L-awtorità tal-poeta

Skola Sekondarja San Andrea, 9 ta’ Mejju 2013

Il-Ħamis 9 ta’ Mejju kont l-Iskola Sekondarja ta’ San Andrea biex nitkellem dwar il-poeżija mal-istudenti tar-raba’ sena. Kienet esperjenza sabiħa, l-aktar minħabba l-entużjażmu tal-istudenti nfushom u tal-għalliema, u mhux biss dawk tal-Malti. Wara s-sessjoni tkellimt ma’ Oliver Friggieri dwar il-laqgħa li kelli ma’ dawn l-istudenti, għax ftit jiem qabel iltaqa’ magħhom hu wkoll, u rrakkontatli l-istess esperjenza pożittiva ta’ studenti u għalliema li qed jieħdu gost jiskopru l-letteratura u l-opportunità li jagħti s-sillabu l-ġdid li l-qarrejja jsiru protagonisti huma wkoll tal-proċess letterarju.

Ħtaft l-okkażjoni biex naqra, minbarra l-poeżija “B’Idejna” li hija parti mis-sillabu tagħhom, poeżija oħra għal qalbi ħafna minħabba l-istruttura ritmika tagħha, “Cowboys,” li tinsab fil-ktieb għall-adolexxenti tiegħi, Vleġġa Kkargata. Staqsejthom xi tfisser għalija l-poeżija u qrajtilhom il-poeżija “Vleġġa Kkargata” wkoll.

Fuq il-poeżija “B’Idejna” ridt nistabbilixxi mill-ewwel magħhom li l-kittieba mhux biss m’għandux ikollhom monopolju fuq l-interpretazzjoni tax-xogħol tagħhom imma m’għandhomx jippretendu li x-xogħol baqa’ tagħhom biss. Xogħol ippubblikat isir proprjetà pubblika: mhux għax id-drittijiet legali ma jibqgħux tal-kittieba imma  għax ix-xogħol ippubblikat “iseħħ” fil-kuxjenza u l-esperjenza ta’ individwi differenti li jaqrawh. Kellna diskussjoni, ngħidu aħna, fuq vers li jitkellem fuq “moħħ lewn ix-xagħri.” Il-metafora hija strateġija letterarja, użu tal-lingwa, li jmur kontra l-lingwa ta’ kuljum, kontra t-tifsira. Il-metafora tintuża appuntu biex tisfida t-tifsira, biex tesponi ruħha għal interpretazzjonijiet differenti imma anki għal assoċjazzjonijiet mentali, xbihat, esperjenzi personali, gost bil-ħoss u bit-tensjoni semantika…

Image

“dan il-moħħ lewn ix-xagħri” (ritratt meħud Għajntuffieħa minn Andrew Grima, April 2013)

Fil-mument li tfittex tifsira jew interpretazzjoni definittiva għal metafora toqtolha, tmur kontra n-natura tagħha. Iż-żewġ għalliema tal-Malti, Mauro Camilleri u Clint Xuereb, taw interpretazzjonijiet differenti tal-vers, aktarx ibbażati mhux biss fuq il-qari ftit differenti tagħhom tal-poeżija u l-kuntest li fih jidher il-vers imma anki ibbażati fuq l-esperjenza u l-interpretazzjoni tagħhom tax-xagħri. Wieħed ra x-xagħri bħala post sterili, fejn m’hemmx fertilità, u interpreta din il-karatteristika fil-kuntest tad-diskors nazzjonalistiku jew patrijottiku li tqanqal il-poeżija, waqt li l-ieħor ra x-xagħri bħala pajsaġġ awtentiku Malti li għandu r-rikkezza ekoloġika tiegħu, anki għaliex il-vers ta’ qabel jitkellem dwar “din il-ġilda lewn ix-xemx.” Ħassejtni komdu ħafna biż-żewġ interpretazzjonijiet flimkien; jekk waħda teskludi lill-oħra nħossni li l-metafora tibda tittajrilha l-ħila suġġestiva u evokattiva tagħha. Nimmaġina li hemm interpretazzjonijiet validi oħrajn.

adrian-grima_tibza-rakkmuOliver Friggieri qalli, meta ltajna wara, li mal-istudenti ma tkellimx dwar ix-xogħol tiegħu li hemm fil-ktieb Bejn Ħalltejn. “Niddejjaq nitkellem fuq ix-xogħol tiegħi,” qalli, diskors li għandu jinftiehem fis-sens li “inħoss li m’għandix nitkellem fuq ix-xogħol tiegħi stess.” L-argument ewlieni tiegħi mal-istudenti bħala awtur ta’ din il-poeżija kien li issa li ktibt u ppubblikajt dan ix-xogħol – kien deher l-ewwel darba snin ilu f’Rakkmu (KKM, 2006) – m’għadux għalkollox tiegħi imma sar ta’ kull min jaqrah. Dan ma jfissirx li l-poeti m’għandhomx dritt jitkellmu dwar ix-xogħol tagħhom. Imma l-punt kruċjali hu li m’għandhomx iktar awtorità fl-interpretazzjoni tax-xogħol milli għandhom il-qarrejja, jew il-kritiċi. Tal-opinjoni hija opinjoni/interpretazzjoni wkoll, validi kemm tridha, imma mhux iktar valida minn ta’ ħaddieħor. Fis-sessjoni smajt interpretazzjonijiet tax-xbieha tal-idejn li deherli li kienu interessanti ħafna, iktar u iktar għax ma ġewnix f’moħħi meta rġajt qrajt il-poeżija. Imma dak is-sabiħ meta tikteb: li tieħu gost tikteb mingħajr ma tħoss il-ħtieġa tal-kritiċi li toftoq il-poeżija biċċa biċċa!

L-unika interpretazzjoni ppubblikata li ħassejtha mbiegħda mill-ispirtu u l-kelma tal-poeżija hija dik li tinjora t-ton ironiku tal-poeżija. Qisek qed taqra “Aqta’ Fjura u Ibni Kamra” ta’ Immanuel u tgħid li qed jipproponi iktar bini, iktar kostruzzjoni. Jekk ma tintebaħx li hemm ton ironiku tispiċċa tinterpreta kollox bil-maqlub. Ma naħsibx li hemm ħjiel fil-poeżija “B’Idejna” ta’ interpretazzjoni serja, dikjarattiva. Imma se nieqaf hemm.

NB. Ħajr speċjali lill-ħabib tiegħi Paul P. Borg, tal-kuntatt u l-entużjażmu, u lil Nadine Briffa, tal-pittura!

???????????????????????????????Mauro Camilleri, Adrian Grima u Clint Xuereb

Grazzi lill-għalliema kollha tal-Malti u tal-letteratura ta’ San Andrea. L-interess u l-impenn tal-istudenti fil-qari tal-letteratura huma riżultat, fost l-oħrajn, tal-impenn ta’ dawn l-għalliema.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s