha fit-3 ta’ Diċembru 2011 fil-Kavallier San Ġakbu.

Dan is-sett editjah Victor Fenech u ż-żewġ kotba flimkien qed jinbiegħu €12 għal żmien il-Fiera. Mill-ħwienet se jkunu €15.

Fil-ktieb tal-Konferenza hemm intervent tiegħi bbażat fuq korrispondenza li għaddiet bejn Doreen Micallef u l-awtur Malti-Awstraljan Joe Saliba, li t-tnejn li huma m’għadhomx magħna. Il-kitba jisimha “Intimità Pubblika. Ħames Ittri ta’ Doreen Micallef lil Joe Saliba.”

Doreen Micalef_Il-Konferenza


L-Akkademja tal-Malti, li s-sede tagħha hi “Dar Doreen Micallef” fil-qalba tal-Belt, qed tagħti ġieħ lil din il-poeta kumplessa bil-ħarġa ta’ żewġ kotba dedikati għaliha. Dan hu proġett li ilu jinħadem ħmistax-il xahar u issa se jkun għall-bejgħ waqt il-Festival tal-Ktieb ta’ din is-sena. L-ewwel ktieb jikkonsisti minn għadd kbir ta’ poeżiji mir-repertorju sostanzjali tal-poeta, fosthom uħud li qed jidhru għall-ewwel darba, bħall-poeżija twila Psike li tista’ titqies bħala s-‘selfie’ poetiku tagħha. It-tieni ktieb jiġbor it-testi kollha li kienu nqraw minn diversi kritiċi u akkademiċi waqt konferenza dwarha fl-għaxar sena minn mewtha.

Skont il-Professur Peter Serracino Inglott “Fil-poeżija ta’ Doreen Micallef teżisti proġettazzjoni interessanti ta’ bosta kunċetti preċiżi jew mera ċara ta’ ruħ il-poetessa”, waqt li l-Profesur Oliver Friggieri itenni li “Micallef tippreżenta l-kriżi tat-twemmin, bla ma tasal tagħżel bejn twemmin f’Alla u twemmin fil-bniedem… L-intimiżmu tagħha jitlaħħam  fi lsien minnu nnifsu ripetittiv, ritwalistiku, litaniku … L-għadab hu rassenjat u l-kalma hi kemm kemm ironika daqskemm hi wkoll provokatorja.”


Din hi l-introduzzjoni tal-istudju tiegħi.

Adrian Grima

Intimità Pubblika

Ħames Ittri ta’ Doreen Micallef lil Joe Saliba

Joe Saliba 1
Joe Saliba

Bejn Mejju u Diċembru tal-1967, Doreen Micallef, ta’ tmintax-il sena, kitbet sensiela ta’ ħames ittri minn 12/1, Andrew Str, Valletta lil Joe Saliba, il-poeta Malti-Awstraljan, li dak iż-żmien kellu 26 sena. Saliba sar jaf lil Doreen Micallef dik is-sena meta niżel Malta mill-Awstralja biex jippubblika t-tieni ktieb ta’ poeżiji tiegħu bl-isem ta’ Ferħ, Biki u Poeżija. Flimkien man-namrata li kellu dak iż-żmien, iltaqa’ u tkellem magħha ħafna drabi fid-dar tal-ġenituri tagħha u mkejjen oħra. “Tkellimna fuq ħafna suġġetti u fetħet qalbha miegħi fuq għadd ta’ problemi li kellha.” Dak iż-żmien kienet diġà bdiet tikteb u tippubblika xi xogħol minn tagħha.

Meta kien għadu Malta Doreen Micallef kitbitlu xi ittri u mbagħad bagħtitlu l-aħħar ittra wara li reġa’ lura l-Awstralja. F’dawn il-ħames kitbiet bikrin titkellem b’intensità emottiva u filosofika dwar it-tbatija tagħha bħala persuna. Dan ma jgħoddx għall-ittri ta’ Dun Karm lil Karmen Mikallef Buħaġar: Għalkemm Dun Karm juża l-istess mezzi fil-poeżija u fl-ittri, “il-poeżija bħala regola titla’ f’livell wisq ogħla għallinqas għaliex ma tibqax lura fl-espressjoni, ladarba l-lingwaġġ indirett tal-poeżija jagħtih kunfidenza wisq akbar;” min-naħa l-oħra, fl-ittri huwa mmexxi, skont Oliver Friggieri, minn prinċipju morali iktar milli estetiku, għaliex “is-sentiment m’għandux jingħata ħelsien sħiħ,” kif jingħata fl-ittri ta’ Doreen Micallef, “la bħala esperjenza u lanqas bħala espressjoni miktuba” (15).

Fl-istess ħin, Doreen Mikallef turi passjoni kbira għall-qari tal-poeżija u titkellem dwar dak li tfittex fiha, il-ħsieb għoli u l-element filosofiku, speċjalment dak li jkun aċċessibbli għal firxa kbira ta’ qarrejja. Minkejja l-età żagħżugħa tagħha, tesprimi opinjoni qawwija dwar uħud mill-kittieba magħrufin ta’ żmienha, u turi fil-miftuħ l-ammirazzjoni tagħha għal Karmenu Vassallo, Rużar Briffa u Francis Ebejer. Fit-tematika u l-istil ta’ dawn l-ittri, Doreen Micallef turi li temmen, bħal Joel Spingarn għexieren ta’ snin qabilha, fil-”ġenn essenzjali” tal-espressjoni poetika: “not something for the physician to diagnose, but fancy’s eternal contrast with the common sense of a practical world” (Durgin 174). Il-poeżija tridha titkellem dwar il-ħajja ta’ kuljum, imma tridha wkoll timraħ lil hinn minnha.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s