Il-ktieb Vleġġa Kkargata (KKM 2012) fih poeżiji umoristiċi u mexxejja bir-rima, fosthom poeżiji “bla sens,” bħal dik li tara konnessjoni ġdida bejn il-gabbana tal-ġelati f’Ta’ Qali u l-gżira eżotika ta’ Bali. Imma l-ktieb fih ukoll għadd ta’ poeżiji li jesploraw id-diqa marbuta mal-mard u l-mewt, u r-rabja li tqanqal l-inġustizzja. Poeżija oħra tirrakkonta l-ansjetà ta’ tifel li qed jilgħab il-futbol imma jħossu maħkum mill-biża’ li jiżbalja, waqt li poeżija oħra tirrakkonta l-kburija ta’ tifla li trid issir pulizija biex taqbad il-“qżież.” Il-ktieb fih ukoll sitt poeżiji ta’ erba’ poeti mhux Maltin tradotti jew addattati għall-Malti.
L-artista Karen Caruana, li ispirat ukoll waħda mill-istejjer, bdiet tpinġi meta kienet tifla tal-iskola. “Kont inpinġi kull meta suġġett l-iskola ma kienx iqanqalli kurżità (jiġifieri ħafna drabi); kull meta l-għalliema ma jkunux qed iħarsu; kull meta nara karta vojta, jew togħġobni s-sensazzjoni meta mmiss karta partikulari; kull meta nsib lapes skur li jimmarka mingħajr ma jigref il-karta (lapes 2B kien lussu meta kont żgħira)… Kont inpinġi kemm bħala passjoni u kemm għax dejjem kont insib wens kbir.” It-tpinġijiet fiż-żewġ kotba jiġbdu l-għajn iżda fihom ukoll ħafna ħsieb.
http://www.maltatoday.com.mt/en/newsdetails/news/interview/Words-know-no-age-Adrian-Grima-20121118