Intervista ta’ Miguel Ciappara ma’ Adrian Grima | 5 ta’ Novembru 2012
Meta twelidt?
Ħriġt mill-borża kennija tal-ġuf għal ġox-xitwa ta’ barra fil-25 ta’ Jannar 1968.
Fejn twelidt?
Ommi wellditni fl-Isptar tal-Blue Sisters f’San Ġiljan (l-istess sptar fejn fl-1961 miet poeta li ktibt ħafna fuqu fl-istudji tiegħi, Dun Karm).
X’inhu x-xogħol tiegħek?
Ngħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta u nikteb studji dwarha. Nispeċjalizza fil-metafora u l-preżenza tal-Mediterran fil-letteratura Maltija. Inħobbu ħafna x-xogħol tiegħi u f’dan is-sens inħossni tassew ixxurtjat.
Fil-ħin liberu nikteb il-poeżiji u l-istejjer għall-kbar u għat-tfal u kull tant żmien nagħmel xi sensiela ta’ programmi fuq ir-radju.
Meta kont żgħir kont tixtieq issir hekk?
Bdejt nikteb meta kont fl-ewwel klassi tas-sekondarja, imma ma niftakarnix naħseb li se nkun kittieb. Għamilt żmien iffissajt fuq logħba biex tagħmel l-esperimenti tal-kimika li xtrawli l-ġenituri tiegħi, imma naħseb li ma tgħallimt xejn minnha!
Meta kont żgħir ma nafx li qatt kelli x-xewqa li nsir xi ħaġa partikulari. Imma jien ninsa ħafna.
X’sehem għandek fil-promozzjoni tal-letteratura Maltija?
Jiena l-koordinatur tal-organizzazzjoni kulturali Mediterranja Inizjamed li waqqafnieha fl-1998 u flimkien ma’ kittieba oħrajn bħal Clare Azzopardi u Claudia Gauci norganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li jsir kull sajf. Jieħdu sehem għadd ta’ kittieba Maltin u barranin li jġibu l-lingwi sbieħ tagħhom magħhom.
Jistednuni f’diversi pajjiżi biex nieħu sehem f’konferenzi dwar il-letteratura u festivals letterarji, fosthom biex naqra l-poeżiji tiegħi, u minn barra ta’ spiss jitolbuni l-informazzjoni dwar il-letteratura Maltija u l-kittieba Maltin.
X’pubblikazzjonijiet ta’ poeżiji għandek?
Fl-1999 ippubblikajt ktieb ta’ poeżiji jismu It-Trumbettier. Dan il-ktieb ingħata t-tieni post fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżija ppubblikati fl-Ewropa f’dik is-sena. Fl-2006 ħareġ Rakkmu u fl-2009, mal-kittieb Immanuel Mifsud, ħriġt ġabra ta’ poeżiji dwar it-tibdil fil-klima bl-isem ta’ Riħ min-Nofsinhar, li ngħata Premju Nazzjonali bħala l-aktar ktieb kreattiv.
Fl-2011 fl-Italja ħareġ ktieb b’ġabra ta’ poeżiji tiegħi bil-Malti tradotti għat-Taljan bl-isem ta’ Denb il-Vleġġa / La coda della freccia u f’Novembru tal-2012 ħierġa ġabra bil-Franċiż, Ici arrivent le mouettes / Hawn Jidħol il-Gawwi. Għandi wkoll ġabra bit-traduzzjonijiet bl-Ingliż (The Tragedy of the Elephant) u oħra bil-Ġermaniż ippubblikata Berlin.
Barra minn hekk, ħarġu żewġ kotba tiegħi għall-adolexxenti: ġabra ta’ poeżiji bl-isem ta’ Vleġġa Kkargata, u ġabra ta’ stejjer bl-isem ta’ Din Mhix Logħba.
Fuq liema suġġett tħobb tikteb il-poeżiji?
M’hemmx xi suġġett li nħobbu iktar minn oħrajn, naħseb. Li nfittex l-iktar huwa li nisma’ r-ritmu meta niġi biex naqra l-poeżija. Jaffaxxinani.
Fil-ktieb il-ġdid tiegħi għall-adolexxenti Vleġġa Kkargata nesperimenta b’suġġetti u stili ta’ kitba differenti. Daqqa nuża r-rima u daqqa le; daqqa nuża l-istrofi tradizzjonali u daqqa le… Daqqa nikteb poeżija li tidher “bla sens,” bħal “Bali Ta’ Qali” u daqqa nikteb dwar temi serji ħafna, bħall-mard, il-mewt u l-vjolenza.
L-ikbar pjaċir jasal meta nlesti l-poeżija, wara ġranet sħaħ naħdem fuqha, u noqgħod naqraha ngħajjat u nismagħha ħa nkun naf kif tinstema’.
Liema hi l-poeżija favorita tiegħek?
Jekk qed tirreferi għall-poeżiji ta’ ħaddieħor hemm verament ħafna li nħobb, fosthom “Allegro” ta’ Tomas Tranströmer u “Delimara” ta’ Daniel Massa. Fi Vleġġa Kkargata, “Adriana l-Pulizija” u “Anja l-Bandli” huma fost l-aktar poeżiji għal qalbi.
Apparti bil-Malti, tikteb poeżiji b’lingwa oħra?
Le, jien ma niktibx poeżiji b’lingwi oħrajn.
M’ilux ktibt storja bl-Ingliż dwar ħabib tiegħi li jilgħab il-futbol imma għadni ma ppubblikajthiex. Imma din fula f’qargħa.
Waħda mill-ħolmiet tiegħi, però, hi li l-poeżiji tiegħi għall-adolexxenti jinqalbu f’lingwi oħrajn, bħall-poeżiji tiegħi għall-kbar. Fi Vleġġa Kkargata hemm sitt poeżiji ta’ erba’ poeti ħbieb tiegħi minn Franza, Spanja, l-Iżlanda u l-Italja li jien qlibt għall-Malti… Kollha għal qalbi, speċjalment “Baqar Ekoloġiċi”.
X’inhu x-xogħol li qiegħed taħdem fuqu bħalissa?
Bħalissa qed nikteb studju, fost l-oħrajn, dwar poeżija mhux magħrufa ta’ Dun Karm u naħdem ħafna fuq il-letteratura ta’ Juann Mamo, kittieb li jogħġobni ħafna. Sadattant nixtieq nibda naħdem biex joħroġ ktieb ieħor ta’ poeżiji tiegħi għall-kbar u ktieb ieħor bi traduzzjonijiet tal-poeżiji tiegħi għall-Għarbi.
Imma l-problema hi li m’hemmx biżżejjed ħin fil-ġurnata, u nħobb nagħmel affarijiet oħrajn, speċjalment inqatta’ l-ħin mal-familja tiegħi, naqra, u nilgħab il-futbol.