Adrian Grima, Klin u Kapriċċi Oħra (Klabb Kotba Maltin, 2015)
Kummenti dwar dawn il-poeżiji minn Clare Azzopardi, Norbert Bugeja, Elizabeth Grech, u Rodolfo Häsler
Ritratti ta’ Virginia Monteforte tat-tnedija li saret fit-teatru ta’ Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, fit-30 ta’ Settembru 2015



Xi kultant, m’hemmx bżonn kliem. Diġà nafu kull rakkont, kull kapriċċ, kull riħa, kull togħma, kull weġgħa. Imma Adrian Grima jazzarda jerġa’ jirrakkonta kollox mill-ġdid u kull rakkont (mhux b’kapriċċ) jinqabad fi spazju kkumplikat. Qisu seħħ, qisu ma seħħx. Qisu hemm fih sekli sħaħ, inkella l-baħħ. Kien hemm waqtiet, jien u naqra dawn il-poeżiji, meta nqbadt f’baħar qadim u ltim, qalb ir-riħa taż-żejt u l-klin. U kien hemm mumenti oħra meta sibt lili nnifsi fi spazju (s)komdu fejn il-ħin ma jasalx. Ħassejtni sospiża bħall-malvizzun qalb ħafna skiet mitluq.
Clare Azzopardi


Ir-rabta li jibni Adrian Grima mal-qarrejja tiegħu hi waħda ħajja u organika – relazzjoni li ma toffrix sentiment irħis u dirett, imma għodod ta’ ħsieb intiżi biex inibbtu fina sens ta’ viġilanza u sensittività għall-qasmiet u l-feriti umani li jdawruna. Hi u tosserva l-balla Iżraeljana ttir, il-poeżija ta’ Grima tgħallmet il-qawwa letali u l-kalkolu preċiż tat-tiċrit – imbagħad, b’sengħa kbira, bdiet “iċċarrat” hi wkoll. Imma għall-kuntrarju tad-dum dum, ma tqattax vini u muskoli u arterji. Iċċarrat, minflok, is-silenzji tqal li jħallu għaddej it-tixrid tal-mibegħda razzjali u soċjali, iċċarrat l-aljenazzjoni li għadha tippermetti l-isfruttament tal-operaturi ż-żgħar fin-Nofsinhar Globali, iċċarrat il-miti tal-“progress” neoliberista ta’ żmienna li ħalla komunitajiet sħaħ fgati fir-rima tiegħu, iċċarrat l-ewfemiżmi li ninqdew bihom maġenb is-sodda tal-mewt. Iċċarrat, fi kliem ieħor, il-laħam il-ħaj tal-kuxjenza.
Norbert Bugeja

Adrian Grima huwa wieħed minn dawk il-poeti artisti li jafu jħaddmu l-lingwaġġ poetiku u jesperimentaw b’delikatezza imma b’id soda. Mhux biss inaqqax il-mumenti, ipinġi l-pajsaġġi, u jesprimi l-emozzjonijiet, imma fuq kollox isemma’ leħnu fuq għadd ta’ inġustizzji. Adrian jirreaġixxi għall-mistoqsijiet eżistenzjali l-kbar u għall-isfidi attwali, bħal dik tal-kummerċ ġust, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-tniġġis, il-migrazzjoni, u l-gwerer. Hu jistedinna, qabelxejn, biex nagħmlu vjaġġ permezz tas-sensi tax-xamm u l-ħars, permezz tas-sensi kollha, vjaġġ li fih l-imħabba għall-ħajja timxi pass pass mal-impotenza umana quddiem il-mewt.
Elizabeth Grech

Il-poeżija ta’ Adrian Grima għandha relazzjoni intensa ħafna mal-ħajja, ma’ dak kollu li jseħħ madwarna f’dan il-mument diffiċli ta’ tibdil. Togħġobni l-preżenza qawwija tal-uġigħ f’dan il-mument tagħna, iżda hemm ukoll l-imħabba, it-tenerezza, it-tiftixa għall-ġmiel importanti. Fix-xogħol tiegħu hemm l-etika tal-ħajja, xi ħaġa li nemmen li hija neċessarja ħafna llum, li ma ninsewx il-ħajja, li ma ngħixux sempliċiment il-ħajja ta’ poeta. Kultant huwa xogħol iebes fit-ton tiegħu, imma anki teneru, personali ħafna, bl-emozzjoni ta’ dinja mbiegħda aħjar minn din li tista’ tħossha u li teżisti fil-moħħ tal-poeta, u għalhekk fil-moħħ tagħna lkoll.
Rodolfo Häsler




