Isma’ s-sensiela Bellavista mill-Ħabs li xxandret fuq Campus FM
Għaxar Snin il-Ħabs ta’ Karmenu Duca MC | Daħla ta’ Adrian Grima
Fil-Fiera tal-Ktieb ta’ Novembru 2011 f’Dar il-Mediterran, il-Belt, Horizons ippreżenta l-ktieb ta’ Karmenu Duca MC, Għaxar Snin il-Ħabs. Jien għoġobni ħafna. Fih ukoll għadd kbir ta’ tpinġijiet ta’ Br. Karmenu li wħud minnhom dehru fl-intervista li xxandret fil-programm Lenti fuq TVM fl-2011. Naħseb li l-istil inimitabbli tiegħu se jogħġob lil ħafna nies.
Din hija d-daħla li ktibt għal dan il-ktieb.
Għaxar Snin il–Ħabs, id-djarju ta’ Karmenu Duca MC
L-Ironija u l-Assurd
L-għaxar snin li jirrakkonta b’ħila u onestà kbira Karmenu Duca huma miżgħudin b’aneddoti li ma tinsihomx malajr u b’osservazzjonijiet leġġeri u kultant b’sitwazzjonijiet verament tad-daħq li ironikament itellgħu aktar fil-wiċċ it-traġiċità tal-istejjer li jiltaqa’ magħhom u jgħixhom.
Minkejja l-limiti tal-ġeneru tad-djarju, l-awtur juri kemm għandu pinna tajba, ħila li ġejja minn talent naturali imma anki mill-fatt li jaqra l-aħjar letteratura internazzjonali b’lingwi differenti u jidħol b’ruħu u ġismu fil-ġrajjiet li jirrakkonta. Jinqeda b’lingwaġġ figurattiv, b’sintassi varjata, bl-intertestwalità, u bil-vena ironika tipika tal-karattru tiegħu. Taħt il-ħeffa naturali tar-rakkont, kull paġna togħtor taħt il-piż inevitabbli tal-mistoqsijiet il-kbar li jistaqsi, tat-tweġibiet li ma jagħtix għax iħoss li ma jistax jagħti, tad-diqa li tibqa’ tnawwar minn ġewwa u jkollha tibqa’ dik li hi, diqa li ma titħassarx iżda forsi tittaffa bid-duwa inspjegabbli tal-imħabba u l-fidi.
Għax Karmenu Duca ma jirrakkontax minn fuq l-ambone taċ-ċertezzi. Ma jqigħedx dak kollu li jiltaqa’ miegħu u dak li jħoss ġo fih fi skema ddisinjata apposta biex tagħti sens lil dak li hu bla sens jew forma lil dak li hu bla forma. Ħin minnhom jistaqsi jekk hux qed irabbi qoxra ħoxna wisq: wara li jisma’ qattiel jirrakkonta storja “grotteska u assurda” ta’ qtil, jinfaqa’ jidħaq. “Ġesù, ma nafx x’qed jiġrili. Qed insir aktar insensittiv? Ma nafx. Jew huwa mod kif inkampa ma’ dawn l-atroċitajiet?”
Dan huwa djarju ta’ immersjoni mhux ta’ spjegazzjoni, ta’ tfittxija mhux ta’ soluzzjoni. Il-fidi (kbira) tiegħu hija proġett dejjem mibdi, barriera dejjem miftuħa, proċess kontinwu determinat imma dejjem fraġli.
Naħseb li għal Karmenu dan huwa rakkont katartiku għax jgħinu jkampa qalb it-traġedji li jħabbat wiċċu magħhom, qalb it-telfiet żgħar u kbar li jkollu jġarrab kontinwament meta jinfired jew jifirduh minn ħbiebu, minn ħutu, mill-punti ta’ riferiment mentali u emozzjonali tiegħu. Jagħżel li jesponi ruħu għad-dgħufijiet tiegħu u ta’ ħaddieħor, għall-faqar estrem tan-natura umana. Huwa miġbud lejn il-ħabsin, imma huwa konxju mit-tensjoni li hemm f’kull rokna tal-ħabs.
Karmenu Duca jistqarr li “l-via crucis ma tagħmilx sens il-ħabs, għax jgħixuha kuljum.” Id-djarju u t-tpinġijiet jgħinuh jistabbilixxi ċertu distakk responsabbli mill-atroċitajiet li jmiss magħhom u minnu nnifsu, anki għaliex jikkonserva fih sens kbir tal-ironija u l-assurd; jgħinuh jistaqsi lilu nnifsu dwar is-simpatija tiegħu lejn il-qattiela u lejn il-ħażen li hemm fina l-bnedmin; jgħinuh jibqa’ uman minkejja l-esperjenzi estremi ta’ inumanità li jmiss magħhom.
Għaxar Snin il–Ħabs ta’ Karmenu Duca MC huwa pubblikazzjoni ta’ Horizons.