
Ilbieraħ kelli x-xorti kont preżenti għall-ewwel minn tliet kunċerti tal-ewwel ċiklu ta’ Kelma Kelma Nota Nota 2015, Il-Kunċert tal-Qaddisin.
Ħadt gost għax il-produzzjoni kollha sellmet lill-kultura Maltija tal-passat u tal-preżent b’idjoma kontemporanja, b’enerġija kreattiva li ftit li xejn taraha f’ħafna produzzjonijiet Maltin li mhumiex għajr kopja ta’ produzzjonijiet popolari barranin, jew klonazzjoni tagħhom. Il-Kunċert tal-Qaddisin jissogra jikkrea. Jissogra jitnebbaħ mill-kultura popolari tagħna u joffriha bħala prodott kulturali għal-lum,
Ray Calleja kien versatili u divertenti, bħal dejjem. Mexxa l-kunċert b’qalb kbira u għamel dak kollu li kapaċi jagħmel Ray fuq il-palk. U iżjed.
Daniel Cauchi u l-Big Band Brothers ħadu gost huma u taw gost lilna, b’ħoss mimli enerġija u fl-istess ħin dixxiplinat. Qatt ma ħadt gost daqshekk nisma’ “Il-Kalendarju,” (kanzunetta li kien ikanta Tony Gauci), u kanzunetti popolari oħrajn.
U t-testi ta’ Michael Spagnol ikkonfermaw għaliex Kelma Kelma hija inizjattiva kreattiva u intelliġenti li xegħlet l-immaġinazzjoni tan-nies. Tal-Philips tajba wisq.
X’jonqos? Jonqos il-kunċerti tal-Erbgħa u l-Ħamis, fid-9.00pm fi Pjazza Teatru Rjal. U mbagħad il-kunċerti tal-Koffee Morning ta’ Lulju u t-tielet ċiklu ta’ Awwissu.
Mhux se ngħidilkom biex ma titilfuhx. Dik biċċa tagħkom.