Klessidra

ImageHorizons ippubblikat l-antoloġija tal-poeżiji ta’ Lillian Sciberras, Klessidra. Versi taż-Żmien Maħrub, b’daħla kritika tiegħi bl-isem ta’ “Kaxex Umdi tat-Tfulija.”

Fi Klessidra l-kittieba tirrifletti fuq iż-żmien li tar darba għal dejjem, ħaj biss fil-memorji miktuba jew f’xi bitħa mbiegħda tat-tfulija. F’dan il-ktieb jinġabru flimkien ħsibijiet u emozzjonijiet mis-snin sebgħin sal-lum – djarju li jirrakkonta ħajja personali ta’ episodji ta’ mħabba, ta’ niket u telfien, tal-isbaħ jiem tal-ħajja, kif ukoll ta’ rabja fejn din tkun meħtieġa. Il-versi ta’ Lillian Sciberras jixtarru l-univers dejjiemi b’mistoqsijiet dwar postna ġewwa fih. Jiċċelebraw ukoll is-seħer ta’ ħolqien li, għalkemm mifrux kullimkien madwarna, mhux dejjem lesti nindunaw li jekk ma noqogħdux attenti nispiċċaw nitilfuh.

Din hija l-konklużjoni tal-istudju tiegħi:

Ebda persuna, mara jew raġel, ma tista’ tikkrea mill-ġdid l-Istorja kollha kemm hi, imma hija kapaċi, u għalhekk għandha toħloq mill-ġdid l-istorja personali u kollettiva tagħha. Biex dan iseħħ, irridu nirrispettaw il-ġisem u l-opinjonijiet ta’ kull persuna. U kull persuna trid tkun konxja tal-obbligi tagħha, u tiġġudika hi stess id-deċiżjonijiet li tieħu. Irigaray targumenta li ħadd m’għandu jemmen, għax dan il-fenomenu psikiku u soċjoloġiku jiġġenera l-qawwiet artifiċjali li huma perikolużi. It-twemmin jeqred l-identità u r-responsabbiltà u jmur kontra dak li tgħallimna l-esperjenza (Irigaray 20-21). Mill-bidu nett, anki jekk jista’ jkun li ma taqbilx ma’ Irigaray dwar il-forza manipulatriċi li kapaċi jkollu t-twemmin, il-poeżija ta’ Sciberras hija stqarrija ta’ fidi fir-responsabbiltà tal-persuna li tfassal it-triq tagħha, li tfittex il-veritajiet tagħha, li timpenja ruħha fil-ħajja.

klessidra_177x132Luce Irigaray temmen li n-natura tan-nisa tmur kontra r-ripetittività fil-mudell tal-kultura li joffri Pavlov. Il-ħajja ta’ mara, iktar minn dik tal-irġiel, hija partikolarment irreversibbli. “A woman’s life is marked by irreversible events that define the stages of her life” (108). Hi temmen li biex tkompli tiżviluppa spiritwalment bħala mara trid tagħraf il-fatt li twieldet mara imma li trid issir l-ispirtu jew ir-ruħ tal-ġisem uniku li hi. Trid tiftaħ il-ġisem femminili tagħha, tagħtih forom, kliem, għarfien tiegħu nnifsu, bilanċ kożmiku u soċjali, f’relazzjoni mal-ambjent, mal-mezzi differenti ta’ skambju ma’ ħaddieħor, u mhux biss permezz ta’ mezzi artifiċjali li ma jgħoddux għalih (109-110). Sciberras ma titkellimx apertament dwar dan il-vjaġġ ta’ skoperta tal-persuna fi ħdan ħolqien ferm ikbar minnha li hu wkoll magħġun minnha, imma t-traċċi tiegħu hemm qegħdin, fil-vjaġġi tagħha lejn it-tfulija tagħha ma’ ommha u ma’ ħutha, fil-vjaġġi tagħha f’Londra, fl-esplorazzjoni tagħha tan-natura qrib u fl-istess ħin imbiegħda.

Meta l-poetessa tkun għada tifla, fil-bitħa fuq ħoġor ommha (għax hemmhekk kienet issib kulma tixtieq), tistaqsiha mħassba fejn immorru meta mmutu, it-tweġiba tal-omm hija istintiva.

“La mmutu mmorru fejn irridu,”

għedtli, “u jien u int fil-bitħa nerġgħu lura.”

Il-qawwa tar-risposta li għal mument tista’ tinstema’ qarrieqa tinsab fil-kxif ta’ verità oħra, fil-kliem li jorbot liż-żewġ nisa flimkien lilhinn mill-konfini taż-żmien, fl-ispirtu li jorbothom għal dejjem flimkien, fil-ħeġġa istintiva tal-omm li taqsam ix-xewqat tat-tifla, fl-ispazju intimu tal-bitħa għall-arja tas-sajf u “għad-dell tal-lewża għammilija” li jorbot l-istorja individwali mal-ġrajja straordinarja tal-ħolqien.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s