Tnedija ta’ Xi Drabi Mqar Persuna ta’ Simone Galea

xi-drabi-mqar-persuna.jpgAdrian Grima għamel apprezzament kritiku tal-ktieb il-ġdid tal-poeżiji ta’ Simone Galea,  Xi Drabi Mqar Persuna, waqt it-tnedija li saret nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Mejju, 2011, fis-7.30 pm f’Palazzo De La Salle (Is-Soċjetà Maltija tal-Arti, Manifattura u Kummerċ) 219, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Il-qoxra tal-ktieb hi xogħol Raphael Vella.

Skont Maria Grech Ganado, Simone Galea, li tgħallem il-Filosofija tal-Edukazzjoni fid-Dipartiment tal-Istudji Edukattivi, “tirrappreżenta lin-nisa Maltin f’kulma tikteb, mhux biss għax leħinha huwa intrinsikament dak ta’ mara, imma wkoll għax ix-xbihat tagħha għandhom is-saħħa ta’ xbihat marbutin mal-kultura Maltija – il-baħar, ir-riħ, is-sajf, il-ġewlaq, l-immigranti klandestini.” Il-poeżiji tagħha “jirriflettu kemm il-kumplessità tal-imħabba għan-nisa tas-sekli 20 u 21.”

Skont Immanuel Mifsud, “Simone Galea tilqa’ l-istedina ta’ Hélène Cixous biex tikteb lilha nfisha u dan tagħmlu permezz ta’ stedina oħra interessanti biex immiddu riġlejna u nimxu fuq dan il-kontinent mudlam [il-mara skont Freud], imma mhux bħala esploraturi, wisq inqas bħala kolonizzaturi, daqskemm bħala mistednin għal festin, fi spirtu aktar komunitarju milli binarju ta’ jien versu int, mara versu raġel.

F'”Lezzjoni” Galea tibda l-festin billi tifrex il-ħolm tagħha u tħajjarna mmissuh.”

Jekk bħat-tfal
tbillu l-istikek tagħkom
fil-bott tas-sapun li għandi
onfħu l-bżieżaq kollha li tifilħu
ħalluhom itiru sew
fix-xemx ‘il barra

bħal tfal ejjew
għumu fl-għadajjar li skoprejna
għodsu sew fil-fond tagħhom.

Il-ktieb jinsab ghall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba ewlenin u mingħand Sierra Book Distributors.

Fid-diskors tiegħu, Adrian Grima nqeda b’elementi mix-xogħol ta’ Maurice Blanchot biex jaqra l-poeżija ta’ Simone, speċjalment dik li tirrifletti fuq il-poeżija nfisha. “Blanchot jemmen li l-persuna li qed tikteb tmut appena jibda jeżisti x-xogħol, għax biex jeżisti hu, minn jeddu, ma jistax jibqa’ fih ħajja oħra, differenti minnu. Kultant il-kittieba nfushom għandhom dan il-presentiment, l-impressjoni li b’mod stramb ħafna jinsabu bla xogħol. Iżda f'”Bewsa” Simone Galea tistqarr li l-poeżiji tagħha “Leħnek inibbithom / f’kull rokna sewda f’qalbi,” għax il-leħen barrani li tindirizza jagħtiha lura l-poeżiji li ħolqot hi stess, u hi ssir il-qarrejja jew sidt ġdida ta’ xogħol li ma nibbtet hi permezz ta’ qarrej barrani għall-konċepiment tax-xogħol. Jew forsi mhuwiex barrani għall-poeżiji tagħha, wara kollox, dan il-leħen, dan il-maħbub li “nagħmel tabirruħi” li jħobbni? Forsi kellu sehem hu wkoll fit-tnissil tagħhom.

Kemm nistgħu ngħidu li l-poeti huma l-poeti, waħedhom, tax-xogħol tagħhom? Nafu li ladarba jitlesta x-xogħol ix-xogħol ma jistax jibqa’ tagħhom: imma kemm huwa tagħhom, anki fit-tnissil, huwa u jitnissel? U kemm għandhom jistqarru l-poeti, kemm jaqblilhom jiddefendu din il-maternità stramba tagħhom? Il-poeżija hija l-affermazzjoni tad-dgħufija, ir-rassenjazzjoni li kellha tkun finali, l-istqarrija tal-abbandun.”

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s