Simshar

Image

Nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju 2014 mort nara l-film Simshar u ħadt gost narah. Naħseb li kien hemm ħafna postijiet fejn seta’ jiżloq fin-niexef u ma żelaqx.

Barra minn hekk, ma stajtx ma nżommx f’moħħi r-riżorsi limitati ta’ produzzjoni bħal din. Ikun inġust li tqabbilha ma’ produzzjoni li għandha riżorsi finanzjarji u umani sostanzjali.

L-għażla li l-film jispira ruħu mill-ġrajja vera tas-Simshar u fl-istess ħin jitbiegħed minnha għalija kienet kruċjali, għax ħelset lill-film mid-dibattitu (sa ċertu punt irrelevanti) dwar jekk jirriflettix “ir-realtà” jew le.

L-għażla li jorbot it-traġedja tas-Simshar mat-traġedja tal-immigrazzjoni wkoll naħseb li kienet għażla loġika imma mhux daqshekk ovvja. Il-film jieħu pożizzjoni fuq l-immigrazzjoni imma mingħajr ma jagħmel prietka. Barra minn hekk, minkejja elemenet ta’ sentimentaliżmu, la jirromantiċizza u lanqas jiddemonizza l-vjaġġ drammatiku tal-immigranti jew l-interventi tas-suldati u l-awtoritajiet Maltin.

Naħseb li hemm sterjotipizzazzjoni ġenerali tal-Maltin li f’ċerti mumenti, ngħidu aħna fil-bidu, ifakkruk fil-personaġġi fit-triloġija ta’ Emanuele Crialese. Imma mhix banalizzazzjoni tagħhom, lanqas.

Ix-xena kruċjali tal-inċident fuq is-Simshar, irrispettivament minn jekk tirriflettix dak li verament seħħ fuq is-Simshar proprja, tirnexxi sew, fil-fehma tiegħi, imma m’iniex mustaċċun tal-films, u allura aħjar nieqaf hawn.

Għoġbitni wkoll il-mużika ta’ Ruben Zahra. Kien hemm mumenti meta ma qgħadtx nagħti kas tal-mużika, u naħseb li dan huwa sinjal tajjeb. Jekk narah it-tieni darba, aktarx li noqgħod iktar attent għaliha, imma trid tkun deċiżjoni konxja, għax mill-bqija donnha tintiseġ fit-tessut tan-narrattiva b’mod naturali ħafna.

Għażla oħra interessanti, u li fil-fehma tiegħi rnexxiet, kienet li l-film ikun bil-Malti. Hija għażla li tagħti ċerta “awtentiċità” (minkejja li l-awtentiċità hija wkoll kostruzzjoni).

Hemm numru ta’ mumenti poetiċi fil-film, mhux fil-lingwa, imma fix-xbihat, imma ħassejt li l-film seta’ jinqata’ ftit iżjed minn rakkont li donnu jiddokumenta biss, u jieħu l-film lil hinn, kif tagħmel kull biċċa xogħol tal-arti. Imma l-film jirnexxilu jqanqal emozzjonijiet sinċieri, mhux irħas, u dan fih innifsu diġà huwa suċċess.

Proset lil Rebecca Cremona, id-direttriċi, u lil tant nies li kellhom x’jaqsmu mal-produzzjoni ta’ dan il-film.

https://www.facebook.com/SimsharTheFilm

Teodor Reljic kiteb żewġ artikli interessanti fuq Malta Today li jinsabu hawnhekk:

http://www.maltatoday.com.mt/arts/film/38732/film_review__simshar#.U3ok2PmSykM

http://www.maltatoday.com.mt/arts/film/38442/simshar_a_sign_of_things_to_come#.U3rxtfmSykN

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s