dak li nipproduċu ma nikkunsmahx; dak li nikkunsmaw ma nipproduċuhx
Fid-9 ta’ Mejju 2009 Inizjamed ippubblikat ktieb ta’ 138 paġna ta’ kitbiet letterarji u analitiċi, Kieku l-ikel jitkellem, bħala parti mill-proġett tal-Koperattiva Kummerċ Ġust dwar is-sovranità tal-ikel. 36 awtur u awtriċi minn oqsma differenti tal-ħajja u b’varjeta’ ta’ ġeneri madwar tema waħda. L-editur ta’ dan il-ktieb huwa Adrian Grima u d-disinn tal-qoxra sar minn Jonathan Grima. Il-ktieb jinbiegħ €8.
Il-kontributuri jinkludu awturi magħrufin, bdiewa, soċjoloġi, politiċi, attivisti, paċifisti, edukaturi, u ġurnalisti. Il-kitbiet huma bil-Malti, għajr għal tnejn bit-Taljan u waħda bil-Qormi.

L-istorja tal-ikel ftit li xejn tirrispetta d-drittijiet, il-ħiliet, it-tradizzjonijiet, il-kultura u fuq kollox id-dinjità tal-produtturi fil-pajjiżi l-fqar. Iżda dan ma jfissirx li m’hemmx tama, li m’hawnx min qed jikkumbatti l-mewġ tal-inġustizzja u l-isfruttament li jeżisti fis-sistema globali tas-suq hekk imsejjaħ “ħieles;” ma jfissirx li m’hemmx soluzzjonijiet.
Il-kittieba huma: Angele Deguara, John Axiak, Evarist Bartolo, Rebecca Borg, Michael Briguglio, Norbert Bugeja, Carmel Cacopardo, Glen Calleja, Mario Cardona, Antoine Cassar, Carmel Cassar, Priscilla Cassar, Bernard Cauchi, Angele Deguara, Annalise Falzon, Riccardo Franciolini, Joe Galea, Martin Galea De Giovanni, Ian Grech, Michael Grech, William Grech, Maria Grech Ganado, Adrian Grima, Simone Inguanez, Pierre J. Mejlak, Caldon Mercieca, Immanuel Mifsud, Virginia Monteforte, Walid Nabhan, Christine Said, Rita Saliba, Joseph Schembri, Karl Schembri, Joseph Sciberras, Anna Zammit, u Bianca Zammit
Għal aktar tagħrif ara: http://www.l-ikel.org – http://www.inizjamed.org – www.l-arka.org
Ħiereġ il-ktieb Kieku l-Ikel Jitkellem
Fil-kunċert li se jsir waqt il-festival tal-Kummerċ Ġust WorldFest, nhar is-Sibt, 9 ta’ Mejju, fit-8.00pm fi Ġnien l-Indipendenza (l-Exiles), Tas-Sliema, se jitnieda ktieb ġdid, editjat minn Adrian Grima u ppubblikat minn Inizjamed, b’xogħlijiet letterarji u analitiċi dwar l-ikel minn perspettiva lokali u globali. Il-qoxra tal-ktieb ġiet iddisinjata minn Jonathan Grima. Dan il-festival qed torganizzah il-Koperattiva Kummerċ Ġust (KKĠ) bis-sehem ta’ bosta għaqdiet u bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-Unjoni Ewropea.

Il-ktieb se jiffoka fuq id-dritt għall-ikel; il-biedja organika lokali; id-drittijiet tal-ħaddiema fl-industrija tal-ikel u d-drittijiet tal-konsumaturi; il-produzzjoni agrikola għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minflok għall-ikel; l-obeżità u l-edukazzjoni; u t-tradizzjonijiet Maltin marbutin mal-ikel. L-awturi mill-ġenerazzjoni l-ġdida tal-letteratura Maltija li l-poeżiji u n-novelli tagħhom se jidhru f’Kieku l-Ikel Jitkellem huma Norbert Bugeja, Glen Calleja, Mario Cardona, Antoine Cassar, Priscilla Cassar, Bernard Cauchi, Annalise Falzon, Ian Grech, Maria Grech Ganado, Simone Inguanez, Pierre J. Mejlaq, Caldon Mercieca, Immanuel Mifsud, Walid Nabhan, Rita Saliba, u Karl Schembri. Fil-ktieb se jkun hemm ukoll il-kitbiet tal-bdiewa Joe Galea u Joseph Sciberras; tal-politiċi Evarist Bartolo, Michael Briguglio u Carmel Cacopardo; l-attivisti u edukaturi John Axiak, Rebecca Borg, Martin Galea De Giovanni, William Grech, Christine Said, Joseph Schembri; Bianca Zammit; is-soċjoloġi Angele Deguara u Anna Zammit; il-filosfu Michael Grech; il-professur tal-istorja Carmel Cassar; u l-antropologa Taljana Virginia Monteforte.
Il-kunċert li fih uħud mill-awtur se jaqraw xogħlijiet minn dan il-ktieb, akkumpanjati mill-mużiċisti Antoine Vella u Danjeli, jibda fit-8.00pm.
Fil-kunċert se jieħu sehem ukoll il-poeta Amerikan, li jgħix fl-Irlanda ta’ Fuq, Chris Agee. L-iktar ktieb riċenti ta’ Agee huwa Next to Nothing li ħareġ iktar kmien din is-sena fl-Ingilterra. Chris Agee huwa wkoll l-editur tar-rivista letterarja importanti Irish Pages u tal-ġabra Scar on the Stone: Contemporary Poetry from Bosnia (Bloodaxe, 1998). Waqt il-WorldFest tal-2007 Immanuel Mifsud u Adrian Grima, flimkien ma’ bosta kontributuri oħrajn, kienu ppubblikaw il-ktieb Riħ min-Nofsinhar (Skarta, 2008), dwar it-tibdil mill-klima, u fl-istess festival tal-2006 kien ħareġ Tibża’ Xejn Jekk Tibda x-Xita (Skarta, 2006), dwar ix-xogħol, il-Kummerċ Ġust u d-drittijiet tat-tfal.
Għal aktar tagħrif dwar il-ktieb Kieku l-Ikel Jitkellem u l-WorldFest ara http://www.l-ikel.org u http://www.inizjamed.org.
Adrian Grima
It-2 ta’ Mejju 2009